Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Fl-ittra tiegħu lill-Ebrej, l-appostlu Pawlu tkellem dwar “it-tqegħid taʼ l-idejn.” Kien hu qed jirreferi għall-ħatra taʼ l-anzjani jew għal xi ħaġa oħra?—Ebr. 6:2.
M’hemmx għalfejn inkunu dommatiċi, imma Pawlu x’aktarx li kien qed jirreferi għat-tqegħid taʼ l-idejn sabiex jingħataw l-għotjiet taʼ l-ispirtu.
Il-Bibbja ma titkellimx dwar it-tqegħid taʼ l-idejn f’konnessjoni mal-ħatriet teokratiċi. Meta Mosè ħatar lil Ġożwè bħala s-suċċessur tiegħu, hu ‘qiegħed idejh fuqu.’ (Dt. 34:9) Fil-kongregazzjoni Kristjana, xi rġiel kwalifikati nħatru bit-tqegħid taʼ l-idejn. (Atti 6:6; 1 Tim. 4:14) Pawlu ta l-parir biex l-idejn ma jitqegħdux malajr fuq raġel.—1 Tim. 5:22.
Madankollu, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani Ebrej biex, issa li telqu “d-duttrina elementari,” ‘jirsistu lejn il-maturità.’ Imbagħad hu ta lista taʼ “ndiema minn għemejjel mejtin, u l-fidi f’Alla, it-tagħlim fuq il-magħmudijiet u t-tqegħid taʼ l-idejn.” (Ebr. 6:1, 2) Hija l-ħatra taʼ l-anzjani sempliċement xi ħaġa elementari li mindu jiħduha l-Kristjani għandhom jibdew jirsistu, jew jagħmlu progress? Le. Il-fatt li tkun anzjan tal-kongregazzjoni huwa mira li l-aħwa maturi għandhom jirsistu għaliha u mbagħad japprezzawha.—1 Tim. 3:1.
Imma kien hemm raġuni oħra għat-tqegħid taʼ l-idejn. Fl-ewwel seklu, Ġeħova ċaħad lil Israel naturali bħala l-poplu tiegħu u għażel lil Israel spiritwali, il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. (Mt. 21:43; Atti 15:14; Gal. 6:16) Għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu, bħalma hu li titkellem bl-ilsna, kienu evidenza taʼ din il-bidla. (1 Kor. 12:4-11) Meta Kornelju u n-nies taʼ daru bdew jemmnu, dawn l-uħud ġodda rċivew l-ispirtu qaddis, kif wera l-fatt li bdew “jitkellmu bl-ilsna.”—Atti 10:44-46.
Kultant, l-għotjiet mirakolużi kienu jingħataw permezz tat-tqegħid taʼ l-idejn. Meta Filippu xandar l-aħbar tajba fis-Samarija, ħafna tgħammdu. Il-ġemgħa li tiggverna bagħtet lill-appostli Pietru u Ġwanni hemmhekk. Għala? Naqraw: “Imbagħad [dawn it-tnejn] qiegħdu idejhom [fuq in-nies li kienu għadhom kif tgħammdu], u bdew jirċievu l-ispirtu qaddis.” Wisq probabbli dan kien ifisser li huma kienu rċivew l-għotjiet taʼ l-ispirtu, abbiltajiet li setgħu jidhru. Dan nafuh għax Xmun, li qabel kien jipprattika l-arti tal-maġija, ra l-ispirtu jaħdem u b’regħba pprova jixtri l-abbiltà li jqiegħed idu fuq oħrajn sabiex jagħtihom l-ispirtu qaddis biex dawn l-individwi jkollhom il-qawwa li jwettqu l-mirakli. (Atti 8:5-20) Iktar tard tgħammdu 12-il persuna f’Efesu. Naqraw: “Meta Pawlu qiegħed idejh fuqhom, l-ispirtu qaddis ġie fuqhom, u bdew jitkellmu bl-ilsna u jipprofetizzaw.”—Atti 19:1-7; qabbel it-2 Timotju 1:6.
Għalhekk, f’Ebrej 6:2, mid-dehra Pawlu kien qed jirreferi għat-tqegħid taʼ l-idejn sabiex l-għotjiet taʼ l-ispirtu jingħataw lil uħud ġodda li bdew jemmnu.