Mikea
7 Ħażin għalija!
Jien bħal xi ħadd li wara li nġabar il-frott tas-sajf
U sar it-tilqit wara l-ħsad tal-għeneb,
Ma sibt ebda għeneb x’niekol,
U ebda tina misjura li tant xtaqt.*
2 Il-leali spiċċa minn fuq l-art;
Fost il-bnedmin m’hemm ħadd li hu ġust.
Kollha kemm huma jistaħbew biex joqtlu.
Huma bħal kaċċaturi li jagħmlu n-nases* biex jaqbdu lil ħuthom.
3 Huma esperti f’li jagħmlu dak li hu ħażin;
Mexxej jitlob rigali,
L-imħallef jitlob premju,
Ir-raġel importanti juri x’inhuma x-xewqat tiegħu,*
U dawn jikkonfoffaw flimkien.
4 L-aħjar wieħed minnhom hu bħax-xewk,
L-iktar ġust minnhom hu agħar minn ħajt bix-xewk.
Il-jum li tkellmu dwaru l-għassiesa,
Il-jum li se jkollhom jagħtu kont, se jasal.
Huma se jippanikjaw.
5 Tafdax lil sieħbek
Temminx lill-ħabib tal-qalb tiegħek.
U oqgħod attent x’tgħid lill-persuna li tgħannqek.
6 Għax tifel jobgħod lil missieru,
Tifla tiħodha kontra ommha,
U l-mara tat-tifel hi kontra l-kunjata tagħha;
L-għedewwa taʼ raġel huma n-nies taʼ daru.
7 Imma jien se nibqaʼ nistenna lil Ġeħova.
Jien se nistenna bil-paċenzja* lill-Alla li jsalvani.
L-Alla tiegħi jismagħni.
8 Għadu* tiegħi, tifraħx għax qiegħed fl-inkwiet.
Għalkemm waqajt, jien se nqum;
Għalkemm ngħix fid-dlam, Ġeħova se jkun id-dawl tiegħi.
9 Jien se nissaporti r-rabja kbira taʼ Ġeħova,
Għax dnibt kontrih,
Sakemm jiddefendi l-każ legali tiegħi u jagħmel ġustizzja għalija.
Hu se joħroġni fid-dawl;
Jien se nara l-ġustizzja tiegħu.
10 U anki hi, l-għadu tiegħi, se tara dan,
U se tistħi dik li qaltli:
“Fejn hu Ġeħova l-Alla tiegħek?”
Jien se nħares lejha.
Issa se jgħaffġu fuqha bħal tajn fit-toroq.
12 Dakinhar, in-nies se jiġu għandek
Mill-Assirja u mill-bliet tal-Eġittu,
Mill-Eġittu sax-Xmara,*
Minn baħar sa baħar;
U minn muntanja sa muntanja.
13 U l-art se ssir ħerba minħabba n-nies tagħha,
Bħala riżultat taʼ dak li għamlu.
14 Alla tiegħi, irgħa l-poplu tiegħek bil-bastun, il-merħla li hi l-wirt tiegħek,
Dak li kien jgħix waħdu qisu ġo foresta, f’nofs ġnien tas-siġar tal-frott.
Ħa jirgħaw f’Basan u Gilegħad bħal qabel.
15 “Bħal meta ħriġtu mill-art tal-Eġittu,
Jien se nurikom affarijiet tal-għaġeb.
16 Il-popli se jaraw dan u jistħu minkejja s-saħħa kollha tagħhom.
Huma se jqiegħdu idhom fuq ħalqhom;
Widnejhom se jittarrxu.
17 Huma se jilagħqu t-trab bħas-sriep;
Bħar-rettili, huma se joħorġu mill-fortizzi tagħhom jitriegħdu bil-biżaʼ.
Huma se jmorru mwerwrin lejn Ġeħova l-Alla tagħna,
U se jirrispettawh.”*
18 Min hu Alla bħalek,
Li jaħfer l-iżball u jħalli għaddej in-nuqqas taʼ dawk li fadal mill-wirt tiegħu?
Hu mhux se jibqaʼ rrabjat għal dejjem,
Għax hu jieħu pjaċir bl-imħabba u l-lealtà.*
19 Hu se jurina ħniena; hu se jitfaʼ taħt saqajh* l-iżbalji tagħna.
Int se titfaʼ d-dnubiet kollha tagħna f’baħar fond.
20 Int se turi lealtà maʼ Ġakobb,
U mħabba u lealtà m’Abraham,
Bħalma ħlift lil missirijietna minn żmien twil ilu.