Jistgħu l-Foqra Jaffordjaw li Jkunu Onesti?
Amelia kellha biss 29 ġurnata meta nannitha ħaditha għand it-tabib. Omm Amelia ma setgħetx tivvjaġġa, għax kienet marida d-dar b’erbat itfal oħra. Il-missier kien xi mkien ieħor ifittex ix-xogħol. It-tabib eżamina lit-tarbija. Kien hemm sinjali taʼ nuqqas taʼ nutriment, mhux xi ħaġa rari fl-Afrika tal-Punent. Imma l-problema ewlenija kienet iċ-ċellulite. Is-sider ċkejken taʼ Amelia kien miżgħud b’infezzjoni enormi. Hekk kif it-tabib ta r-riċetta f’id in-nanna, hi staqsiet: “Kemm hi din il-mediċina?” “Minn erbaʼ sa ħames dollari,” hu wieġeb. In-nanna tnehdet. Hi lanqas biss kellha żewġ dollari biex tħallas tal-vista. “Ma nafx minn fejn se nġibu dawn il-flus kollha!” qalet hi.
“Trid iġġibhom minn xi mkien,” insista t-tabib. “Ittallab lil ħbiebek u qrabatek. Jekk ma tiħdux ħsieb din l-infezzjoni, se tinfirex fid-demm, u t-tarbija se tmut.”
B’mod jew ieħor il-familja taʼ Amelia sabu l-flus, u t-tarbija għexet sat-tieni xahar tagħha. Madankollu, miljuni f’artijiet li qed jiżżviluppaw madwar id-dinja ma jistgħux jissellfu flus mingħand ħbieb u qraba. U l-prospetti għal titjib finanzjarju huma ftit li xejn.
The State of the World’s Children Report 1989 mill-UNICEF (United Nations Children’s Fund) jiddikjara: “Wara għaxriet taʼ snin taʼ avvanz ekonomiku sod, partijiet kbar fid-dinja qed jiżżerżqu lura lejn il-faqar.” Fl-Afrika u fl-Amerika Latina, id-dħul minn ras għal ras naqas b’10 sa 25 fil-mija fis-snin tmenin. U matul l-aħħar snin li għaddew, f’37 min-nazzjonijiet l-iktar fqar tad-dinja, l-infiq fuq is-saħħa niżel b’50 fil-mija.
Dan xi jfisser għal dawk il-miljuni li qed igħixu fil-faqar? Għal ħafna, ifisser li huma ma jistgħux jixtru l-ikel jew il-mediċina meħtieġa. Għalhekk, uliedhom, żwieġhom, jew il-ġenituri tagħhom jistgħu jiffaċċjaw sentenza taʼ mewt bla bżonn, jekk ma jagħmlux xi ħaġa biex idabbru l-flus bl-uniku mod li jidher possibbli għalihom—billi jisirqu! Iva, l-faqar jistaʼ jfisser taqbida maʼ għażliet morali u taʼ bejn in-nar u l-ilma: serq jew mewt? gideb jew ġuħ? tixħim jew ċaħda?
Fl-Africa tal-Punent hemm il-qawl: “Fejn torbot il-baqra, hemm hi se tiekol il-ħaxix.” Fi kliem ieħor, in-nies jieħdu vantaġġ sħiħ taʼ kull sitwazzjoni li tgħinhom biex jistagħnew. Taʼ spiss, dawk fl-awtorità f’artijiet mifruxin mal-art jużaw il-pożizzjonijiet tagħhom biex jiġu mxaħħmin, iqarrqu fil-kontijiet, jew jisirqu. ‘Għin ruħek dment li tistaʼ,’ jirraġunaw huma. ‘Forsi ma jkollokx ċans li tagħmel hekk iktar tard.’ Hekk kif is-sitwazzjoni ekonomika taʼ ġnus li qed jiżżviluppaw sejra mil-ħażin għall-agħar, dawk fil-bżonn jistgħu iktar u iktar ikunu tal-idea li l-onestà ma tistax tkun l-aqwa ħaġa għall-foqra.
Il-Bibbja tgħid: “Ma tridx tisraq.” (Eżodu 20:15) Imma jekk il-foqra ma jistgħux verament jaffordjaw li jkunu onesti, tistaʼ l-validità tal-morali tal-Bibbja tiġi ddubitata? Huma l-liġijiet t’Alla mhux prattiċi, mhux sensittivi għall-ħtiġijiet veri tan-nies? L-esperjenza taʼ eluf taʼ Kristjani veri f’artijiet li qed jiżżviluppaw tagħti tweġiba drammatika għal dawn il-mistoqsijiet.
[Kumment f’paġna 3]
“Fejn torbot il-baqra, hemm hi se tiekol il-ħaxix”