Il-Kitba—L-Importanza li Kellha f’Iżrael tal-Qedem
ĠIELI qrajt xi siltiet mill-Ilijade jew mill-Odissea, żewġ poeżiji twal u famużi tal-Greċja tal-qedem? Huwa maħsub li dawn il-poeżiji nkitbu matul id-disaʼ jew it-tmien seklu Q.E.K. Kif inhuma differenti dawn ix-xogħlijiet meta mqabblin mal-Bibbja, li bdiet tinkiteb ħafna sekli qabel? Il-volum The Jewish Bible and the Christian Bible jgħid: “Il-Bibbja għandha minn taʼ l-inqas 429 referenza għall-kitba u għal dokumenti miktubin. Dan hu sinifikanti meta wieħed jiftakar li l-Ilijade tipprovdi biss referenza waħda għall-kitba u lanqas referenza waħda m’hemm fl-Odissea.”
The Oxford Encyclopedia of Archaeology in the Near East tispjega li “milli jidher, f’Iżrael tal-qedem il-kitba kienet parti integrali mill-qima reliġjuża.” Per eżempju, il-patt tal-Liġi kien jiġi mniżżel bil-miktub u mbagħad jinqara pubblikament fuq bażi regulari quddiem l-irġiel, in-nisa, u t-tfal kollha. Ukoll, kien jinqara u jiġi studjat min-nies kemm bħala grupp u kemm fil-privat. Wara li kkunsidra xi fatturi tal-Liġi, Alan Millard, lekċerer taʼ grad għoli fl-Università taʼ Liverpool, ikkonkluda: “Milli jidher, kien maħsub li l-qari u l-kitba kienu parti integrali mill-ħajja taʼ l-Iżraelin.”—Dewteronomju 31:9-13; Ġożwè 1:8; Neħemija 8:13-15; Salm 1:2.
L-appostlu Pawlu jispjega kif il-Kristjani għandhom iħarsu lejn il-kitbiet qaddisa: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” Turi int personalment apprezzament għall-Bibbja billi taqraha b’mod regulari?—Rumani 15:4.