Danjel
1 Fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ġie Ġerusalemm u assedjaha. 2 Maż-żmien, Ġeħova ta lir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda f’idejn ir-Re Nebukadnessar flimkien maʼ xi għodod tat-tempju* tal-Alla l-veru, u hu ħadhom fl-art tas-Sinar* fit-tempju* tal-alla tiegħu. Hu qiegħed l-għodod fil-post fejn jinżammu t-teżori tal-alla tiegħu.
3 Imbagħad ir-re kkmanda lil Asfenaż, il-kap tal-uffiċjali tal-palazz, biex iġib xi Iżraelin, inkluż xi wħud li huma taʼ dixxendenza rjali u minn familji importanti. 4 Dawn kellhom ikunu żgħażagħ bla difett, sbieħ, intelliġenti, u jkollhom l-għerf, l-għarfien, u kapaċi jaqdu fil-palazz tar-re. Hu kellu jgħallimhom il-lingwa u l-għarfien* tal-Kaldin. 5 Iktar minn hekk, ir-re kkmanda li kuljum għandhom jingħataw mill-ikel u mill-inbid li jieħu hu. Kellhom jiġu ttrennjati* għal tliet snin, u meta jgħaddi dak iż-żmien, huma kellhom jibdew jaqdu lir-re.
6 Issa fosthom kien hemm xi wħud mit-tribù* taʼ Ġuda: Danjel,* Ħananija,* Misael,* u Għażarija.* 7 U l-kap tal-uffiċjali tal-palazz tahom ismijiet oħra.* Lil Danjel semmieh Beltesassar, lil Ħananija semmieh Sidrak, lil Misael semmieh Mesak, u lil Għażarija semmieh Għabednego.
8 Imma jien, Danjel, kont determinat f’qalbi li ma nitniġġisx bl-ikel tar-re jew bl-inbid li jixrob hu. Allura tlabt permess mingħand il-kap tal-uffiċjali tal-palazz biex ma niħux minn dawn l-affarijiet li jniġġsuni. 9 U l-Alla l-veru qanqal lill-kap tal-uffiċjali tal-palazz biex jurini qalb tajba u jħenn għalija. 10 Imma l-kap tal-uffiċjali tal-palazz qalli: “Jien nibżaʼ minn sidi r-re, li kkmanda x’għandkom tieklu u tixorbu. U x’jiġri jekk jara li intom inqas b’saħħitkom miż-żgħażagħ l-oħra taʼ tamparkom? Minħabba f’hekk, inkun qed nirriskja ħajti quddiem ir-re.” 11 Imma jien, Danjel, għedt lill-gwardjan li l-kap tal-uffiċjali kien inkarigah biex jieħu ħsieb lili, lil Ħananija, lil Misael, u lil Għażarija: 12 “Jekk jogħġbok, għaddi lill-qaddejja tiegħek minn prova għal għaxart ijiem, u ħa jingħatalna xi ħaxix* x’nieklu u ilma x’nixorbu; 13 imbagħad qabbel id-dehra tagħna mad-dehra taż-żgħażagħ l-oħra li qed jieklu mill-ikel tar-re, u ddeċiedi x’se tagħmel bina, il-qaddejja tiegħek, skont kif inkunu nidhru.”
14 Hu qabel mal-proposta tagħna u għaddiena minn prova għal għaxart ijiem. 15 Meta għaddew l-għaxart ijiem, konna nidhru aħjar u iktar b’saħħitna* miż-żgħażagħ kollha li kienu qed jieklu mill-ikel tar-re. 16 Allura, il-gwardjan kien jagħtina ħaxix minflok l-ikel mill-aqwa u l-inbid. 17 U l-Alla l-veru ta lilna, l-erbaʼ żgħażagħ, l-għarfien, l-għerf, u l-għaqal f’kull tip taʼ kitba; u jien, Danjel, ingħatajt l-abbiltà li nifhem kull tip taʼ viżjoni u ħolm.
18 Meta għaddew it-tliet snin li r-re kien ikkmanda biex nidħlu quddiemu, il-kap tal-uffiċjali tal-palazz daħħalna quddiem Nebukadnessar. 19 Meta r-re tkellem magħna, ma kien hemm ħadd mill-grupp kollu bħali, bħal Ħananija, Misael, u Għażarija; u allura bqajna hemm naqdu lir-re. 20 F’kull kwistjoni li r-re kien jistaqsi dwarha u li kien hemm bżonn l-għarfien u li wieħed ikun kapaċi jifhem, hu sabna għaxar darbiet aħjar mill-qassisin kollha li kienu jagħmlu l-maġija u minn dawk kollha li kienu jbassru l-futur li kellu fis-saltna kollha tiegħu. 21 U jien, Danjel, bqajt hemm sal-ewwel sena tar-re Ċiru.