Żakkarija
13 “Dakinhar, se jagħmlu bir għad-dar taʼ David u għan-nies taʼ Ġerusalemm biex jitnaddfu mid-dnub u mit-tinġis.
2 Ġeħova tal-armati jgħid: “Dakinhar, se neqred l-ismijiet tal-idoli mill-pajjiż, u mhux se jkun hemm min jiftakar iktar fihom; u jien se nneħħi l-profeti foloz u l-ispirtu mniġġes mill-pajjiż. 3 U jekk xi ħadd jerġaʼ jipprofetizza, ommu u missieru li ġabuh fid-dinja se jgħidulu, ‘Int mhux se tgħix, għax gdibt f’isem Ġeħova.’ U ommu u missieru li ġabuh fid-dinja se jniffduh, għax ikun qed jipprofetizza.
4 “Dakinhar, kull profeta se jistħi minħabba l-viżjoni li jkun qed jipprofetizza; u huma mhux se jilbsu libsa taʼ profeta* biex iqarrqu. 5 U kull wieħed minnhom se jgħid, ‘Jien mhux profeta. Jien naħdem fl-għelieqi, għax raġel xtrani meta kont għadni żgħir.’ 6 U jekk xi ħadd jistaqsih, ‘X’inhuma dawn il-feriti li għandek?’* hu se jwieġeb, ‘Ġejt imweġġaʼ fid-dar tal-ħbieb tiegħi.’”*
7 “Int li għandek xabla,
Mur u użaha kontra r-ragħaj tiegħi u l-ħabib tiegħi,” jgħid Ġeħova tal-armati.
“Attakka lir-ragħaj, u ħalli l-merħla titferrex;*
U jien se niddixxiplina lil dawk li mhumiex importanti.”
8 Ġeħova jgħid: “U fil-pajjiż kollu,
Żewġ terzi tan-nies li joqogħdu hemm se jinqatlu;
U t-terz l-ieħor se jibqaʼ hemm.
9 U lil dak it-terz se ngħaddih min-nar;
Se nirfinahom bħalma wieħed jirfina l-fidda,
U se nittestjahom bħalma wieħed jittestja d-deheb.
Huma se jitolbu lili billi jużaw ismi,
U jien se nwiġibhom.
Jien se ngħid, ‘Huma l-poplu tiegħi,’
U huma se jgħidu, ‘Ġeħova hu l-Alla tiegħi.’”