LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 3/1 pp. 30-31
  • Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 3/1 pp. 30-31

Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla

KONTRIBUZZJONI tistaʼ tfisser għotja, flus, jew għajnuna mogħtija minn persuna jew persuni lil xi ħaddieħor. Skond in-​nota taʼ taħt fin-​New World Translation Reference Bible, il-​kelma Ebrajka terumah tfisser “kontribuzzjoni; porzjon sagru; offerta taʼ l-​irfigħ.” (Eżodu 25:2; 29: 27) Din ġejja mill-​verb rum, li jfisser letteralment ‘ikun għoli; ikun eżaltat; ikun merfugħ ’il fuq’ (Ġob 22:12; 1 Samwel 2:1, NW; Ġenesi 14:22) u li fil-​forma kawżattiva, jistaʼ jfisser “jikkaġuna li jintrefaʼ ’l fuq [bħala kontribuzzjoni],” jiġifieri, ‘joffri’ jew jikkontribwixxi.—Levitiku 22:15, Karm Żammit.

Kontribuzzjoni mhux bilfors tinvolvi għotja materjali. Pawlu rringrazzja lil Alla għal dak li kkontribwew il-​Kristjani taʼ Filippi għall-​aħbar tajba. Flimkien mas-​sehem li taw personalment biex ixandru l-​aħbar tajba, huma kienu għenu materjalment lil Pawlu u x’aktarx anki lil oħrajn, u b’hekk appoġġaw lealment l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba b’dan il-​mod ukoll.—Filippin 1:3-5; 4:16-18.

L-Iżraelin kellhom il-​privileġġ li jagħtu kontribuzzjonijiet biex jibnu u jarmaw strutturi għall-​qima vera. Huma taw materjali għat-​tabernaklu u għat-​tiżjin tiegħu (Eżodu 25:1-9; 35:4-9), “offerta minn rajhom lill-​Mulej” li kellha titwaqqaf għaliex tant kienu taw affarijiet li “kien hemm biżżejjed, anzi ż-​żejjed, għax-​xogħol li kellu jsir.” (Eżodu 35:20-29; 36:3-7) Il-​kontribuzzjoni tas-​Sultan David għall-​bini tat-​tempju inkludiet il-​proprjetà speċjali tiegħu taʼ deheb u fidda, li kienet tiswa iktar minn 444,000,000 lira Maltija. Barra minn hekk, il-​prinċpijiet u l-​kapijiet tan-​nies bil-​ferħ ikkontribwew iktar minn 736,000,000 lira Maltija f’deheb u fidda, minbarra ram, ħadid, u ħaġar prezzjuż.—1 Kronaki 29:1-9.

Xi kontribuzzjonijiet kienu mitlubin mil-​Liġi. Meta Mosè għamel ċensiment taʼ l-​Iżraelin, kull raġel li kellu minn 20 sena ’l fuq kellu jagħti prezz tal-​fidwa għal ħajtu, “nofs xekel [x’aktarx 40 ċenteżmu] skond ix-​xwiekel tas-​santwarju.” Kienet “l-​offerta [jew kontribuzzjoni] tal-​Mulej” bi tpattija għal ruħhom u “għall-​ħtiġiet tat-​tinda tal-​laqgħa.” (Eżodu 30:11-16) Skond Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja Lhudi (The Jewish War, VII, 218 [vi, 6]), din it-​“taxxa” sagra minn dakinhar ’il quddiem kienet titħallas kull sena.—2 Kronaki 24:6-10; Mattew 17:24.

Alla pprovda arranġament li kien jitlob li l-​Iżraelin jikkontribwixxu “l-​għexur” taʼ dak li tipproduċi l-​art bħala manteniment għal-​Leviti, it-​tribù tal-​qassisin. Imbagħad, il-​Leviti kienu jikkontribwixxu l-​għexur tagħhom sabiex il-​qassis il-​kbir ikun jistaʼ jmantni lilu nnifsu u lill-​familja tiegħu. (Numri 18:26-28) Jehovah ta lil Aron, il-​qassis il-​kbir, l-​inkarigu li jieħu ħsieb il-​kontribuzzjonijiet li l-​Iżraelin kienu jagħtu lil Alla. Dan ippermetta lilu u lil uliedu biex jieħdu mill-​offerti taʼ l-​Iżraelin u miż-​żejt, l-​inbid, u l-​qamħ, u l-​ewwel frott misjur taʼ l-​art li n-​nies taw lil Jehovah, kif ukoll tahom il-​permess jieħdu porzjonijiet mis-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali. Taxxa mill-​priża tal-​gwerra kienet tingħata lill-​qassis il-​kbir bħala “offerta lill-​Mulej,” u porzjon mill-​priża bl-​istess mod kien imur għand il-​Leviti.—Numri 31:1, 2, 28-30.

L-Iżraelin taw diversi offerti u għamlu sagrifiċċji lil Jehovah, li xi wħud minnhom kienu mitlubin b’mod ċar mil-​Liġi. Madankollu, oħrajn kienu jsiru totalment b’mod volontarju, bħalma kienu l-​offerta taʼ radd il-​ħajr u l-​offerta tal-​wegħda.—Levitiku 7:15, 16.

Fi żmien is-​Sultan Ġowas, tqiegħed senduq ħdejn il-​bieb tad-​dar taʼ Jehovah biex jitfgħu fih il-​kontribuzzjonijiet għax-​xogħol estensiv taʼ tiswija li kellhom jagħmlu fuq it-​tempju. Il-​prinċpijiet u l-​poplu kienu ferħanin li jagħtu “t-​taxxa” sagra, li permezz tagħha kien possibbli li jsaħħu d-​dar taʼ Jehovah, u jagħmlu t-​tagħmir tat-​tempju.—2 Kronaki 24:4-14.

Dawk li ma kinux Iżraelin ukoll ikkontribwew għall-​qima vera. Meta Esdra u l-​fdal tal-​Lhud telqu minn Babilonja biex imorru lejn Ġerusalemm fis-​sena 468 Q.E.K., huma ħadu magħhom fidda, deheb, u tagħmir, bħala kontribuzzjoni għat-​tempju t’Alla mingħand is-​Sultan Artasersi tal-​Persja, il-​kunsillieri tiegħu, il-​prinċpijiet tiegħu, u l-​Iżraelin f’Babilonja. Dawn l-​affarijiet taʼ valur ġew fdati f’idejn ċerti rġiel li ntgħażlu biex jieħdu ħsiebhom waqt il-​vjaġġ.—Esdra 7:12-20; 8:24-30.

Meta kienu qed iwettqu l-​ministeru tagħhom, Ġesù Kristu u l-​appostli tiegħu aċċettaw għajnuna materjali li n-​nies ikkontribwew. (Luqa 8:1-3) B’mod speċjali, il-​Kristjani fil-​Maċedonja u fl-​Akaja wrew ħerqa biex jgħinu lil ħuthom fil-​bżonn, u ‘għoġobhom jagħmlu xi kontribuzzjoni għall-​qaddisin foqra li huma Ġerusalemm,’ milli jidher billi kkontribwew il-​flus.—Rumani 15:26, KŻ.

F’Rumani 15:26 (KŻ), il-​kelma Griega għal “kontribuzzjoni” (kojnonija) tistaʼ tfisser letteralment “taqsam” maʼ ħaddieħor. Din l-​istess kelma Griega tintuża f’Lhud 13:16: “Tinsewx tagħmlu l-​ġid lill-​oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.”—Korsiv tagħna.

Ħafna Lhud u proseliti minn postijiet oħra li kienu saru Kristjani matul dak il-​perijodu taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., mid-​dehra baqgħu għal ftit taż-​żmien Ġerusalemm biex jitgħallmu iktar dwar il-​fidi. Sabiex ħadd ma jiġi fil-​bżonn, huma kkontribwew l-​affarijiet tagħhom minn jeddhom; “kellhom kollox flimkien.” (Atti 4:32-37; ara Atti 5:1-4) Iktar tard, il-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm kienet tqassam l-​ikel kuljum lir-​romol fil-​bżonn. (Atti 6:1-3) Pawlu ta istruzzjonijiet dwar kif kellhom jintużaw il-​fondi li kkontribwew l-​aħwa biex jieħdu ħsieb ir-​romol li tabilħaqq kien jistħoqqilhom l-​għajnuna.—1 Timotju 5:9, 10.

Fil-kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu ma kinux jiġu sforzati biex jagħtu l-​kontribuzzjonijiet. Dwar dan, Pawlu kiteb: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.”—2 Korintin 9:7.

L-ammont tal-​kontribuzzjoni mhux neċessarjament jagħti stampa vera taʼ kemm hu ġeneruż dak li qed jagħti. Darba Ġesù qagħad jara n-​nies jixħtu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor tat-​tempju. Kien hemm uħud sinjuri li tefgħu ħafna muniti, imma Ġesù impressjona ruħu meta ra l-​ġenerożità taʼ waħda armla fil-​bżonn li minn qalbha tefgħet biss żewġ muniti ċkejknin taʼ valur żgħir ferm, u qal: “Din l-​armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-​żejjed tagħhom, imma hi, fil-​faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.” (Luqa 21:1-4; Mark 12:41-44) Dwar dak li għandu x’jaqsam maʼ l-​għoti taʼ kontribuzzjonijiet biex jiġu megħjunin l-​aħwa fit-​twemmin, Pawlu qal: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.”—2 Korintin 8:12.

Għalkemm lil Jehovah ħadd ma jistaʼ jagħmlu għani, ladarba hu s-​sid taʼ kollox (1 Kronaki 29:14-17), l-​għoti taʼ kontribuzzjonijiet huwa privileġġ li jagħti l-​opportunità lil dawk li jqimuh biex juru mħabbithom lejh. Meta l-​kontribuzzjonijiet jingħataw b’attitudni xierqa u għall-​avanz tal-​qima vera, u mhux għal għajn in-​nies jew b’xi motivi egoistiċi oħrajn, dawn iġibu l-​ferħ, kif ukoll il-​barka t’Alla. (Atti 20:35; Mattew 6:1-4; Proverbji 3:9, 10) Wieħed jistaʼ jkun ċert li jkollu sehem minn dan il-​ferħ billi jwarrab regolarment xi ħaġa mill-​ġid materjali tiegħu biex jappoġġa l-​qima vera u jgħin lil dawk li jixirqilhom.—1 Korintin 16:1, 2.

Jehovah jagħti l-​aqwa eżempju t’għoti, għax hu ta lill-​umanità “l-​ħajja u n-​nifs u kollox” (Atti 17:25), ta lil ibnu l-​uniġenitu għall-​umanità (Ġwanni 3:16), u jġiegħel lill-​Kristjani jistagħnew għal kull xorta taʼ ġenerożità. (2 Korintin 9:10-15) Tabilħaqq, “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-​sema, jinżel mingħand il-​Missier, l-​għajn tad-​dawl.”—Ġakbu 1:17.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja