Żakkarija
11 “Iftaħ il-bibien tiegħek, Libanu,
Biex in-nar jaħraq is-siġar taċ-ċedri tiegħek.
2 Ibki, siġra tal-ġnibru, għax is-siġra taċ-ċedri waqgħet;
Is-siġar kbar u mill-isbaħ inqerdu!
Ibku, siġar tal-ballut tal-Basan,
Għax il-foresta b’ħafna siġar inqerdet!
3 Qed tisimgħu? Dan hu l-biki tar-ragħajja,
Għax il-glorja tagħhom ġiet fix-xejn.
Qed tisimgħu? Dan hu l-għajjat tal-iljuni b’saħħithom,
Għax il-ħafna siġar li hemm fil-Ġordan inqerdu.
4 “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tiegħi, ‘Irgħa lil dan il-poplu li hu bħal nagħaġ lesti għall-qatla, 5 u li qed jinqatlu minn dawk li qed jixtruhom. Min qed jixtrihom mhux jagħti kont taʼ dan u dawk li jbigħuhom jgħidu, “Ħa jiġi mfaħħar Ġeħova, għax jien se nsir sinjur.” U r-ragħajja tagħhom ma jitħassruhomx.’
6 “‘Mhux se nibqaʼ nitħassar in-nies tal-pajjiż,’ jgħid Ġeħova. ‘Se nġiegħel lil kulħadd ikun maħqur minn sieħbu u mir-re tiegħu; u huma se jeqirdu lill-pajjiż u jien mhux se nsalvahom minn taħt idejhom.’”
7 Intom, batuti tal-merħla, jien bdejt nirgħa l-merħla li hi lesta għall-qatla għall-benefiċċju tagħkom. Għalhekk, ħadt żewġ bsaten, u lil wieħed sejjaħtlu Qalb Tajba, u lill-ieħor sejjaħtlu Għaqda, u bdejt nirgħa lill-merħla. 8 F’xahar keċċejt tliet ragħajja, għax jien* tlift il-paċenzja magħhom, u huma* kienu jobogħduni wkoll. 9 U jien għedt: “M’iniex se nibqaʼ r-ragħaj tagħkom. Ħa jmut dak li qed imut, u ħa jiġi fix-xejn dak li qed jispiċċa. U dawk li jibqgħu, ħa jibilgħu lil xulxin.” 10 Allura ħadt il-bastun tiegħi li jissejjaħ Qalb Tajba u qsamtu f’biċċiet, biex inkisser il-patt tiegħi li għamilt mal-poplu tiegħu. 11 Allura tkisser dakinhar, u l-batuti tal-merħla li kienu qed jarawni kienu jafu li kont qed inwassal messaġġ mingħand Ġeħova.
12 Imbagħad għedtilhom: “Jekk hu tajjeb għalikom, ħallsuni; imma jekk le, tħallsunix.” U huma tawni* 30 munita tal-fidda.
13 Imbagħad Ġeħova qalli: “L-ammont żgħir li bih stmawni itfgħuh fit-tempju fejn jinżammu l-affarijiet taʼ valur.” Allura ħadt it-30 munita tal-fidda u tfajthom fejn jinżammu l-affarijiet taʼ valur fid-dar taʼ Ġeħova.
14 Imbagħad qsamt f’biċċiet it-tieni bastun li jissejjaħ Għaqda, biex inkisser ir-rabta taʼ bejn l-aħwa li hemm bejn Ġuda u Iżrael.
15 U Ġeħova qalli: “Ħu l-għodda taʼ ragħaj li ma jiswa għal xejn. 16 Għax jien se nħalli ragħaj fuq il-pajjiż. Hu mhux se jieħu ħsieb in-nagħaġ li qed jiġu fix-xejn. Hu mhux se jfittex liż-żgħar jew ifejjaq lil dawk imweġġgħin, u lanqas se jitmaʼ lil dawk b’saħħithom. Minflok, hu jiblaʼ l-laħam tal-ħoxnin u jqaċċat id-dwiefer tan-nagħaġ.
17 Ħażin għar-ragħaj tiegħi li ma jiswa għal xejn, li qed jabbanduna lill-merħla!
Xabla se tolqotlu idu u għajnu l-leminija.
Idu se tiġi pparalizzata,*
U se jagħma għalkollox minn għajnu l-leminija.”