Żakkarija
4 L-anġlu li kien qed ikellimni ġie lura u qajjimni, bħal meta xi ħadd iqajjem lil xi ħadd li jkun rieqed. 2 Imbagħad qalli: “X’qed tara?”
Allura għedt: “Qed nara gandlier kollu tad-deheb li għandu skutella fuq nett tiegħu. Hemm sebaʼ lampi fuqu, iva, sebgħa, u l-lampi li qegħdin fuq il-gandlier għandhom sebaʼ pajpijiet. 3 U ħdejh hemm żewġ siġriet taż-żebbuġ, waħda fuq il-lemin u l-oħra fuq ix-xellug tal-iskutella.”
4 Imbagħad staqsejt lill-anġlu li kien qed ikellimni: “Sidi, xi jfissru dawn l-affarijiet?” 5 Għalhekk, l-anġlu li kien qed ikellimni qalli: “Ma tafx xi jfissru dawn l-affarijiet?”
Jien wiġibt: “Le sidi.”
6 Imbagħad qalli: “Hekk jgħid Ġeħova lil Żerubbabel: ‘“Mhux b’qawwa militari u lanqas bis-saħħa taʼ xi bniedem, imma bl-ispirtu tiegħi li se jiġru dawn l-affarijiet kollha,” jgħid Ġeħova tal-armati. 7 Muntanja kbira, min int? Quddiem Żerubbabel se ssir art ċatta.* U hu se jġib il-ġebla taʼ fuq nett hekk kif in-nies jgħajtu: “Xi ġmiel! Xi ġmiel!”’”
8 Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: 9 “Żerubbabel stess qiegħed il-pedament taʼ din id-dar, u hu stess se jlestiha. U int se jkollok tkun taf li Ġeħova tal-armati bagħatni għandkom. 10 Min qed imaqdar il-jum li fih saru affarijiet żgħar? Huma se jifirħu u se jaraw il-lenza biċ-ċomb* f’id Żerubbabel. Dawn is-sebgħa huma l-għajnejn taʼ Ġeħova, li qed iħarsu bir-reqqa mal-art kollha.”
11 Imbagħad staqsejtu: “Xi jfissru ż-żewġ siġriet taż-żebbuġ li hemm fuq il-lemin u fuq ix-xellug tal-gandlier?” 12 Jien staqsejtu t-tieni darba: “Xi jfissru l-friegħi* taż-żewġ siġriet taż-żebbuġ li qed iferrgħu likwidu kulur id-deheb miż-żewġ kanen irqaq tad-deheb?”
13 Allura staqsieni: “Ma tafx xi jfissru dawn l-affarijiet?”
Jien wiġibt: “Le sidi.”
14 Hu qalli: “Dawn huma t-tnejn li Alla għażel* u li huma weqfin ħdejn il-Mulej tal-art kollha.”