Għamos
8 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* urieni dan: Kien hemm qoffa bil-frott tas-sajf. 2 Imbagħad hu qal: “X’qed tara, Għamos?” Jien għedtlu, “Qoffa bil-frott tas-sajf.” Imbagħad Ġeħova qalli: “Wasal it-tmiem* għall-poplu tiegħi Iżrael. Jien mhux se naħfrilhom iktar. 3 ‘Dakinhar, l-għanjiet tat-tempju se jinbidlu f’biki,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Se jkun hemm ħafna iġsma mejtin mitfugħin kullimkien. Ħa jkun hemm il-kwiet!’
4 Isimgħu dan, intom li qed tgħaffġu lill-fqir
U li qed tagħmlu l-ħsara lill-umli tal-pajjiż,
5 Li tgħidu, ‘Kemm se jdum biex jgħaddi l-qamar ġdid, ħalli nkunu nistgħu nbigħu ċ-ċereali* tagħna,
U s-Sabat, biex nagħmlu l-kejl tal-efa* iżgħar?
Ħalli x-xekel* nagħmluh ikbar billi ngħollu l-prezz,
U nqarrqu bil-miżien tagħna.
6 B’hekk, inkunu nistgħu nixtru lil dak fil-bżonn bil-fidda,
Lill-fqir għal sandli,
U nbigħu dak li mhux tajjeb miċ-ċereali.’
7 Ġeħova ħalef bil-Kburija taʼ Ġakobb,
‘Jien qatt mhu se ninsa dak kollu li għamlu.
Se jkun hemm taqlib kbir,
Ħa jkun bħal meta x-Xmara Nil tal-Eġittu
Togħla u tinżel.’
9 ‘F’dak il-jum, jien se nġiegħel lix-xemx tinżel f’nofsinhar,
U se ndallam l-art f’jum imdawwal,’
Jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
10 ‘Jien se nbiddel il-festi tagħkom fi dwejjaq,
U l-għanjiet kollha tagħkom f’għanjiet taʼ swied il-qalb.
Se nġegħelkom tilbsu ħwejjeġ tal-ixkora fuq ġenbejkom u kulħadd se jkollu jqaxxar xagħru;
F’dik il-ġurnata, id-dwejjaq se jkun bħal meta xi ħadd imutlu l-uniku tifel tiegħu,
U t-tmiem tagħha se jkun bħal jum taʼ tbatija.’
11 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Ġej żmien meta jien se nibgħat ġuħ fil-pajjiż.*
In-nies mhux se jkunu jixtiequ ħobż jew ilma,
Imma li jisimgħu dak il ngħid jien, Ġeħova.
Se jibqgħu jfittxu kullimkien biex isibu dak li ngħid jien, Ġeħova, imma mhux se jirnexxilhom.
13 F’dak il-jum, it-tfajliet sbieħ se jagħtihom ħass ħażin,
U anki l-ġuvintur, minħabba l-għatx;
14 Dawk li jaħilfu bl-allat foloz* tas-Samarija u jgħidu,
“Daqskemm hu ħaj l-alla tiegħek, Dan!”
U, “Daqskemm hu veru li teżisti t-triq taʼ Bir-xeba!”
Se jaqgħu u mhux se jerġgħu jqumu.’”