Żakkarija
7 U fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Darju, fir-rabaʼ jum tad-disaʼ xahar, jiġifieri x-xahar taʼ Kislew,* jien, Żakkarija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova. 2 In-nies taʼ Betel bagħtu lil Sareser u lil Regem-melek flimkien mal-irġiel tiegħu biex jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova, 3 billi qalu lill-qassisin tat-tempju* taʼ Ġeħova tal-armati u lill-profeti: “Għandna nibku fil-ħames xahar u ma niklux, bħalma għamilna għal ħafna snin?”
4 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova tal-armati li jgħid: 5 “Għid lin-nies kollha tal-pajjiż u lill-qassisin, ‘Meta somtu u bkejtu fil-ħames xahar u fis-sebaʼ xahar għal 70 sena, kontu vera qed issumu għalija? 6 U meta kontu tieklu u tixorbu, mhux għalikom infuskom kontu qed tieklu u tixorbu? 7 Waqt li f’Ġerusalemm u fil-bliet tal-madwar kien hemm in-nies jgħixu fihom u kienu fil-paċi u waqt li kien hemm in-nies jgħixu fin-Negeb u fis-Sefela, ma kellkomx intom tobdu dak li qal Ġeħova permezz tal-profeti taʼ qabel?’”
8 Jien, Żakkarija, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova li jgħid: 9 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Iġġudikaw b’ġustizzja vera, u ttrattaw lil xulxin b’qalb tajba* u bil-ħniena. 10 Tqarrqux billi tisirqu l-armla jew l-orfni,* il-barrani jew il-fqir; u tippjanawx li tagħmlu l-ħsara lil xulxin f’qalbkom.’ 11 Imma huma baqgħu ma ridux jagħtu kas, u b’ras iebsa tawni daharhom u għalqu widnejhom biex ma jisimgħux. 12 Huma webbsu qalbhom bħal djamant,* u ma ridux jobdu l-liġi* u dak li qal Ġeħova tal-armati bl-ispirtu qaddis tiegħu permezz tal-profeti taʼ qabel. Għalhekk, Ġeħova tal-armati rrabja ħafna.”
13 “‘Meta kellimthom, huma ma semgħunix. Hu għalhekk li jien* mhux se nismagħhom meta jgħajtuli għall-għajnuna,’ jgħid Ġeħova tal-armati. 14 ‘U jien xerridthom b’riefnu fost il-popli kollha li huma ma kinux jafu, u l-pajjiż tħalla abbandunat warajhom, u ħadd m’għadda minn hemm u reġaʼ lura; għax huma bidlu l-art sabiħa f’xi ħaġa tal-biżaʼ.’”