Żakkarija
12 Messaġġ minn Alla:
Dan hu l-messaġġ taʼ Ġeħova dwar Iżrael,
Dak li jgħid Ġeħova,
Il-Wieħed li firex is-sema,
Li għamel il-pedament tal-art
U li qiegħed in-nifs tal-ħajja* fil-bniedem:
2 “Jien qed nagħmel lil Ġerusalemm bħal tazza tal-inbid* li ġġiegħel lill-popli kollha tal-madwar jixxenglu; u se jkun hemm assedju kontra Ġuda kif ukoll kontra Ġerusalemm. 3 Dakinhar, se nagħmel lil Ġerusalemm bħal ġebla tqila għall-popli kollha. Dawk kollha li jerfgħuha żgur li se jweġġgħu serjament; u l-ġnus kollha tal-art se jinġabru flimkien kontriha.” 4 Ġeħova jgħid: “Dakinhar, se nitfaʼ f’paniku lil kull żiemel u se nġennen lil kull rikkieb. Se nżomm għajnejja fuq il-poplu taʼ Ġuda, imma se nagħmi lil kull żiemel tal-popli. 5 U l-kapijiet* taʼ Ġuda se jgħidu f’qalbhom, ‘In-nies taʼ Ġerusalemm huma s-saħħa tagħna permezz taʼ Ġeħova tal-armati l-Alla tagħhom.’ 6 Dakinhar, lill-kapijiet taʼ Ġuda se nagħmilhom bħal faħam jaqbad qalb l-injam u bħal torċa tan-nar f’ringiela qamħ li jkun għadu kif inqataʼ, u huma se jaħarqu l-popli kollha taʼ madwarhom fuq il-lemin u fuq ix-xellug. U n-nies taʼ Ġerusalemm se jkomplu jgħixu fil-post tagħhom, iva f’Ġerusalemm.
7 “U Ġeħova se jsalva l-ewwel it-tined taʼ Ġuda, ħalli d-dar taʼ David u n-nies taʼ Ġerusalemm ma jkollhomx iktar unur* min-nies l-oħra taʼ Ġuda. 8 Dakinhar, Ġeħova se jiddefendi n-nies taʼ Ġerusalemm; dakinhar, min jitfixkel* fosthom se jkun b’saħħtu bħal David, u d-dar taʼ David se jkollha qawwa bħal t’Alla, bħall-anġlu taʼ Ġeħova li jiggwida l-poplu. 9 U dakinhar żgur li se neqred għalkollox lill-popli kollha li jiġu kontra Ġerusalemm.
10 “Se nitfaʼ l-ispirtu tiegħi fuq id-dar taʼ David u fuq in-nies taʼ Ġerusalemm. Huma se jkollhom l-approvazzjoni tiegħi u se jitolbuni bil-ħniena. Huma se jħarsu lejn dak li kienu nifdu, u se jibkuh bħalma jibku jekk ikun mitilhom l-uniku tifel tagħhom; u se jkunu mdejqin ħafna minħabba fih bħalma jkunu mdejqin ħafna jekk imutilhom l-ewwel imwieled tagħhom. 11 Dakinhar, il-biki f’Ġerusalemm se jkun kbir, bħall-biki f’Ħadadrimmon fil-Pjanura taʼ Megiddo. 12 Il-pajjiż se jibki, kull familja se tibki għaliha. Il-familja tad-dar taʼ David se tibki għaliha, u n-nisa tagħhom se jibku għalihom. L-istess se jiġri fil-familja tad-dar taʼ Natan, 13 fil-familja tad-dar taʼ Levi, fil-familja tas-Simgħin, 14 u fil-kumplament tal-familji kollha. Kull familja se tibki għaliha u n-nisa tagħhom se jibku għalihom.