LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bh p. 204-p. 205 para. 4
  • Għala l-Kristjani Veri Ma Jużawx is-Salib fil-Qima

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala l-Kristjani Veri Ma Jużawx is-Salib fil-Qima
  • Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Materjal Simili
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala Ma Jużawx is-Salib fil-Qima?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Is-salib
    Stenbaħ!—2017
  • Miet Ġesù fuq Salib?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Veru li Ġesù Miet fuq Salib?
    Stenbaħ!—2006
Ara Iżjed
Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
bh p. 204-p. 205 para. 4

APPENDIĊI

Għala l-Kristjani Veri Ma Jużawx is-Salib fil-Qima

IS-SALIB huwa maħbub u rispettat minn miljuni taʼ nies. The Encyclopædia Britannica ssejjaħ is-salib “is-simbolu prinċipali tar-reliġjon Kristjana.” Minkejja dan, il-Kristjani veri ma jużawx is-salib fil-qima. Għala le?

Raġuni importanti hi li Ġesù Kristu ma mietx fuq salib. Il-kelma Griega li ġeneralment tiġi tradotta “salib” hija stawros. Bażikament, din tfisser “arblu jew zokk wieqaf.” The Companion Bible tgħid hekk: “[Stawros] qatt ma tfisser żewġ biċċiet injam imsallbin f’xi angolu fuq xulxin . . . M’hemm xejn fil-Grieg tat-[Testment il-Ġdid] li forsi jistaʼ jimplika żewġ biċċiet injam.”

F’diversi rakkonti, il-kittieba tal-Bibbja jużaw kelma oħra għall-istrument tal-mewt taʼ Ġesù. Din hija l-kelma Griega ksilon. (Atti 5:30; 10:39; 13:29; Galatin 3:13; 1 Pietru 2:24) Il-kelma sempliċement tfisser “injama” jew “għuda, travu, jew siġra.”

Sabiex jispjega għalfejn zokk sempliċi kien jintuża għall-esekuzzjonijiet, il-ktieb Das Kreuz und die Kreuzigung (Is-Salib u l-Kruċifissjoni), miktub minn Hermann Fulda, jgħid: “Is-siġar ma kontx tkun tistaʼ ssibhom kullimkien fil-postijiet magħżulin għall-esekuzzjoni fil-pubbliku. Għalhekk, kienet issir ħofra fl-art u fiha jdaħħlu travu sempliċi. Maʼ dan kienu jiġu marbutin jew imsammrin in-nies ħżiena, b’idejhom merfugħin ’il fuq u taʼ spiss ukoll minn saqajhom.”

Iżda l-iktar prova konvinċenti minn kollha tiġi mill-Kelma t’Alla. L-appostlu Pawlu jgħid: “Kristu xtrana u ħelisna mis-saħta tal-Liġi billi sar saħta minflokna, għax hu miktub: ‘Misħut kulmin ikun imdendel maʼ zokk [“siġra,” King James Version].’” (Galatin 3:13) Hawn Pawlu jikkwota Dewteronomju 21:22, 23, li b’mod ċar jirreferi għal zokk taʼ siġra, mhux għal salib. Ladarba dan il-mezz t’esekuzzjoni għamel lill-persuna “saħta,” ma jkunx xieraq li Kristjan iżejjen daru bi xbihat taʼ Kristu msammar.

Ma tinstab ebda evidenza li għall-ewwel 300 sena mill-mewt taʼ Kristu, dawk li kienu Kristjani użaw is-salib fil-qima. Madankollu, fir-rabaʼ seklu, l-Imperatur pagan Kostantinu kkonverta għall-Kristjanità apostata u stinka biex is-salib isir is-simbolu tagħha. Kienu x’kienu l-motivi taʼ Kostantinu, is-salib ma kellu xejn x’jaqsam maʼ Ġesù Kristu. Fil-fatt, l-oriġini tas-salib hija pagana. In-New Catholic Encyclopedia tammetti: “Is-salib jinstab kemm f’kulturi taʼ qabel il-Kristjanità u kemm f’dawk li m’humiex Kristjani.” Diversi awtoritajiet oħra rabtu s-salib mal-qima lejn in-natura u riti sesswali pagani.

Mela għala ġie mħeġġeġ daqshekk l-użu taʼ dan is-simbolu pagan? Milli jidher, biex ikun eħfef għall-pagani li jaċċettaw il-“Kristjanità.” Minkejja dan, id-devozzjoni lejn kwalunkwe simbolu pagan hija kundannata b’mod ċar fil-Bibbja. (2 Korintin 6:14-18) L-Iskrittura tipprojbixxi wkoll kull forma taʼ idolatrija. (Eżodu 20:4, 5; 1 Korintin 10:14) Għalhekk, il-Kristjani veri għandhom tassew raġuni soda għala ma jużawx is-salib fil-qima.a

a Għal diskussjoni iktar fid-dettall dwar is-salib, ara paġni 89-93 tal-ktieb Reasoning From the Scriptures, u t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, appendiċi 6, pubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja