Għamos
9 Jien rajt lil Ġeħova fuq l-artal, u hu qal: “Olqot il-biċċa taʼ fuq tal-kolonna, u l-għetiebi se jitriegħdu. Aqtgħalhom rashom, u jien se noqtol lil dawk li jifdal bix-xabla. Ħadd mhu se jirnexxilu jaħrab jew jeħlisha.
2 Jekk iħaffru ’l isfel biex jistaħbew fil-Qabar,*
Jien se nġibhom minn hemm;
U jekk jitilgħu fis-sema,
Jien se nniżżilhom.
3 U jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel,
Jien se nfittixhom hemm u niħodhom.
Jekk jinħbew f’qiegħ il-baħar,
Jien se nikkmanda lis-serp biex jigdimhom.
4 Jekk jittieħdu bħala lsiera mill-għedewwa tagħhom,
Se nikkmanda lin-nies t’hemm biex joqtluhom bix-xabla;
Jien se nitfaʼ għajnejja fuqhom biex nagħmlilhom il-ħsara, u mhux il-ġid.
5 Is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati, hu Dak li jmiss il-pajjiż,*
Ħalli dan jitheżżeż u n-nies kollha li jgħixu fih se jkunu mdejqin;
Se jkun hemm taqlib kbir,
Dan se jkun bħal meta x-Xmara Nil tal-Eġittu
Togħla u tinżel.
6 ‘Il-wieħed li jibni t-taraġ tiegħu fis-sema
U jagħmel il-bini* tiegħu ’l fuq mill-art;
Il-wieħed li jiġbor l-ilmijiet tal-baħar
Biex iferragħhom fuq wiċċ l-art,
Hu Ġeħova. Dan hu ismu.’
7 Ġeħova jgħid: ‘Poplu t’Iżrael, jaqaw m’intomx bħall-Kusin għalija?
Mhux jien ħriġt lil Iżrael mill-art tal-Eġittu,
Lill-Filistin minn Kreta, u lis-Sirjani minn Kir?’
8 ‘Jien, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, tfajt għajnejja fuq is-saltna midinba,
U se neqridha minn fuq wiċċ l-art.
Imma mhux se neqred għalkollox id-dar taʼ Ġakobb,’ jgħid Ġeħova.
9 ‘Jien qed nagħti kmand,
U se nxerred lill-poplu t’Iżrael fost il-ġnus kollha,
U se nheżżiżhom bħalma wieħed jheżżeż għarbiel,
U ebda żrara mhu se taqaʼ fl-art.
10 Il-midinbin* kollha tal-poplu tiegħi se jmutu bix-xabla,
Dawk li qed jgħidu, “Id-diżastru mhux se jiġi viċin tagħna jew jilħaqna.”’
11 ‘Dakinhar, se nerġaʼ nibni d-dar* taʼ David li waqgħet,
Jien se nirranġa x-xquq,
U se nsewwi l-ħsarat;
Jien se nerġaʼ nibniha bħalma kienet żmien twil ilu,
12 Biex jieħdu taħt idejhom dak li jkun baqaʼ minn Edom,
U lill-popli kollha li jissejħu b’ismi,’ jgħid Ġeħova, li qed jagħmel dan.
13 Ġeħova jgħid: ‘Ġej żmien meta l-poplu tiegħi jkollu jibda jaħrat waqt li jkun għadu qed jaħsad,
U qabel ma jgħaffġu l-għeneb, ikun wasal iż-żmien biex jiżirgħu;
U l-muntanji se jqattru nbid ġdid,
U l-għoljiet kollha se jkunu mimlijin bih.*
14 Jien se niġbor lura lill-ilsiera tal-poplu tiegħi Iżrael,
U huma se jerġgħu jibnu l-bliet abbandunati u joqogħdu fihom;
Se jħawlu għelieqi bid-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom,
Se jagħmlu ġonna bis-siġar tal-frott u jieklu frotthom.’