Żakkarija
1 Jien, il-profeta Żakkarija,* it-tifel taʼ Berekija, it-tifel taʼ Iddo, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fit-tmien xahar tat-tieni sena tat-tmexxija taʼ Darju: 2 “Jien, Ġeħova, irrabjajt ħafna għal missirijietkom.
3 “Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “‘Duru lura lejja,’ jgħid Ġeħova tal-armati, ‘u jien indur lejkom,’ jgħid Ġeħova tal-armati.”’
4 “‘Issirux bħal missirijietkom li l-profeti tal-passat qalulhom: “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘Jekk jogħġobkom, tibqgħux tagħmlu affarijiet ħżiena u duru lura mill-ħażen tagħkom.’”’
“‘Imma huma ma semgħux u ma tawx kasi,’ jgħid Ġeħova.
5 “‘Huwa veru li missirijietkom mietu u dawk il-profeti m’għadhomx ħajjin, 6 imma missirijietkom raw it-twettiq tat-twissijiet u l-liġijiet li jien ikkmandajt lill-qaddejja tiegħi l-profeti biex jgħidulhom.’ Għalhekk, huma daru lura u qalu: ‘Ġeħova tal-armati għamel magħna skont dak li ddeċieda, skont kif ġibna ruħna u l-affarijiet li għamilna.’”
7 Fl-24 jum tal-11-il xahar, jiġifieri x-xahar taʼ Xebat,* fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Darju, jien, il-profeta Żakkarija, it-tifel taʼ Berekija, it-tifel taʼ Iddo, irċivejt din il-viżjoni mingħand Ġeħova: 8 “Din il-viżjoni rajtha billejl. Kien hemm raġel riekeb fuq żiemel aħmar u kien wieqaf qalb is-siġar tar-riħan f’post fil-fond. Warajh kien hemm rikkieba fuq żwiemel ħomor, ħomor fil-kannella, u bojod.”
9 Jien għedtlu: “Sidi, dawn min huma?”
L-anġlu li kien qed ikellimni qalli: “Se nurik min huma.”
10 Imbagħad ir-raġel li kien wieqaf qalb is-siġar tar-riħan qal: “Dawn huma dawk li Ġeħova bagħat biex jeżaminaw l-art.” 11 U huma qalu lill-anġlu taʼ Ġeħova li kien wieqaf qalb is-siġar tar-riħan: “Aħna eżaminajna l-art u rajna li hemm il-paċi u m’hemmx tfixkil mal-art kollha.”
12 Għalhekk, l-anġlu taʼ Ġeħova qal: “Ġeħova tal-armati, kemm se ddum biex turi ħniena maʼ Ġerusalemm u mal-bliet taʼ Ġuda, li ilek irrabjat magħhom għal dawn is-70 sena?”
13 Ġeħova wieġeb lill-anġlu li kien qed ikellimni bil-ħlewwa u bi kliem inkuraġġanti. 14 Imbagħad l-anġlu li kien qed jitkellem miegħi qalli: “Għajjat, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Jien se niddefendi lil Ġerusalemm u lil Sijon. Iva, jien se niddefendihom b’qalbi kollha. 15 Jien irrabjat ħafna mal-popli li huma fil-paċi, għax jien ma kontx irrabjat ħafna man-nies tiegħi, imma dawk il-popli għamlulhom iktar ħsara milli ridt.”’
16 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova: ‘“Jien se nerġaʼ nuri ħniena maʼ Ġerusalemm, u d-dar tiegħi se terġaʼ tinbena fiha,” jgħid Ġeħova tal-armati, “u Ġerusalemm se tkun imkejla b’ħabel tal-kejl.”’
17 “Erġaʼ għajjat u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Il-bliet tiegħi se jerġgħu jkunu mimlijin b’affarijiet tajbin; u jien, Ġeħova, se nerġaʼ nfarraġ lil Sijon, u Ġerusalemm se terġaʼ tkun il-belt li nagħżel.”’”
18 Ħarist ’il fuq u rajt erbat iqrun. 19 Għalhekk, jien staqsejt lill-anġlu li kien qed ikellimni: “X’inhuma dawn?” Hu wiġibni: “Dawn huma l-qrun li xerrdu lin-nies taʼ Ġuda, Iżrael, u Ġerusalemm.”
20 Imbagħad Ġeħova wrieni erbat irġiel tas-sengħa. 21 Jien staqsejtu: “Dawn x’ġejjin jagħmlu?”
Hu qalli: “Dawn huma l-qrun li xerrdu lin-nies taʼ Ġuda sal-punt li ħadd ma setaʼ jisfidahom.* L-oħrajn se jiġu biex iwerwruhom, biex iwaqqgħu l-qrun tal-popli li refgħu l-qrun tagħhom kontra l-pajjiż taʼ Ġuda, u biex ixerrdu n-nies tagħha.”