Imwarrbin, Maltrattati, u Mdaħħlin fiż-Żmien
HEKK kif għamel ir-rondi tiegħu, l-għassies taʼ bil-lejl ma kienx lest għad-dehra tal-waħx li kienet qed tistennieh. Hemm, eżatt quddiem binja residenzjali lussuża, hu sab quddiem wiċċu żewġ iġsma mejtin—koppja miżżewġa anzjana li qabżet mit-tieqa taʼ l-appartament tagħha fit-tmien sular. Għalkemm is-suwiċidju tagħhom kien xokkanti, ir-raġuni għala wettquh kienet saħansitra iktar allarmanti. Nota li sabu fil-but tar-raġel kienet tgħid: “Aħna qed intemmu ħajjitna minħabba l-abbuż kontinwu u t-trattament ħażin mit-tifel tagħna u martu.”
Id-dettalji taʼ din l-istorja jistgħu jidhru mhux tas-soltu, imma dak li jinkwetana hu li r-raġuni għala seħħet hija komuni. Tabilħaqq, l-abbuż taʼ l-anzjani jinsab imxerred kważi maʼ kull parti tal-globu. Ikkunsidra dan li ġej:
• Fi studju wieħed, 4 fil-mija mill-Kanadiżi anzjani jirrapportaw li ġew abbużati jew sfruttati—ġeneralment minn membru tal-familja. Madankollu, ħafna wħud imdaħħlin fiż-żmien jistħu jew jibżgħu wisq jitkellmu dwar is-sitwazzjoni kerha tagħhom. In-numru fir-realtà jistaʼ jkun eqreb l-10 fil-mija, jgħidu l-esperti.
• “Il-ġens Indjan, taħt l-apparenza qarrieqa taʼ rabtiet sodi tal-familja, qed jitmermer minħabba għadd li dejjem jikber t’anzjani li wliedhom ma jriduhomx,” tirrapporta r-rivista India Today.
• Skond l-aqwa statistiki disponibbli, “bejn miljun u żewġ miljun Amerikan li għandhom 65 sena jew iktar ġew imweġġgħin, sfruttati, jew maltrattati b’xi mod ieħor minn xi ħadd li jiddependu minnu għall-kura jew il-protezzjoni,” jgħid iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Abbuż taʼ l-Anzjani. Avukat deputat tad-distrett taʼ San Diego, Kalifornja, isejjaħ l-abbuż taʼ l-anzjani “wieħed mill-iktar kwistjonijiet serji li jiffaċċjaw dawk li jinforzaw il-liġi llum.” Hu jżid: “Qed nara li l-problema se tikber fil-ftit snin li ġejjin.”
• F’Canterbury, New Zealand, qed jikber it-tħassib dwar l-anzjani li qed ikunu l-mira tal-membri tal-familja—partikolarment taʼ dawk li għandhom problemi tad-drogi, taʼ l-alkoħol, jew tal-logħob taʼ l-ażżard. In-numru rapportat taʼ każijiet t’abbuż fuq l-anzjani f’Canterbury kiber b’mod drammatiku minn 65 fl-2002 għal 107 fl-2003. Il-kap esekuttiv t’aġenzija li ġiet imwaqqfa biex tgħin ħalli tevita li jsir dan il-maltrattament jgħid li dan in-numru jistaʼ jirrappreżenta biss ammont żgħir mit-total.
• Il-Federazzjoni Ġappuniża taʼ l-Assoċjazzjonijiet taʼ l-Avukati tagħti l-parir li “l-vittmi anzjani għandhom bżonn jingħataw saħansitra iktar attenzjoni minn vittmi taʼ l-abbuż tal-minorenni jew taʼ vjolenza domestika oħra,” tirrapporta The Japan Times. Għala? Raġuni waħda, tgħid it-Times, hi li “meta tqabblu maʼ l-abbuż fuq it-tfal jew fuq l-imseħbin fiż-żwieġ, l-abbuż fuq l-anzjani għandu t-tendenza jdum iktar ma jidher, parti mir-raġuni hi minħabba li l-anzjani jħossuhom responsabbli meta l-vjolenza tkun ġejja minn uliedhom, ukoll minħabba li l-gvern u l-amministraturi lokali s’issa naqsu milli jieħdu ħsieb il-problema.”
Dawn il-ftit eżempji taʼ dak li qed jiġri madwar id-dinja jġagħalna nistaqsu: Għala hawn tant nies imdaħħlin fiż-żmien li jiġu mwarrbin u maltrattati? Hemm xi tama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar? X’faraġ hemm għal min hu mdaħħal fiż-żmien?