Żakkarija
2 Jien ħarist u rajt raġel b’ħabel tal-kejl f’idu. 2 Allura staqsejtu: “Fejn int sejjer?”
Hu wiġibni: “Sejjer inkejjel Ġerusalemm biex inkun naf x’inhuma l-wisaʼ u t-tul tagħha.”
3 U l-anġlu li kien qed ikellimni telaq, u mar anġlu ieħor jiltaqaʼ miegħu. 4 Imbagħad qallu: “Iġri u mur għid lil dak iż-żagħżugħ, ‘“Ġerusalemm se jkollha n-nies fiha u se tkun bħal pajjiż miftuħ fil-kampanja,* għax se jkun fiha ħafna nies u mrieħel. 5 U jien se nsir għaliha ħajt tan-nar mad-dawra kollha, u l-glorja tiegħi se tkun f’nofsha,” jgħid Ġeħova.’”
6 “Ejjew! Ejjew! Aħarbu mill-pajjiż tat-Tramuntana,” jgħid Ġeħova.
“Għax jien xerridtkom mal-erbaʼ direzzjonijiet,”* jgħid Ġeħova.
7 “Ejjew, nies taʼ Sijon! Aħarbu intom li qed tgħixu maʼ bint* Babilonja. 8 Ġeħova tal-armati, li wara li ġie gglorifikat bagħatni* għand il-popli li kienu qed jisirqukom, jgħid hekk: ‘Kull min imiss lilkom, imiss il-mimmi t’għajnejja. 9 Issa se nxejjer idejja kontrihom, u l-ilsiera li kellhom se jiħdulhom l-affarijiet tagħhom.’ U intom żgur li se tkunu tafu li bagħatni Ġeħova tal-armati.
10 “Bint* Sijon, kanta bil-ferħ; għax jien ġej u se nkun miegħek,” jgħid Ġeħova. 11 “Dakinhar, ħafna popli se jingħaqdu miegħi, Ġeħova. Huma se jsiru l-poplu tiegħi u jien se nkun magħhom.” U intom se jkollkom tkunu tafu li lili bagħatni għandkom Ġeħova tal-armati. 12 Ġeħova se jieħu lil Ġuda bħala l-wirt tiegħu fuq l-art qaddisa, u se jerġaʼ jagħżel lil Ġerusalemm. 13 Nies kollha, oqogħdu kwieti quddiem Ġeħova, għax hu se jieħu azzjoni mill-post qaddis fejn jgħix.