Sofonija
1 Jien Sofonija* bin Kusi, bin Gedalija, bin Amarija, bin Ħeżekija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fi żmien Ġosija bin Amon, ir-re taʼ Ġuda.
2 Ġeħova jgħid: “Jien se nkaxkar kollox minn fuq wiċċ l-art.”
3 Ġeħova jgħid: “Jien se nkaxkar lin-nies u l-annimali.
Se nkaxkar l-għasafar u l-ħut,
U l-ġebel tat-tfixkil* flimkien mal-ħżiena;
U jien se nneħħi lill-bnedmin minn fuq wiċċ l-art.
4 Jien se nikkastiga lil Ġuda
U lil dawk kollha li jgħixu f’Ġerusalemm.
Se neqred minn dan il-post kull ħaġa li għandha x’taqsam maʼ* Bagħal,
Se neqred l-isem tal-qassisin tal-alla barrani flimkien mal-qassisin foloz,
5 Lil dawk li minn fuq il-bjut imilu quddiem ix-xemx, il-qamar, u l-istilel,
Lil dawk li jmilu quddiemi, Ġeħova, u jaħilfu li se jkunu leali lejja,
Imma fl-istess ħin jaħilfu li se jkunu leali lejn Malkam;
6 Lil dawk li ma baqgħux jaqdu lili, Ġeħova,
U lil dawk li ma jfittxux il-gwida u d-direzzjoni tiegħi, Ġeħova.”
7 Oqogħdu kwieti quddiem Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* għax jum Ġeħova hu qrib.
Ġeħova pprepara sagrifiċċju; hu qaddes lil dawk li stieden.
8 “Fil-jum li nagħmel is-sagrifiċċju, jien, Ġeħova, se nikkastiga lill-kapijiet,
Lit-tfal tar-re, u lil dawk kollha li qed jilbsu bħan-nies tal-popli.
9 Jien se nikkastiga lil kull min dakinhar jitlaʼ fuq il-platform,*
Lil dawk li qed ikunu vjolenti man-nies u jqarrqu bihom għall-benefiċċju taʼ dar sidhom.
10 Dakinhar, se jinstemaʼ għajjat kbir minn Bieb il-Ħut,
Biki mit-Tieni Distrett tal-belt,
U ħoss kbir mill-għoljiet,” jgħid Ġeħova.
11 “Ibku intom li tgħixu Maktes,*
Għax in-negozjanti* kollha nġiebu fix-xejn;*
Dawk kollha li jiżnu l-fidda ġew meqrudin.
12 Dakinhar, jien se nfittex sew f’Ġerusalemm bil-lampi
Biex insib u nikkastiga lil dawk li huma sodisfatti bihom infushom,* li jgħidu f’qalbhom,
‘Ġeħova la se jagħmel it-tajjeb u lanqas se jagħmel il-ħażin.’
13 Il-ġid tagħhom se jinsteraq u d-djar tagħhom se jiġu meqruda.
Huma se jibnu djar, imma mhux se jgħixu fihom;
Huma se jħawlu għelieqi bid-dwieli, imma mhux se jixorbu l-inbid tagħhom.
14 Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova hu qrib!
Hu qrib u riesaq b’ħeffa!*
Il-ħoss tal-jum taʼ Ġeħova se jkun tal-biżaʼ.
Imbagħad anki l-gwerriera se jibku u jgħajtu.
15 Dakinhar, se jkun jum li Alla jirrabja ħafna,
Jum taʼ dwejjaq u wġigħ kbir,
Jum taʼ maltemp u qerda,
Jum taʼ dlam u swidija,
Jum taʼ sħab u mdallam ħafna,
16 Jum fejn in-nies se jdoqqu l-qarn u jgħajtu għajta taʼ gwerra
Kontra l-bliet iffortifikati u t-torrijiet għoljin fil-kantunieri.
17 Jien se nġib it-tbatija fuq il-bnedmin,
U huma se jimxu bħal nies li ma jarawx,
Għax dinbu kontrija, Ġeħova.
Id-demm tagħhom se jixxerred bħat-trab,
U l-laħam* tagħhom bħad-demel.
18 La l-fidda u lanqas id-deheb tagħhom mhu se jkunu jistgħu jsalvawhom fil-jum li jien, Ġeħova, nirrabja ħafna;
Ir-rabja tiegħi hi bħal nar li jaħraq l-art kollha,
Għax se nġib qerda kbira fuq il-bnedmin kollha tal-art. Din se tkun tal-biżaʼ!”