Żakkarija
9 Messaġġ taʼ ġudizzju:
“Il-messaġġ taʼ Ġeħova hu kontra l-art taʼ Ħadrak,
U se jiffoka* fuq Damasku
—Għax għajnejn Ġeħova huma fuq il-bnedmin
U fuq it-tribujiet kollha t’Iżrael—
2 U kontra Ħamat, li tmiss magħha,
U kontra Tir u Sidon, li jaħsbu li huma għorrief ħafna.
3 In-nies taʼ Tir bnew fortizza* għalihom.
Huma geddsu l-fidda bħat-trab
U d-deheb bħat-tajn tat-toroq.
4 Ġeħova se jiħdilhom l-affarijiet tagħhom,
U se jeqred l-armata tagħhom bħallikieku jitfagħhom fil-baħar;
U l-belt se tinħaraq bin-nar.
5 In-nies t’Askelon se jaraw dan u jibżgħu;
In-nies taʼ Gaża se jkunu ansjużi ħafna,
U anki n-nies t’Għekron, għax it-tama tagħhom ġiet fix-xejn.
Gaża mhux se jkollha iktar re,
U f’Askelon mhux se jgħixu iktar nies.
6 Il-barranin se jgħixu f’Asdod,
U lill-Filistin se nneħħilhom il-kburija li għandhom.
7 Jien se nneħħi d-demm minn ħalq il-Filistin
U l-affarijiet moqżieża minn bejn snienhom,
U dawk li jifdal minnhom se jkunu tal-Alla tagħna;
U huma se jsiru bħal kap* f’Ġuda,
U n-nies t’Għekron bħall-Ġebusin.
8 Jien se nikkampja biex noqgħod għassa mal-pajjiż tiegħi,
Ħalli b’hekk ħadd ma jerġaʼ jgħaddi minn hemm jew imur lura;
U l-ebda wieħed li kien jaħqarhom* ma jerġaʼ jgħaddi minn hemm,
Għax jien rajt b’għajnejja stess dak li ġralhom.*
9 Ifirħu b’qalbkom kollha, nies taʼ* Sijon.
Għajtu bil-ferħ, nies taʼ* Ġerusalemm.
Ir-re tagħkom ġej għandkom.
Hu ġust, se jġib salvazzjoni,
U hu umli u riekeb fuq ħmar,
Fuq felu, il-ferħ taʼ ħmara.
10 Jien se nneħħi l-karrijiet tal-gwerra minn Efrajm
U ż-żwiemel minn Ġerusalemm.
U kull qaws tal-battalja se jitneħħa.
U hu se jitkellem dwar il-paċi mal-popli;
It-tmexxija tiegħu se tkun minn baħar sa baħar
U mix-Xmara* sa truf l-art.
11 Mara,* minħabba l-patt li għamilt miegħek li sar validu bid-demm,
Jien se noħroġ lill-priġunieri tiegħek mill-ħofra li ma fihiex ilma.
12 Ejjew lura lejn il-fortizza, priġunieri li għalikom hemm tama.
Sijon, illum qed ngħidlek,
‘Se nagħtik sehem doppju.
13 Jien se nuża lil Ġuda bħala l-qaws tiegħi.
Jien se nieħu lil Efrajm bħala vleġġa għall-qaws.
Sijon, se nġiegħel lit-tfal tiegħek
Jiġġieldu kontra t-tfal tal-Greċja,
U se nagħmlek bħal xabla taʼ gwerrier.’
14 Ġeħova se juri b’mod ċar li hu qiegħed mal-poplu tiegħu,
U l-vleġġa tiegħu se toħroġ bħal sajjetta.
Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* se jdoqq il-qarn,
U se jmur għall-gwerra b’riefnu tan-Nofsinhar.
15 Ġeħova tal-armati se jiddefendihom,
L-għedewwa tagħhom se jattakkawhom bil-ġebel tal-iżbandola, imma huma se jirbħulhom.
Huma se jifirħu u se jgħajtu bħallikieku xorbu l-inbid;
U huma se jkunu bħal skutella mimlija bl-inbid,
Bħal demm li jixxerred fil-kantunieri tal-artal.
16 Dakinhar, Ġeħova l-Alla tagħhom se jsalvahom
Bħal ragħaj li jsalva lin-nagħaġ tiegħu;
Huma se jkunu bħall-ħaġar ileqq taʼ kuruna* fuq l-art tiegħu.
17 Kemm hi kbira l-qalb tajba tiegħu!
U kemm hi tal-għaġeb il-glorja tiegħu!
L-ikel u l-inbid ġdid se jsaħħu
Lill-ġuvintur u lit-tfajliet.”