Il-Maħfra
L-ATT li taħfer lil min jagħmel l-offiża; li tieqaf tħoss stmerrija għalih minħabba l-offiża tiegħu u li ċċedi kull jedd għal ħlas lura. Il-verb Ebrajk salak (ħafer) jintuża biss b’konnessjoni mal-maħfra t’Alla lil midneb. It-terminu Grieg afijemi letteralment ifisser “ħalla jgħaddi.”
Skond il-liġi li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael, biex jinħafru d-dnubiet taʼ wieħed li jkun dineb kontra Alla jew kontra għajru, l-ewwel ma ried jagħmel kien li jikkoreġi l-ħażen skond ma kien mitlub mil-Liġi u mbagħad, fil-biċċa l-kbira mill-każi, iġib offerta tad-demm lil Ġeħova. (Levitiku 5:5-26 [5:5–6:7, NW]) Għalhekk, l-appostlu Pawlu tkellem dwar dan il-prinċipju: “Iva, kważi kollox jitnaddaf bid-demm skond il-Liġi, u jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” (Ebrej 9:22) Iżda, fil-fatt, id-demm tas-sagrifiċċji taʼ l-annimali ma setax ineħħi d-dnubiet u jagħti kuxjenza nadifa b’mod perfett lill-individwu. (Ebrej 10:1-4; 9:9, 13, 14) B’kuntrast, permezz tal-patt il-ġdid imbassar setaʼ jkun hemm il-maħfra vera, ibbażata fuq is-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu. (Ġeremija 31:33, 34; Mattew 26:28; 1 Korintin 11:25; Efesin 1:7) Anki meta kien fuq l-art, Ġesù wera li kellu awtorità li jaħfer id-dnubiet billi fejjaq lil paralitiku.—Mattew 9:2-7.
Ġeħova jaħfer “ħafna,” bħalma hu indikat mit-tixbihat taʼ Ġesù dwar l-iben il-ħali u s-sultan li ħafer dejn taʼ 10,000 talent (60,000,000 dinar, jew madwar Lm14,600,000) lil wieħed ilsir, filwaqt li dan l-ilsir ma riedx jaħfer lil sieħbu lsir id-dejn taʼ mitt dinar biss (madwar Lm26). (Isaija 55:7; Luqa 15:11-32; Mattew 18:23-35) Minkejja dan, il-maħfra mingħand Ġeħova ma titqanqalx mis-sentimentalità, għax hu ma jħallix bla kastig lil min ikun ħati t’għemejjel mistkerrhin. (Salm 99:8) Ġożwè wissa lil Iżrael li Ġeħova ma kienx se jaħfer l-apostasija tagħhom.—Ġożwè 24:19, 20; qabbel Isaija 2:6-9.
Alla stabbilixxa l-mod kif wieħed għandu jitlob u jaqlaʼ l-maħfra mingħandu. Wieħed għandu jammetti dnubu, jifhem li huwa offiża kontra Alla, jistqarru kompletament, jiddispjaċih profondament u mill-qalb għall-ħażen li għamel, u jkun determinat li jdur lura minn din l-imġiba jew prattika. (Salm 32:5; 51:6 [51:4, NW]; 1 Ġwanni 1:8, 9; 2 Korintin 7:8-11) Għandu jagħmel dak li jistaʼ biex isewwi l-ħażen jew il-ħsara li tkun saret. (Mattew 5:23, 24) Imbagħad irid jitlob lil Alla għall-maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu.—Efesin 1:7.
Iktar minn hekk, il-Kristjan jeħtieġ jaħfer offiżi persunali lil oħrajn minkejja d-drabi li jrid jagħmel dan. (Luqa 17:3, 4; Efesin 4:32; Kolossin 3:13) Il-maħfra mingħand Alla ma tingħatax lil dawk li jirrifjutaw li jaħfru lil oħrajn. (Mattew 6:14, 15) Madankollu, anki meta xi għemil ħażin serju jwassal għat-tkeċċija tal-“bniedem mill-agħar” mill-kongregazzjoni Kristjana, l-individwu maż-żmien jistaʼ jingħata l-maħfra jekk jinstab li nidem verament. F’dak iż-żmien, kulħadd fil-kongregazzjoni jistaʼ jerġaʼ jurih imħabbtu. (1 Korintin 5:13; 2 Korintin 2:6-11) Madankollu, il-Kristjani m’humiex meħtiġin jaħfru lil dawk li, għax iridu, jipprattikaw id-dnub b’ħażen u mingħajr indiema. Uħud bħal dawn isiru l-għedewwa t’Alla.—Ebrej 10:26-31; Salm 139:21, 22.
Wieħed jistaʼ jitlob għan-nom t’oħrajn biex Alla jaħfrilhom, anki għan-nom tal-kongregazzjoni kollha. Hekk għamel Mosè rigward il-ġens taʼ Iżrael. Hu stqarr dnub il-poplu filwaqt li talab maħfra, u ġie mismugħ favorevolment minn Ġeħova. (Numri 14:19, 20) Fid-dedikazzjoni tat-tempju, Salamun ukoll talab lil Ġeħova biex jaħfer lill-poplu Tiegħu meta dawn dinbu u mbagħad daru lura mill-imġiba ħażina tagħhom. (1 Slaten 8:30, 33-40, 46-52) Esdra aġixxa għan-nom t’oħrajn meta stqarr pubblikament id-dnubiet tal-Lhud li ġew lura f’art twelidhom. Effettwat mit-talb bil-qalb u t-tħeġġiġ tiegħu, il-poplu aġixxa biex jaqlaʼ l-maħfra mingħand Ġeħova. (Esdra 9:13–10:4, 10-19, 44) Ġakbu inkuraġġixxa lil min ikun marid spiritwalment biex isejjaħ lill-anzjani tal-kongregazzjoni ħalli jitolbu għalih, u “jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġakbu 5:14-16) Madankollu, hemm “dnub li jġib il-mewt,” dnub kontra l-ispirtu qaddis, li wieħed jipprattika d-dnub għal taʼ l-apposta u li għalih m’hemmx maħfra. Il-Kristjan m’għandux jitlob għal dawk li jidinbu b’dan il-mod.—1 Ġwanni 5:16; Mattew 12:31; Ebrej 10:26, 27.