Qiegħda Ssir ir-Rieda t’Alla?
“Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:10.
IMBIKKMIN bl-orrur, Julio u Christina raw erbgħa minn uliedhom imutu maħruqin. Sewwieq fis-sakra kien ħabat ġol-karozza tagħhom li kienet ipparkjata, u din ħadet in-nar. Marcos, il-ħames tifel, ġie salvat minn dak l-infern sħiħ, imma n-nar kien ħaraqlu ġismu u sfigurah għal għomru. Kien għad kellu disaʼ snin. Missieru kellu qalbu maqsuma. Hu għamel il-kuraġġ lilu nnifsu u lill-familja tiegħu b’dan il-kliem: “Din hi r-rieda t’Alla, irridu nifhmuh dan, kemm jekk ir-riżultat ikun tajjeb, jew ħażin, jew mod ieħor.”
Meta sseħħ traġedja bħal din, ħafna nies jirreaġixxu bl-istess mod. ‘Jekk Alla jistaʼ kollox u jimpurtah minna,’ huma jirraġunaw, ‘dak li ġara żgur li hu għall-ġid tagħna b’xi mod, avolja huwa diffiċli ħafna biex nifhmu għala.’ Int taqbel maʼ dan?
Din il-ħarsa taʼ li jiġri x’jiġri, tajjeb jew ħażin, hija r-rieda t’Alla spiss tiġi bbażata fuq il-kliem taʼ Ġesù fit-Talba tal-Missierna, kwotata hawn fuq. Ir-rieda t’Alla qiegħda ssir fis-sema, mhux hekk? Meta nitolbu ‘Ħa jkun li trid int fl-art,’ ma nkunux aħna qed naqblu li dak li jiġri fl-art huwa r-rieda t’Alla?
Ħafna wħud m’humiex ċerti minn din il-ħarsa. Għalihom, din tpinġi lil Alla bħala wieħed insensittiv għal dak li jħossu l-bnedmin li ħalaq. ‘Kif jistaʼ jkun li Alla li jħobb irid li jiġru affarijiet terribbli lil nies innoċenti?’ huma jistaqsu. ‘Jekk iridna nieħdu tagħlima, x’tistaʼ tkun din it-tagħlima?’ Forsi int hekk tħossok.
Dwar dan, id-dixxiplu Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, kiteb: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Alla m’huwiex is-sors taʼ dak li hu ħażin. Għaldaqstant, huwa ovvju li mhux kulma jiġri fuq l-art illum huwa r-rieda t’Alla. L-Iskrittura titkellem ukoll dwar ir-rieda tal-bniedem, ir-rieda tal-ġnus, u saħansitra r-rieda tax-Xitan. (Ġwanni 1:13; 2 Timotju 2:26; 1 Pietru 4:3, NW) Taqbel int li dak li ġara lill-familja taʼ Julio u Christina ma setgħetx kienet ir-rieda taʼ Missier tas-sema mimli mħabba?
Allura, x’ried ifisser Ġesù meta għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu: ‘Ikun li trid int’? Kienet din biss talba biex Alla jindaħal f’każijiet partikulari, jew Ġesù kien qiegħed jgħallimna nitolbu għal xi ħaġa akbar u aħjar, bidla li kulħadd jistaʼ jittama għaliha? Ejja nkomplu neżaminaw x’għandha x’tgħid il-Bibbja.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Karozza: Dominique Faget-STF/AFP/Getty Images; tifel: FAO photo/B. Imevbore