Żakkarija
6 Imbagħad erġajt ħarist ’il fuq u rajt erbaʼ karrijiet ġejjin minn bejn żewġ muntanji, u l-muntanji kienu tar-ram. 2 L-ewwel karru kellu żwiemel ħomor, u t-tieni karru kellu żwiemel suwed. 3 It-tielet karru kellu żwiemel bojod, u r-rabaʼ karru kellu żwiemel imnaqqxin u mtebbgħin.
4 Jien staqsejt l-anġlu li kien qed ikellimni: “Sidi, xi jfissru dawn?”
5 L-anġlu wiġibni: “Dawn huma l-erbaʼ spirti tas-sema li ħerġin wara li dehru quddiem il-Mulej tal-art kollha. 6 Il-karru biż-żwiemel suwed sejjer lejn il-pajjiż tat-Tramuntana; iż-żwiemel bojod sejrin lejn il-pajjiż tal-Punent;* u dawk imnaqqxin sejrin lejn il-pajjiż tan-Nofsinhar. 7 U dawk imtebbgħin kienu ħerqanin biex imorru jeżaminaw id-dinja.” Imbagħad hu qal: “Morru, eżaminaw id-dinja.” U huma bdew jeżaminaw id-dinja.
8 Imbagħad għajjatli u qalli: “Ara, dawk li sejrin fil-pajjiż tat-Tramuntana taffew ir-rabja* taʼ Ġeħova fil-pajjiż tat-Tramuntana.”
9 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova li jgħid: 10 “Ħu mingħand Ħeldaj, Tobijah, u Ġedaja dak li ġabu mingħand in-nies fl-eżilju; u dakinhar stess, int għandek tmur fid-dar taʼ Ġosija bin Sofonija flimkien maʼ dawn in-nies li ħarġu minn Babilonja. 11 Għandek tieħu fidda u deheb, u tagħmel kuruna* u tqegħedha fuq ras Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir. 12 U għidlu,
“‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Hawn hu r-raġel li jismu Rimja. Hu se jarmi fergħa ġdida minn postu stess u se jibni t-tempju taʼ Ġeħova. 13 Hu l-wieħed li se jibni t-tempju taʼ Ġeħova u l-wieħed li se jirċievi l-glorja. Hu se joqgħod bilqiegħda fuq it-tron tiegħu u jmexxi, u se jkun ukoll qassis fuq it-tron tiegħu, u se jwettaq iż-żewġ karigi biex jippromwovi l-paċi.* 14 U l-kuruna* se tibqaʼ fit-tempju taʼ Ġeħova biex jiġu mfakkra Ħelem, Tobijah, Ġedaja, u Ħen bin Sofonija. 15 U dawk li qegħdin ’il bogħod se jiġu u jieħdu sehem fil-bini tat-tempju taʼ Ġeħova.” U se jkollkom tkunu tafu li Ġeħova tal-armati bagħatni għandkom. Hekk se jiġri jekk tobdu minn Ġeħova l-Alla tagħkom.’”