Il-Ġlieda Għal Post “Qaddis”
NHAR il-15 taʼ Lulju, 1099, l-Ewwel Kruċjata, awtorizzata mill-papa taʼ Ruma, laħqet il-mira tagħha li tieħu lil Ġerusalemm taħt idejha. Il-massakru kien tal-waħx! L-uniċi abitanti li baqgħu ħajjin kienu l-ħâkem u l-gwardja persunali tiegħu, wara li tħallset somma kbira taʼ flus b’tixħim. Fil-ktieb tiegħu The Crusades, il-membru tal-kleru Antony Bridge jirrapporta dwar dak li ġralhom il-bqija taʼ l-abitanti Misilmin u Lhud: “Meta l-Kruċjati ngħataw il-permess li jagħmlu li jridu fil-belt, huma ma felħux jirreżistu l-kilba terribbli u immensa għad-demm. . . . Qatlu lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal kollha li setgħu jsibu fil-belt . . . Meta ma kien fadal ħadd iktar lil min joqtlu, ir-rebbieħa marru f’purċissjoni mat-toroq tal-belt . . . sal-Knisja tas-Santu Sepulkru biex jiżżu ħajr lil Alla.”
Minn dik il-konkwista tal-kruċjati ’l hawn, il-firda bejn il-Kattoliċi Rumani, l-Ortodossi tal-Lvant, u reliġjonijiet oħrajn hekk imsejħin Kristjani kienet sinjal tal-preżenza tal-Kristjaneżmu f’Ġerusalemm. Fl-1850 il-kontroversja li qamet bejn il-mexxejja taʼ diversi knejjes, dwar postijiet qaddisin f’Ġerusalemm u l-inħawi taʼ madwarha kienet fattur ewlieni li wassal għall-Gwerra tal-Krimea. L-Ingilterra, Franza, u l-Istat Ottoman iġġieldu kontra r-Russja u nofs miljun ruħ tilfu ħajjithom.
Il-gwerra ma temmitx in-nuqqas taʼ qbil fil-Kristjaneżmu rigward Ġerusalemm u l-postijiet qaddisin tagħha. L-Ottomani, li dak iż-żmien kienu jikkontrollaw il-pajjiż, ipprovaw iġibu s-sliem billi jaqsmu l-postijiet qaddisin bejn ir-reliġjonijiet differenti. “Dan il-prinċipju,” jispjega Dr. Menashe Har-el fil-ktieb tiegħu This Is Jerusalem, “ġie aċċettat . . . mill-Ġnus Magħquda permezz tar-Riżoluzzjoni tat-Tqassim taʼ Novembru 1947. B’hekk din hija parti mil-liġi internazzjonali.” B’riżultat taʼ dan, il-Knisja tas-Santu Sepulkru nqasmet bħala propjetà bejn il-Kattoliċi Rumani, l-Ortodossi Griegi, l-Armenjani, is-Sirjani, u l-Kopti. Finalment, l-Etjopjani qed jitolbu li jingħataw bi dritt il-parti tagħhom minn din il-knisja billi xi membri tagħhom qed jgħixu f’għerejjex fuq il-bejt. Ħafna jqisu l-Knisja tas-Santu Sepulkru bħala l-iktar post qaddis tal-Kristjaneżmu. Hija mimlija b’niċeċ, xbihat, u ikoni. Post ieħor hekk imsejjaħ qaddis, il-Kalvarju taʼ Gordon, jiġi meqjum minn xi Protestanti bħala l-post fejn jaħsbu li Ġesù nqatel u ndifen.
Żmien twil ilu Ġesù qal lil waħda mara li kienet temmen f’postijiet qaddisin: “Jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. . . . Dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:21-24) B’hekk, il-Kristjani veri ma jadurawx lil xi postijiet qaddisin. Il-qerda taʼ Ġerusalemm infidila mill-eżerċti Rumani fis-sena 70 E.K. qiegħda hemm bħala twissija għall-Kristjaneżmu. L-idolatrija, il-firdiet, u l-ħtija tad-demm tiegħu jgiddbu l-istqarrija tiegħu li hu Kristjan. Għalhekk, se jsofri d-destin li Alla bassar għar-reliġjonijiet kollha li jifformaw lil Babilonja l-Kbira.—Apokalissi 18:2-8.