Il-Faqar Qatt Se Jintemm?
“RAJT il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom,” qal l-għaref Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem. (Koħèlet 4:1) Żgur li ħafna minn dawk il-maħqurin li hu kellu f’moħħu kienu foqra wkoll.
Il-faqar ma jistax jitkejjel bil-flus biss. Skond l-informazzjoni li pprovda l-Bank Dinji f’Ġunju taʼ l-2002, “huwa kalkulat li fl-1998 1.2 biljun ruħ madwar id-dinja għexu b’inqas minn dollaru (42ċ) kuljum . . . u 2.8 biljuni għexu b’inqas minn żewġ dollari (84ċ) kuljum.” Ġie notat li għalkemm dawn l-ammonti kienu inqas mill-kalkoli li saru qabel, “xorta juru li għad hemm ħafna bnedmin li qed ibatu.”
Il-faqar qatt se jintemm? Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-foqra dejjem issibuhom magħkom.” (Ġwann 12:8) Iżda jfisser dan li l-faqar u l-konsegwenzi ħorox li jġib miegħu se jibqgħu għal dejjem? Le, għax għalkemm Ġesù ma wegħedx lis-segwaċi tiegħu li kollha kienu se jsiru għonja materjalment, m’għandniex nikkonkludu minn kliemu li m’hemmx tama għall-foqra.
Minkejja l-isforzi tal-bnedmin u l-fatt li l-wegħdi biex itemmu l-faqar qatt ma rnexxew, il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tiżgurana li dalwaqt mhux se jkun għad hawn nies fil-bżonn. Fil-fatt, Ġesù ddikjara “l-bxara t-tajba lill-fqajrin.” (Luqa 4:18) Din il-bxara t-tajba tinkludi l-wegħda li l-faqar se jiġi eliminat għalkollox. Dan se jseħħ meta s-Saltna t’Alla ġġib kundizzjonijiet ġusti fuq l-art.
Kemm se tkun dinja differenti! Is-Sultan tas-sema Ġesù Kristu “jħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva.” Tabilħaqq, “jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija.”—Salm 72:13, 14.
Dwar dak iż-żmien Mikea 4:4 jgħid: “Kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej taʼ l-eżerċti tkellem.” Is-Saltna t’Alla se ssolvi l-problemi kollha li jnikktu lill-bnedmin, saħansitra se tneħħi l-mard u l-mewt għalkollox. Alla “jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:8.
Int tistaʼ tpoġġi l-fiduċja tiegħek f’dawn il-wegħdi għaliex huma ispirati minn Alla nnifsu. Għala ma teżaminax l-evidenza li turi li l-profeziji tal-Bibbja huma taʼ min joqgħod fuqhom?
[Tagħrif f’paġna 32]
www.watchtower.org
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
FAO photo/M. Marzot