Kapitlu 27
Kif Tikseb Għajnuna Permezz Tat-Talb
1. Liema għajnuna għandna bżonn mingħand Alla, u kif nirċevuha?
BIEX JIBQGĦU ĦELSIN mill-influwenza mill-agħar tad-dinja, il-Kristjani għandhom bżonn b’mod speċjali l-għajnuna li tiġi permezz tat-talb. Ġesù qal: “Il-Missier fis-sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jistaqsuh.” (Luqa 11:13) Aħna għandna bżonn l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva t’Alla, saħansitra bħalma għandna bżonn li nistudjaw il-Kelma tiegħu u li nassoċjaw maʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Imma biex nirċievu l-ispirtu qaddis, irridu nitolbu għalih.
2. (a) X’inhu t-talb? (b) Liema huma xi forom diversi taʼ talb? (ċ) Għala huwa importanti t-talb?
2 It-talb huwa diskors bir-rispett m’Alla. Jistaʼ jkun f’għamla taʼ rikjesta, bħal meta nitolbu ’l Alla għal xi affarijiet. Imma t-talb jistaʼ wkoll ikun espressjoni taʼ radd il-ħajr jew tifħir ’l Alla. (1 Kronaki 29:10-13) Sabiex ikollna relazzjoni tajba maʼ Missierna tas-sema, irridu nitkellmu miegħu regolarment fit-talb. (Rumani 12:12; Efesin 6:18) Il-forza attiva tiegħu, li nirċevuha billi nitolbu għaliha, tistaʼ ssaħħaħna biex nagħmlu r-rieda tiegħu minkejja kwalunkwe inkwiet jew tentazzjonijiet li Satana jew id-dinja tiegħu jistgħu jġibu fuqna.—1 Korintin 10:13; Efesin 3:20.
3. (a) X’saħħa nistgħu nirċievu mingħand Alla? (b) Kif biss nistgħu nżommu relazzjoni tajba m’Alla?
3 Int għandek mnejn qiegħed ikollok ġlieda ħarxa biex teħles minn xi drawwa jew prattika li ma togħġobx ’l Alla. Jekk inhu hekk, fittex l-għajnuna taʼ Jehovah. Dur lejh fit-talb. L-appostlu Pawlu hekk għamel, u kiteb: “Għall-affarijiet kollha għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.” (Filippin 4:13; Salm 55:22; 121:1, 2) Mara li nqatgħet minn korsa taʼ mmoralità qalet: “Hu l-uniku wieħed li għandu l-qawwa biex jgħinek toħroġ minn dik is-sitwazzjoni. Irid ikollok dik ir-relazzjoni persunali maʼ Jehovah, u l-uniku mod biex iżżomm dik ir-relazzjoni persunali huwa li titlob.”
4. Wieħed raġel kif irċieva s-saħħa biex jinqataʼ mill-vizzju tat-tipjip?
4 Madankollu persuna tistaʼ tgħid: ‘Jien tlabt għall-għajnuna t’Alla ħafna drabi, imma xorta ma nistax nieqaf milli nagħmel il-ħażin.’ Persuni li jpejpu qaluh dan. Meta raġel b’din il-problema ġie mistoqsi: “Meta titlob int?” wieġeb: “Fil-għaxija qabel norqod, fil-għodu x’ħin inqum, u wara li niddgħajjef u nieħu sigarett, jien ngħid lil Jehovah li jiddispjaċini għal dak li nkun għamilt.” Ħabibu qallu: “Il-waqt li int tassew ikollok bżonn l-għajnuna t’Alla huwa fil-mument li tkun se tieħu sigarett, mhux hekk? Dak huwa l-waqt li fih għandek titlob lil Jehovah biex isaħħek.” Meta r-raġel għamel hekk, irċieva l-għajnuna biex jaqtaʼ t-tipjip.
5. (a) X’inhu meħtieġ biex taqdi ’l Alla kif jixraq? (b) Liema ħaġa tindika li biex wieħed jinqataʼ minn xi attività midinba taʼ spiss jinvolvi sofferenza?
5 B’dan ma rridux ngħidu li talb ’l Alla, flimkien maʼ studju tal-Kelma tiegħu u sħubija maʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu, se jagħmluha faċli għalik li tagħmel dak li huwa xieraq. Xorta waħda hemm bżonn taʼ sforz; iva, ġlieda iebsa, li tistaʼ saħansitra tinkludi sofferenza. (1 Korintin 9:27) Drawwiet ħżiena jistgħu jirriżultaw f’li jkollok xenqa terribbli għal dak li huwa ħażin. Mela s-sofferenza normalment tirriżulta meta persuna tinqataʼ minn attività midinba. Lest int li ssofri sabiex tagħmel dak li huwa xieraq?—1 Pietru 2:20, 21.
TALB LI ALLA JISMAʼ
6. (a) Ħafna għala jsibuha bi tqila biex jitolbu? (b) X’għandna bżonn sabiex it-talb tagħna jinstemaʼ?
6 Ħafna persuni jsibuha bi tqila biex jitolbu. “Qed insibha diffiċli nitlob lil xi ħadd li ma nistax narah,” stqarret mara żagħżugħa. Ladarba l-ebda bniedem ma ra ’l Alla, aħna għandna bżonn il-fidi sabiex nitolbu u ninstemgħu minn Alla. Għandna bżonn nemmnu li Jehovah tassew jeżisti u li kapaċi jwettaq dak li nitolbu. (Ebrej 11:6) Jekk għandna dik ix-xorta taʼ fidi, u jekk nersqu lejn Alla b’qalb sinċiera, nistgħu nkunu żguri li se jgħinna. (Mark 9:23) B’hekk, għalkemm il-fizzjal taʼ l-armata Rumana, Korneljus, ma kienx f’dak iż-żmien parti mill-organizzazzjoni t’Alla, meta sinċerament talab għal gwida, Alla wieġeb it-talba tiegħu.—Atti 10:30-33.
7. (a) Liema xorta taʼ talb jogħġob ’l Alla? (b) Lil liema xorta taʼ talb ma jagħtix widen Alla?
7 Xi persuni jsibuha iebsa biex jesprimu lilhom infushom bil-kliem. Madankollu, dan m’għandux iżommhom milli jitkellmu m’Alla fit-talb. Nistgħu nkunu żguri li hu jaf il-bżonnijiet tagħna u se jifhem dak li rridu ngħidu. (Mattew 6:8) Aħseb ftit: Liema espressjoni tapprezza l-iktar minn tifel żgħir—ir-ringrazzjament sempliċi u sinċier tiegħu jew il-kliem speċjali li xi ħadd ikun issuġġerielu? Missierna tas-sema bl-istess mod japprezza espressjonijiet sempliċi u sinċieri mingħandna. (Ġakbu 4:6; Luqa 18:9-14) M’huwa meħtieġ ebda kliem speċjali jew lingwaġġ reliġjuż. Hu lanqas biss se jagħti widen lil dawk li jitolbu b’xi lingwaġġ m’huwiex tas-soltu jew bombastiku biex jimpressjonaw lil oħrajn, jew li jgħidu l-istess affarijiet għal darba wara l-oħra b’mod m’huwiex sinċier.—Mattew 6:5, 7.
8. (a) X’juri li Alla jistaʼ jismaʼ talb li jsir fis-skiet? (b) Tindika l-Bibbja li rridu nitolbu f’xi pożizzjoni jew post partikulari?
8 Saħansitra meta titlob fis-skiet, Alla jistaʼ jismaʼ. Meta Neħemija talab hekk, Alla aġixxa fuq it-talba sinċiera tiegħu, u l-istess għamel m’Anna. (Neħemija 2:4-8; 1 Samwel 1:11-13, 19, 20) Lanqas m’hija l-ħaġa importanti l-pożizzjoni fiżika taʼ persuna meta tkun qiegħda titlob. Int tistaʼ titlob waqt li tkun fi kwalunkwe pożizzjoni, fi kwalunkwe ħin u fi kwalunkwe post. Madankollu, il-Bibbja turi li hija xierqa pożizzjoni t’umiltà, bħal li tbaxxi rasek jew li toqgħod għar-rkobbtejk. (1 Slaten 8:54; Neħemija 8:6; Danjel 6:10; Mark 11:25; Ġwann 11:41) U Ġesù indika li huwa tajjeb meta talb persunali jistaʼ jingħad f’post privat, fejn ma jarawniex oħrajn.—Mattew 6:6.
9. (a) Lil min għandu jiġi indirizzat it-talb kollu tagħna, u għala? (b) Biex it-talb tagħna jkun aċċettabbli għal Alla, f’isem min għandu jiġi offrut?
9 It-talb huwa parti mill-qima tagħna. Għal din ir-raġuni t-talb tagħna għandu jiġi indirizzat biss lill-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, u lil ħadd iżjed. (Mattew 4:10) U l-Bibbja turi li l-Kristjani jridu jersqu lejn Alla permezz taʼ Ġesù, li ta ħajtu biex ineħħi d-dnubiet tagħna. Dan ifisser li aħna għandna nitolbu f’isem Ġesù.—Ġwann 14:6, 14; 16:23; Efesin 5:20; 1 Ġwann 2:1, 2.
10. (a) It-talb taʼ min ma jogħġobx ’l Alla? (b) Xi ħtieġa bażika rridu nwettqu biex it-talb tagħna jinstemaʼ minn Alla?
10 Madankollu, it-talb kollu jogħġob lil Jehovah? Il-Bibbja tgħid: “Dak li qiegħed idawwar widintu lil hinn biex ma jismax il-liġi—saħansitra t-talba tiegħu hija xi ħaġa mistmerra.” (Proverbji 28:9; 15:29; Isaija 1:15) Għalhekk jekk irridu li Alla jismaʼ t-talb tagħna, ħtieġa bażika hija li nagħmlu r-rieda tiegħu, li nobdu l-liġijiet tiegħu. Inkella Alla mhux se jagħtina widen, sewwa sew bħalma persuna retta ma tagħtix widen lil programm tar-radju li tqisu mmorali. Il-Bibbja tgħid: “Hu x’inhu li nistaqsu għalih nirċevuh mingħandu, għaliex aħna qegħdin inħarsu l-kmandamenti tiegħu u qegħdin nagħmlu l-affarijiet li jogħġbu f’għajnejh.”—1 Ġwann 3:22.
11. X’ifisser li taħdem għal dak li titlob?
11 Dan ifisser li rridu naħdmu għal dak li għalih nitolbu. Per eżempju, ikun żbaljat li wieħed jistaqsi ’l Alla għall-għajnuna tiegħu biex jieqaf juża t-tabakk jew il-marijuana u mbagħad joħroġ u jixtri dawn l-affarijiet. Lanqas ma jistaʼ jitlob lil Jehovah biex jgħinu jevita l-immoralità u mbagħad jaqra letteratura jew jara films u programmi televiżivi li juru l-immoralità. Jew jekk il-logħob taʼ l-azzard ikun id-djufija taʼ dak li jkun, ma jistax jitlob ’l Alla biex jgħinu jieqaf u mbagħad imur fejn isiru t-tlielaq jew f’postijiet oħrajn bħal dawn fejn isir il-logħob taʼ l-azzard. Biex it-talb tagħna jinstemaʼ minn Alla, għandna bżonn li nuruh bl-azzjonijiet tagħna li tassew infissru dak li ngħidu.
12. (a) X’inhuma xi affarijiet li nistgħu ninkludu fit-talb tagħna? (b) Sabiex it-talb tagħna jkun jogħġob ’l Alla, x’irridu nitgħallmu?
12 X’inhuma, allura, xi affarijiet persunali li nistgħu ninkludu fit-talb tagħna lil Jehovah? Fil-fatt, kwalunkwe ħaġa li se teffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla hija suġġett xieraq għat-talb, inkluża s-saħħa fiżika tagħna, kif ukoll it-trobbija tat-tfal. (2 Slaten 20:1-3; Imħallfin 13:8) L-appostlu Ġwanni kiteb: “Hu x’inhu li nitolbu skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwann 5:14) Mela l-ħaġa importanti hija li t-talbiet tagħna jkunu fi qbil mar-rieda t’Alla. Dan ifisser li l-ewwel għandna bżonn nitgħallmu x’inhi r-rieda tiegħu. (Proverbji 3:5, 6) Imbagħad jekk inqisu x’inhuma r-rieda u l-iskop t’Alla meta nitolbu, minflok ma sempliċement inkunu kkonċernati dwar l-interessi persunali tagħna, it-talb tagħna se jkun aċċettabbli għal Jehovah. Huwa xieraq li niżżu ħajr lil Jehovah kuljum għall-affarijiet tajbin li jipprovdi.—Ġwann 6:11, 23; Atti 14:16, 17.
13. (a) Ġesù kif wera liema għandhom ikunu l-affarijiet li jieħdu l-ewwel post fit-talb tagħna? (b) Liema huma xi affarijiet taʼ importanza sekondarja li għandna nitolbu għalihom?
13 Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu talba mudell biex tiggwidahom rigward ix-xorta taʼ talb li Alla jaċċetta. (Mattew 6:9-13) Din it-talba turi li l-isem t’Alla, is-saltna tiegħu u li tintgħamel ir-rieda tiegħu fuq l-art jiġu l-ewwel. Imbagħad, nistgħu nitolbu għall-bżonnijiet persunali tagħna, bħalma huma l-ikel tagħna taʼ kuljum, il-maħfra tad-dnubiet, u l-ħelsien mit-tentazzjoni u mill-wieħed mill-agħar, Satana x-Xitan.
TALB BIEX JGĦIN LIL OĦRAJN
14. Il-Bibbja kif turi l-importanza tat-talb għan-nom t’oħrajn?
14 Ġesù wera bl-eżempju tiegħu l-importanza taʼ talb għan-nom t’oħrajn. (Luqa 22:32; 23:34; Ġwann 17:20) L-appostlu Pawlu kien jaf kemm jiswa talb bħal dan u taʼ spiss talab lil oħrajn biex jitolbu għalih. (1 Tessalonkin 5:25; 2 Tessalonkin 3:1; Rumani 15:30) Waqt li kien il-ħabs kiteb: “Qiegħed nittama li permezz tat-talb tagħkom se niġi mogħti l-libertà.” (Filemon 22; Efesin 6:18-20) Li Pawlu ftit wara nħeles mill-ħabs jindika l-benefiċċju tat-talb li ntqal għalih.
15. Liema xorta taʼ talbiet nistgħu nagħmlu rigward persuni li lilhom inħobbu?
15 Pawlu qal ukoll talb t’għajnuna għan-nom t’oħrajn. “Aħna dejjem nitolbu għalikom, li Alla tagħna jistaʼ jgħoddkom denjin tas-sejħa tiegħu,” hu kiteb. (2 Tessalonkin 1:11) U lil kongregazzjoni oħra spjega: “Aħna nitolbu ’l Alla li intom ma tagħmlu xejn ħażin . . . imma li tkunu qegħdin tagħmlu dak li huwa mill-aħjar.” (2 Korintin 13:7) Ċertament huwa tajjeb li nsegwu l-eżempju taʼ Pawlu u li nagħmlu talb speċifiku għan-nom taʼ persuni li nħobbu. Tabilħaqq, “supplika [talba sinċiera] taʼ raġel twajjeb, meta tkun qiegħda taħdem, għandha wisq forza.”—Ġakbu 5:13-16.
16. (a) Biex niksbu l-għajnuna meħtieġa, meta għandna nitolbu? (b) It-talb għala huwa privileġġ daqstant kbir?
16 Meta jikkonduċi studju tal-Bibbja, wieħed ministru spiss jistaqsi: “Titlob int xi drabi oħrajn minbarra fl-okkażjoni taʼ l-istudju tiegħek tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa?” Biex niksbu l-għajnuna li għandna bżonn, irridu nitkellmu m’Alla taʼ spiss fit-talb. (1 Tessalonkin 5:17; Luqa 18:1-8) Tgħallem tkellem bl-umiltà miegħu qisu maʼ xi ħabib tal-qalb u li tafdah. Verament, xi privileġġ taʼ l-għaġeb li tkun tistaʼ tindirizza t-talb lill-Ħakkiem glorjuż taʼ l-univers kollu, Semmiegħ it-talb, u li tkun taf li jisimgħek!—Salm 65:2.
[Stampa f’paġna 227]
X’għandu jagħmel wieħed meta jiġi ttantat biex ipejjep—jitlob għall-għajnuna jew iċedi?
[Stampa f’paġna 229]
Titlob int għall-għajnuna u mbagħad tinvolvi ruħek f’attività li tistaʼ twassal għal għemil ħażin?
[Stampa f’paġna 230]
Titlob int privatament jew biss meta tkun m’oħrajn?