LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wcg kap. 51 pp. 228-231
  • “Wieħed li Jinkuraġġixxi”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Wieħed li Jinkuraġġixxi”
  • B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fittex Iktar
  • Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
  • Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
  • Tgħallem Iktar
  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Huma Ppritkaw bil-Kuraġġ bl-Awtorità taʼ Ġeħova”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Mudell Ispirat taʼ Xogħol Missjunarju Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla
wcg kap. 51 pp. 228-231

51 BARNABA

“Wieħed li Jinkuraġġixxi”

Edizzjoni Stampata
Edizzjoni Stampata

WARA tliet snin ’il bogħod minn Ġerusalemm, Sawl taʼ Tarsu reġaʼ mar lura biex ikun mal-aħwa t’hemmhekk. (Gal. 1:15-19) Għalkemm hu issa kien sar Kristjan, l-aħwa t’hemm bdew jibżgħu minnu għax qabel kien jippersegwitahom. Ħafna ma bdewx jemmnu li hu kien inbidel, imma kien hemm ħu li kellu l-kuraġġ u l-imħabba biex jgħin lil Sawl. Dan ir-raġel kien magħruf bħala Barnaba.

Il-Kristjani f’Ġerusalemm bdew jibżgħu jgħinu lil Sawl taʼ Tarsu, imma Barnaba b’kuraġġ għenu

Il-Bibbja tgħid li Barnaba kellu isem ieħor, Ġużeppi, imma l-aħwa kienu jgħidulu Barnaba għax dan l-isem ifisser “Wieħed li Jinkuraġġixxi.” Għala? Hu kien qalbu tajba ħafna, u dejjem kien jara kif se jinkuraġġixxi u jgħin lil oħrajn. Pereżempju, wara Pentekoste tas-sena 33 WK, hu biegħ biċċa art u l-flus tahom lill-aħwa li kienu foqra. U meta Sawl mar Ġerusalemm, fis-sena 36 WK, Barnaba ltaqaʼ miegħu u wrieh qalb tajba. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li “qabeż għalih u ħadu għand l-appostli.”

Barnaba qed ilaqqaʼ lil Sawl maʼ żewġ appostli, li qed jiċċekkjaw l-iskrolli ġo dar.

Minn dak iż-żmien ’il quddiem, Sawl u Barnaba saru ħbieb kbar. Waqt li Sawl kien Ġerusalemm, hu kompla jipprietka b’kuraġġ dwar Ġesù u minħabba f’hekk il-Lhud riedu joqtluh. Meta l-aħwa f’Ġerusalemm semgħu b’dan, huma bagħtuh lura Tarsu fejn kien twieled. Wara disaʼ snin, Barnaba reġaʼ ra lil Sawl. L-aħwa bagħtu lil Barnaba f’Antjokja tas-Sirja għax kien hemm ħafna nies li saru Kristjani. Hu setaʼ jinkuraġġihom għax il-Bibbja tgħid li “kien raġel sew li kellu l-ispirtu qaddis u fidi kbira.” Peress li ħafna nies f’Antjokja riedu jitgħallmu dwar l-aħbar tajba, Barnaba kellu bżonn l-għajnuna taʼ xi ħadd biex jippritkalhom u jgħallimhom. Għalhekk, mar Tarsu biex ifittex lil Sawl. Sawl mar lura miegħu Antjokja u flimkien ħadmu iebes fl-ippritkar.

Barnaba u Sawl wara vvjaġġaw lejn il-Lhudija biex jieħdu l-flus u affarijiet oħra li kienu ġabru minn Antjokja biex jgħinu l-foqra. Imbagħad l-aħwa f’Ġerusalemm bagħtu lil Sawl, li beda jissejjaħ Pawlu, u lil Barnaba flimkien fuq vjaġġ biex jippritkaw f’postijiet oħra bħala missjunarji. Għal darb’oħra, il-fidi tagħhom ġiet ittestjata. F’Ikonju, xi Lhud riedu joqtluhom. Allura, b’għaqal telqu lejn Listra. F’Listra, in-nies ħasbu li kienu allat! Imma xi Lhud minn Antjokja fil-Pisidja u Ikonju ġew u bdew jigdbu dwar Pawlu u Barnaba. In-nies f’Listra emmnu lil dawn il-Lhud u daru kontra Pawlu, tant li lil Pawlu waddbulu l-ġebel, kaxkruh barra l-belt, u ħallewh hemm għax ħasbu li kien mejjet. Hemmhekk, il-Kristjani f’Listra sabuh u ħadu r-ruħ xħin raw li ma kienx miet. Tistaʼ timmaġina kemm feraħ Barnaba meta sar jaf li l-ħabib tiegħu kien għadu ħaj? L-għada, it-tnejn li huma telqu minn Listra, imma wara ftit marru lura biex jinkuraġġixxu lill-aħwa. X’kuraġġ urew!

Barnaba u Pawlu għamlu ħafna xogħol tal-għaġeb għal Ġeħova u għaddew minn ħafna sitwazzjonijiet perikolużi. Imma darba ġara xi ħaġa u kellhom argument. Barnaba ried li fil-vjaġġ li jmiss jieħdu l-kuġin tiegħu Marku magħhom, imma Pawlu ma riedx għax fil-vjaġġ taʼ qabel, Marku kien telaqhom. Ħadd minnhom ma ried iċedi, allura spiċċaw “kellhom xi jgħidu sew,” u nfirdu.

Kien Barnaba se jibqaʼ rrabjat għal Pawlu jew kien se jaħfirlu? Hu kellu bżonn il-kuraġġ biex jagħmel il-ħaġa t-tajba u ma jibqax irrabjat. Meta jkollna xi ngħidu ma’ xi aħwa, faċli nibqgħu rrabjati, nieqfu nkellmuhom, jew nieqfu nattendu l-laqgħat. Imma hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ biex ma nagħmlux dawn l-affarijiet. Minflok, għandna nagħmlu li nistgħu biex naħfru lill-aħwa ħalli b’hekk inferrħu lil Ġeħova.

La Barnaba u lanqas Pawlu ma ħallew dan in-nuqqas taʼ qbil iwaqqafhom milli jaqdu lil Ġeħova. Barnaba u Marku marru Ċipru fejn komplew ix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. U Pawlu mar ma’ Sila fuq il-vjaġġ li kien se jagħmel ma’ Barnaba. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, ippritkaw l-aħbar tajba u inkuraġġew lill-kongregazzjonijiet.

Dawn iż-żewġt irġiel baqgħu rrabjati għal xulxin? Le. Fil-fatt, Pawlu tkellem b’mod tajjeb dwar Barnaba fl-ittri tiegħu. Pereżempju, meta kiteb lill-Korintin qalilhom li Barnaba, bħalu, kien jaħdem iebes biex imantni lilu nnifsu ħalli jkun jistaʼ jkompli jipprietka. (1 Kor. 9:6) U f’ittra oħra, hu tkellem b’rispett dwar Marku, il-kuġin taʼ Barnaba, billi qal lill-kongregazzjoni biex jittrattawh b’mod tajjeb. (Kol. 4:10, 11) Veru li ma baqgħux jippritkaw flimkien, imma Pawlu u Barnaba baqgħu ħbieb. Żgur li Barnaba baqaʼ jipprietka l-aħbar tajba lin-nies u jinkuraġġihom. U waqt li kien ma’ Marku, wisq probabbli kompla jittrennjah. Fil-kapitlu li jmiss se naraw il-kuraġġ li wera Marku.

Aqra l-istorja mill-Bibbja:

  • Atti 4:34-37; 9:23-31; 11:19-30; 12:25; 13:1-5, 42-52; 14:1-26; 15:35-41

Biex tiddiskuti:

Barnaba kif wera kuraġġ?

Fittex Iktar

  1. 1. Barnaba kien Levita. Skont il-Liġi taʼ Mosè, il-Leviti ma kinux jirtu art. Allura Barnaba kif kellu biċċa art? (Num. 18:20; Atti 4:36, 37; w98 4/15 20 ¶4, ntt.)

  2. 2. Barnaba għala jissejjaħ appostlu? (Atti 14:14; w98 4/15 21 ¶6)

  3. 3. F’Ċipru, Barnaba u Pawlu ppritkaw lil raġel jismu Serġju Pawlu. Luqa, il-kittieb t’Atti, irrefera għalih b’mod tajjeb meta qal li kien “prokonslu”? (Atti 13:7, 12; bt 87 ¶6, ntt.) A

    Bank of Cyprus Cultural Foundation Collection

    Stampa A: Munita li nstabet f’Ċipru li fuqha hemm Klawdju. Hu kien il-mexxej tal-Imperu Ruman meta Barnaba u Pawlu marru Ċipru. Din il-munita ssemmi wkoll li l-mexxej tal-gżira kien “il-prokonslu”

  4. 4. Għala ma niħduhiex bi kbira li n-nies taʼ Listra riedu jilqgħu lil Barnaba u lil Pawlu bis-sagrifiċċji? (bt 97, kaxxa)

Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem

  • Kif nistgħu nkunu ġenerużi bħal Barnaba?

  • Milli jidher, l-ewwel vjaġġ bħala missjunarji organizzah Barnaba. Imma iktar tard, Pawlu kellu iktar responsabbiltajiet minn Barnaba. Minkejja dan, Barnaba ma għerx għalih. F’liema sitwazzjonijiet nistgħu nimitawh? B

    Grupp taʼ stampi: 1. Anzjan qed jieħu pjaċir jagħmel l-Istudju taʼ “It-Torri tal-Għassa” f’Sala tas-Saltna waqt li ħu iżgħar qed jieħu pjaċir jaqra. 2. Snin wara, l-anzjan qiegħed fl-udjenza jieħu pjaċir bl-Istudju taʼ “It-Torri tal-Għassa” waqt li l-ħu iżgħar qed jagħmel l-istudju.

    Stampa B

  • B’liema modi tistaʼ timita l-kuraġġ li wera Barnaba?

Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet

  • Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?

  • Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?

  • Wara li studjajt dan il-kapitlu, kif tħossok li taf li Barnaba se jmexxi maʼ Ġesù fis-sema?

Tgħallem Iktar

Il-ħbiberija li kellhom Barnaba u Pawlu kif turina li nies b’karattru differenti jistgħu jaħdmu flimkien?

“Se tirranġa n-nuqqas taʼ qbil u tippromwovi l-paċi?” (w17.06 28-32)

F’dan il-vidjow, ara kif aħwa rġiel jistgħu jimitaw lil Barnaba u Pawlu meta ma jaqblux bejniethom.

“Kellna Nirranġaw l-Affarijiet” (3:23)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja