Żakkarija
8 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova tal-armati li jgħid: 2 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Jien se niddefendi lil Sijon. Iva, jien se niddefendiha b’qalbi kollha.’”
3 “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Se nerġaʼ mmur Sijon u ngħix Ġerusalemm. Ġerusalemm se tissejjaħ il-belt tal-verità,* u l-muntanja taʼ Ġeħova tal-armati se tissejjaħ il-muntanja qaddisa.’”
4 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Irġiel u nisa xjuħ se jerġgħu jpoġġu fil-pjazez taʼ Ġerusalemm, u kull wieħed minnhom se jkollu l-bastun f’idu minħabba l-età kbira tiegħu. 5 U l-pjazez tal-belt se jkunu mimlijin bit-tfal jilagħbu.’”
6 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Għalkemm f’dawk il-jiem din tistaʼ tidher diffiċli ħafna għal dawk li jibqaʼ minn dan il-poplu, għandha tidher diffiċli ħafna għalija wkoll?’ jgħid Ġeħova tal-armati.”
7 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Jien se nsalva lill-poplu tiegħi mill-artijiet tal-Lvant u tal-Punent.* 8 Jien se nġibhom Ġerusalemm u se jgħixu hemm; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien se nsir l-Alla tagħhom u se nittrattahom b’lealtà* u b’ġustizzja.’”
9 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Agħmlu l-kuraġġ,* intom li issa qed tisimgħu dan il-kliem mingħand il-profeti, l-istess kliem li ntqal dakinhar li tqiegħed il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova tal-armati biex jinbena t-tempju. 10 Għax qabel dak iż-żmien, la n-nies u lanqas il-bhejjem ma kienu jitħallsu; u minħabba l-għadu, kien taʼ periklu biex jivvjaġġaw, għax jien ġegħelt lin-nies jiħduha kontra xulxin.’
11 “‘Imma issa mhux se nittratta lil dawk li baqaʼ mill-poplu tiegħi bħal qabel,’ jgħid Ġeħova tal-armati. 12 ‘Fil-fatt, se tinżeraʼ ż-żerriegħa li ġġib il-paċi; id-dielja se tagħti l-frott tagħha, u l-art se tagħti l-prodott tagħha, u s-sema se tagħti n-nida tagħha. Lil dawk li baqaʼ minn dan il-poplu, se nagħtihom dawn l-affarijiet kollha. 13 Nies taʼ Ġuda u t’Iżrael, bħalma sirtu saħta fost il-popli, se ssiru barka, għax jien se nsalvakom. Tibżgħux! Agħmlu l-kuraġġ.’
14 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘“Bħalma kont determinat li nġib il-ħsara fuqkom minħabba li missirijietkom irrabjawni ħafna, u ma ddispjaċinix,” jgħid Ġeħova tal-armati, 15 “issa determinat li nagħmel it-tajjeb man-nies taʼ Ġerusalemm u man-nies taʼ Ġuda. Tibżgħux!”’
16 “‘Dawn huma l-affarijiet li għandkom tagħmlu: Għidu l-verità bejnietkom, u meta tiġġudikaw f’bieb il-belt, għandkom tgħidu l-verità u tgħinu lin-nies jagħmlu paċi. 17 Tippjanawx il-ħsara kontra xulxin f’qalbkom, u taħilfux falz; għax dawn huma l-affarijiet kollha li jien nobgħod,’ jgħid Ġeħova.”
18 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova tal-armati li jgħid: 19 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Is-sawm tar-rabaʼ, tal-ħames, tas-sebaʼ, u tal-għaxar xahar se jkunu okkażjonijiet taʼ ferħ u kuntentizza għan-nies taʼ Ġuda, festi taʼ ferħ. Għalhekk, ħobbu l-verità u l-paċi.’
20 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘F’din il-belt, għad iridu jiġu popli u nies minn ħafna bliet; 21 u n-nies taʼ belt se jmorru għand dawk taʼ belt oħra u jgħidu: “Ejja mmorru bil-ħeġġa nitolbu bil-ħniena lil Ġeħova u naqdu lil Ġeħova tal-armati. Aħna sejrin ukoll.” 22 U ħafna popli u ġnus b’saħħithom se jiġu u jaqdu lil Ġeħova tal-armati f’Ġerusalemm u jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova.’
23 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘F’dawk il-jiem, għaxart irġiel mill-popli kollha u mil-lingwi kollha se jaqbdu mal-libsa taʼ raġel Lhudi. Iva, se jaqbdu sew magħha* u jgħidu: “Aħna rridu niġu magħkom, għax smajna li Alla qiegħed magħkom.”’”