“L-Eqdem Kwotazzjonijiet Magħrufin taʼ Testi Bibliċi”
ĦAMSA U GĦOXRIN sena ilu, xi arkeoloġi Iżraelin għamlu skoperta taʼ l-għaġeb. F’għar tad-dfin mal-ġenb tal-Wied taʼ Ħinnom, f’Ġerusalemm, huma sabu żewġ skrolli żgħar tal-fidda b’testi Bibliċi mniżżlin fuqhom. L-iskrolli jmorru lura saż-żmien taʼ qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm mill-Babiloniżi fis-sena 607 Q.E.K. It-testi kkwotaw parti mill-barkiet dokumentati f’Numri 6:24-26. L-isem persunali t’Alla, Ġeħova, jidher diversi drabi fuq iż-żewġ skrolli. L-iskrizzjonijiet ġew deskritti bħala “l-eqdem fdalijiet li ġejjin mid-dinja tal-qedem u li ddokumentaw partijiet mill-Bibbja Ebrajka.”
Imma, xi studjużi ddubitaw id-data li fiha nkitbu u sostnew li l-iskrolli nkitbu fit-tieni seklu Q.E.K. Raġuni waħda għal dan in-nuqqas taʼ qbil kienet li l-kwalità tar-ritratti oriġinali taʼ dawn l-iskrolli ċkejknin ma ħallietx li ssir osservazzjoni bir-reqqa tad-dettalji. Biex isolvu n-nuqqas taʼ qbil dwar meta nkitbu, tim taʼ studjużi beda studju mill-ġdid. Huma użaw l-aħħar teknoloġija taʼ stampi bil-kompjuter biex jipproduċu ritratti diġitali taʼ kwalità tajba ħafna taʼ l-iskrolli. Ir-riżultati taʼ l-analisi mill-ġdid ġew pubblikati dan l-aħħar. X’konklużjoni waslu għaliha t-tim taʼ studjużi?
L-ewwelnett, l-istudjużi jenfasizzaw li l-informazzjoni arkeoloġika tappoġġa l-fatt li nkitbu qabel l-eżilju Babiloniż. L-informazzjoni paleografika—l-iddatar taʼ l-iskrolli mid-daqs, l-istil, il-pożizzjoni, is-sekwenza, u d-direzzjoni taʼ l-ittri—tipponta lejn l-istess perijodu, jiġifieri, lejn it-tmiem tas-sebaʼ seklu Q.E.K. U finalment, issa li kkunsidra l-ortografija, is-sistema taʼ kif għandu jinkiteb il-kliem, it-tim jikkonkludi: “L-informazzjoni ortografika taʼ l-iskrolli hi konsistenti maʼ l-evidenza arkeoloġika u paleografika dwar id-data taʼ meta nkitbu.”
Il-ġurnal Bulletin of the American Schools of Oriental Research jiġbor fil-qosor l-istudju taʼ l-iskrolli tal-fidda, li huma magħrufin ukoll bħala l-iskrizzjonijiet taʼ Ketef Hinnom, b’dan il-mod: “Nistgħu għalhekk nikkonfermaw il-konklużjoni li waslu għaliha ħafna studjużi, li l-iskrizzjonijiet li nstabu fuq dawn l-iskrolli jippreservaw l-eqdem kwotazzjonijiet taʼ testi Bibliċi magħrufin.”
[Stampa f’paġna 32]
Għar: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.; inskrizzjonijiet: Photograph © Israel Museum, Jerusalem; courtesy of Israel Antiquities Authority