“Tafu Għala Qed Nirritornalkom il-Flus?”
‘O, KEMM għandi bżonn il-flus!’ ħasbet Nana, omm li qed trabbi tlett itfal subien waħedha u li toqgħod ġewwa Kaspi, fir-Repubblika tal-Ġeorġja. Għodwa waħda l-ħolma li ssib xi flus saret realtà. Hi sabet 300 lari (madwar Lm68) maġenb l-għassa tal-pulizija. Ma kien hemm ħadd fil-qrib. Kienet somma kbira mhux ħażin. Fil-fatt, Nana qatt ma kienet rat karta taʼ 100 lari (madwar Lm23) fil-ħames snin minn mindu l-lari saret il-munita nazzjonali. In-negozjanti lokali ma jaqilgħux daqstant flus, lanqas wara li jkunu ħadmu għal diversi snin.
‘X’se jkolli bżonnhom il-flus jekk nitlef il-fidi, il-biżaʼ t’Alla, u l-ispiritwalità tiegħi?’ ħasbet Nana. Hi kienet ikkultivat dawn il-kwalitajiet Kristjani, saħansitra ssaportiet persekuzzjoni ħarxa u swat minħabba t-twemmin tagħha.
Meta marret l-għassa tal-pulizija, Nana rat ħames pulizija jfittxu xi ħaġa disperatament. Hi indunat li bdew ifittxu l-flus, u għalhekk resqet lejhom u staqsiethom: “Tliftu xi ħaġa?”
“Flus,” wieġbu huma.
“Kemm?”
“Tliet mitt lari!”
“Jien sibt il-flus tagħkom,” qalet Nana. Imbagħad staqsiet: “Tafu għala qed nirritornalkom il-flus?” Ma kinux jafu.
“Għax jien waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah,” kompliet hi. “Kieku ma kontx [Xhud], ma kontx nirritorna l-flus.”
Biex jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-onestà tagħha, il-kap tal-pulizija li kien tilef il-flus ta lil Nana 20 lari (madwar Lm4).
L-istorja malajr xterdet mad-distrett kollu taʼ Kaspi. L-għada, seftura li kienet ħierġa mill-għassa qalet lil Nana: “[Il-kap] dejjem iżomm il-letteratura tagħkom fl-uffiċċju tiegħu. Naħseb li issa se japprezzaha saħansitra iktar.” Uffiċjal tal-pulizija saħansitra qal: “Li kieku n-nies kollha kienu Xhieda taʼ Jehovah, min kien se jikkommetti d-delitti?”