Afrikan Umli li Kien Iħobb il-Kelma t’Alla
MIN iżur l-Afrika spiss jibqaʼ sorpriż meta jara kemm hu faċli li jaqbad konversazzjoni dwar suġġetti Bibliċi man-nies lokali. Malajr issib lil min jagħtik widen meta tistaqsi mistoqsijiet bħal, “X’inhi s-Saltna t’Alla?” jew “Hemm soluzzjoni dejjiema għall-problemi bħan-nuqqas taʼ ikel, il-mard, il-gwerer, u l-kriminalità?” Ħafna wħud ikunu kuntenti jħallu lil xi stranġier jurihom it-tweġibiet mill-Bibbja. Dan spiss iwassal għal studju regulari tal-Bibbja. U hekk kif l-istudenti jimxu ’l quddiem spiritwalment, huma jsiru Kristjani mgħammdin.
Wieħed mill-ewwel Afrikani li wieġeb b’dan il-mod jissemma fil-Bibbja f’Atti 8:26-40. Hu kien raġel Etjopjan li vvjaġġa lejn Ġerusalemm biex iqim lill-Alla veru, Ġeħova.
Bħalma jidher fl-istampa t’hawn taħt, ir-raġel Etjopjan kien sejjer lura lejn daru fil-karru tiegħu, waqt li kien qed jaqra minn romblu miftuħ. Stranġier imur fuqu u jistaqsih: “Qed tifhem verament x’int taqra?” Bl-umiltà kollha, l-Etjopjan jammetti li għandu bżonn l-għajnuna u jitlob bil-ħrara lill-istranġier, l-evanġelizzatur Kristjan Filippu, biex jitlaʼ fil-karru. Imbagħad, hu jitlob lil Filippu biex jispjegalu t-tifsira tas-silta Skritturali li kien għadu kif qara. Filippu jispjegalu li hi profezija li tipponta lejn il-mewt reċenti tal-Messija, Ġesù Kristu. Filippu jgħidlu wkoll affarijiet oħra dwar “l-aħbar tajba dwar Ġesù,” waqt li żgur jinkludi l-irxoxt taʼ Ġesù.
Malli jismaʼ dawn il-veritajiet mill-isbaħ, l-Etjopjan irid isir dixxiplu taʼ Ġesù u jistaqsi: “X’qed iżommni milli nitgħammed?” Wara l-magħmudija tiegħu, dan l-Afrikan umli jerġaʼ jaqbad triqtu lejn id-dar ferħan se jtir, u l-Bibbja ma tgħid xejn iktar dwaru.
Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jgħinu lil miljuni taʼ nies madwar id-dinja jitgħallmu dwar l-istess “aħbar tajba.” Bħalissa, qed isiru madwar sitt miljun studju tal-Bibbja bla ħlas.