“Minħabba Tifel taʼ Disaʼ Snin”
KULL darba li x-Xhieda taʼ Ġeħova marru d-dar tagħha, Wiesława, li tgħix fin-nofsinhar tal-Polonja, bl-edukazzjoni kienet tirringrazzjahom u twaqqafhom milli jkomplu jkellmuha. Darba waħda, Samuel li għandu disaʼ snin flimkien m’ommu ħabbat il-bieb tagħha. Din id-darba Wiesława ddeċidiet li tismaʼ l-messaġġ tal-Bibbja u aċċettat ir-rivista li kienet dwar il-Ġenna fuq l-art.
Minħabba li t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù kienet riesqa, Samuel xtaq jistieden lil Wiesława għal din l-okkażjoni speċjali. Għalhekk, it-tifel, akkumpanjat minn ommu, reġaʼ mar iżurha, din id-darba bl-invit stampat. Meta rat lit-tifel liebes pulit, Wiesława skużat lilha nfisha għal mument, u daħlet ġewwa biex tilbes b’mod iktar adattat. Meta ġiet lura, hi semgħet lil Samuel, aċċettat l-invit, u staqsietu: “Għandi niġi waħdi jew mar-raġel tiegħi?” Imbagħad żiedet tgħid: “Anki jekk ir-raġel ma jiġix, jien se niġi. Se nagħmel dan għalik, Samuel.” Bi pjaċir kbir għal Samuel, hi żammet kelmitha.
Matul it-taħdita tat-Tifkira, Samuel qagħad bil-qiegħda maġenb Wiesława u wrieha l-iskritturi li kienu qed jiġu kunsidrati. Dan impressjonaha. Hi ħadet pjaċir bit-Tifkira u apprezzat li l-ħsibijiet profondi kienu spjegati f’termini sempliċi. Ukoll hi tqanqlet mill-mod kif ġiet milqugħa u mill-qalb tajba li l-kongregazzjoni wrietha. Minn dakinhar, Wiesława wriet iktar u iktar apprezzament għall-affarijiet spiritwali, u bdiet tissieħeb max-Xhieda taʼ Ġeħova regolarment. Reċentement hija qalet: “Inħossni imbarazzata li qabel ma kontx nagħtikom widen meta kontu tiġu d-dar tiegħi. Irrid nammetti li smajt il-messaġġ tagħkom biss minħabba tifel taʼ disaʼ snin, minħabba Samuel.”
Bħal Samuel fil-Polonja, ħafna żgħażagħ oħrajn tax-Xhieda taʼ Ġeħova jfaħħru ’l Alla bil-fomm u bil-manjieri u l-imġiba tagħhom. Jekk għadek żgħir, int ukoll tistaʼ tgħin lil uħud sinċieri jifhmu l-valuri spiritwali li huma taʼ benefiċċju.