LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Mejju pp. 14-19
  • Kif Tiddeċiedi Jekk Għandekx Tkompli l-Iskola

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tiddeċiedi Jekk Għandekx Tkompli l-Iskola
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦANDEK TKOMPLI TISTUDJA?
  • AĦSEB SEW GĦALA TRID TKOMPLI TISTUDJA
  • AĦSEB SEW DWAR IL-VANTAĠĠI U L-IŻVANTAĠĠI
  • Ibqaʼ Qrib Ġeħova Waqt li Tkompli l-Iskola
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Edukazzjoni bi Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Żgħażagħ li Jiftakru fil-Ħallieq Tagħhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Mejju pp. 14-19

20-26 TAʼ LULJU 2026

GĦANJA 133 Qim lil Ġeħova matul iż-żgħożija

Kif Tiddeċiedi Jekk Għandekx Tkompli l-Iskola

“L-għaqli jaħseb sew dwar kull ħaġa li se jagħmel.”—PROV. 14:15.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw affarijiet importanti li għandek bżonn taħseb dwarhom meta tiġi biex tiddeċiedi jekk għandekx tkompli tistudja. Se naraw ukoll kif il-pariri tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjoni tajba.

1-2. (a) Iż-żgħażagħ liema deċiżjonijiet għandhom jieħdu? (b) X’jiġifieri meta ngħidu “tkompli l-iskola”? (Ara “Espressjoni Spjegata.”)

“X’TIXTIEQ tagħmel la tikber?” Jekk għadek żgħir, x’aktarx li saqsewk din il-mistoqsija ħafna drabi. L-aqwa karriera li jistaʼ jkollok hi li taqdi lil Ġeħova fis-servizz full-time. Però, int xorta se jkollok taħdem ħalli jkollok il-flus biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek. (2 Tes. 3:10) X’aktarx, int diġà qed taħseb liema xogħol se tagħmel meta tikber.

2 Xi żgħażagħ, normalment wara li jitkellmu mal-ġenituri tagħhom dwar liema xogħol jixtiequ, jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara li jispiċċaw l-iskola sekondarja.a Int jaf ħsibt jekk għandekx tkompli tistudja. Jekk iva, x’se tagħżel? F’dan l-artiklu se nikkunsidraw xi pariri mill-Bibbja li se jgħinuk biex tieħu deċiżjonijiet tajbin dwar dan. Għalkemm dan l-artiklu hu iktar għaż-żgħażagħ, jistaʼ jgħin lil kull Kristjan li qed jaħsibha jekk għandux jieħu xi kors. Il-pariri li se nikkunsidraw jistgħu jgħinu wkoll lill-ġenituri biex jgħinu lit-tfal tagħhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin.

GĦANDEK TKOMPLI TISTUDJA?

3. Għala xi Kristjani jagħżlu li jkomplu jistudjaw?

3 F’xi pajjiżi, in-nies ma jkollhomx għalfejn ikomplu l-iskola biex isibu xogħol ħalli jaqilgħu biżżejjed għall-bżonnijiet tal-ħajja. Imma f’xi pajjiżi oħra, xi nies jaf ikollhom bżonn ikomplu l-iskola biex ikunu jistgħu jsibu xogħol b’paga jew ħinijiet aħjar. Għal Kristjan, dan jistaʼ jkun tajjeb għax b’hekk ikun jistaʼ jqattaʼ iktar ħin fix-xogħol tal-ippritkar jew f’xogħol ieħor għal Ġeħova. Però, biex wieħed ikompli l-iskola jrid jagħmel sagrifiċċju u Kristjan jaf jiffaċċja xi sfidi.

4. Min għandu jiddeċiedi jekk Kristjan ikomplix l-iskola? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

4 Il-Bibbja tgħid li “kull wieħed hu responsabbli li jagħmel dak li jitlob minnu Alla.” (Gal. 6:5) Dan ifisser li kull persuna adulta għandha tiddeċiedi hi jekk hux se tkompli l-iskola jew tibda xi kors.b Però, hija r-responsabbiltà tal-ġenituri li jiddeċiedu għat-tfal tagħhom li huma taħt l-età. (Efes. 6:1) U huma jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jagħmlu deċiżjonijiet tajbin dwar jekk għandhomx ikomplu l-iskola.—Prov. 22:6.

5. Persuna meta għandha tibda taħseb jekk għandhiex tkompli l-iskola, u għala? (Ara wkoll l-istampa taʼ quddiem.)

5 Spiss, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jaħsbu jekk hux se jkomplu jistudjaw qabel jispiċċaw l-iskola sekondarja. Bla dubju, huwa importanti li żagħżugħ jew żagħżugħa titkellem mal-ġenituri tagħha dwar dan is-suġġett qabel tiddeċiedi x’se tagħmel. Jekk jagħmlu dan minn żmien qabel, se jkunu jistgħu jagħmlu riċerka flimkien u jaraw x’għażliet ikollhom. B’hekk, l-iskola se jkunu jistgħu jagħżlu suġġetti biex jippreparawhom għal xogħol jew għal dak li se jkomplu jistudjaw. Imma għandha tittieħed deċiżjoni qabel it-tifel jispiċċa l-iskola sekondarja? Mhux bilfors. (Prov. 21:5) Xi żgħażagħ għażlu li jispiċċaw l-iskola, isibu xogħol u jibdew jaqdu bħala pijunieri sakemm jiddeċiedu jekk hux se jieħdu xi kors. Persuna tistaʼ tieħu deċiżjoni bħal din anki meta tikber.

Oħt żagħżugħa u l-ġenituri tagħha qed jiddiskutu l-għażliet tagħha dwar jekk tkomplix l-iskola. Qegħdin jaraw diversi fuljetti tal-iskola, vidjow tal-JW Broadcasting, u l-Bibbja.

Ġenituri Kristjani qed jgħinu lit-tifla tagħhom tieħu deċiżjonijiet tajbin dwar jekk għandhiex tkompli l-iskola (Ara paragrafu 5)


6. X’jistaʼ jgħin lil xi ħadd jieħu deċiżjoni tajba dwar jekk ikomplix l-iskola?

6 X’jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni tajba dwar jekk tkomplix l-iskola? Kun ċert li titlob lil Ġeħova biex jgħinek tieħu deċiżjoni tajba. (Ġak. 1:5) Ukoll, aħseb dwar dawn iż-żewġ affarijiet. L-ewwel, kun onest miegħek innifsek u saqsi għala trid tkompli tistudja. (Slm. 26:2) It-tieni, aħseb sew dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kors li qed taħseb li tieħu. (Prov. 14:15) Ejja naraw dawn waħda waħda.

AĦSEB SEW GĦALA TRID TKOMPLI TISTUDJA

7. Kristjan dwar xiex għandu jaħseb meta jara jekk hux se jibqaʼ jistudja?

7 Jekk qed taħseb dwar li tkompli tistudja, mistoqsija importanti li trid issaqsi lilek innifsek hi, ‘Jien għala rrid inkompli nistudja?’ Ħafna nies ikunu jridu jkomplu jistudjaw biex isibu xogħol li jogħġobhom jew inkella wieħed b’paga tajba. Hu ħażin jekk xi ħadd ikun irid dawn l-affarijiet? Mhux bilfors. (1 Tim. 5:8) Però, il-Bibbja twissina biex ma nagħmlux il-flus l-iktar ħaġa importanti u biex ma nafdawx fihom. (Prov. 23:​4, 5; 1 Tim. 6:​8-10; 1 Ġw. 2:17) Jekk trid tkompli tistudja biex issir sinjur jew tipprova timpressjona lil oħrajn, barra li mhux se tkun ferħan tistaʼ wkoll tagħmel il-ħsara l-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova.

8-9. (a) Il-Kristjani kif għandhom iqisu l-edukazzjoni? (Mattew 6:33) (b) X’nitgħallmu minn dak li qalu Josefina, Morine, u Iris?

8 Kif għandek tqis l-edukazzjoni? Għalina m’għandu jkun hemm xejn iktar importanti milli naqdu lil Ġeħova. (Mat. 22:​37, 38; Flp. 3:8) Allura għandek tqis l-edukazzjoni bħala xi ħaġa li se tgħinek biex ikollok il-bżonnijiet u biex taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha.—Aqra Mattew 6:33.

9 Innota x’għen lil xi Kristjani jaraw l-edukazzjoni bħalma jaraha Ġeħova. Josefinac miċ-Ċilì tgħid: “Jien bqajt nistudja biex stajt insib xogħol li jgħinni nkun nistaʼ naqdi lil Ġeħova iktar bis-sħiħ. Għamilt ċert li l-istudji tiegħi jduru mal-affarijiet spiritwali, u mhux bil-kontra.” Oħt jisimha Morine għażlet kors taʼ sena biex issir hairdresser. Għala? Hi tgħid: “Il-mira tiegħi kienet li mmur naqdi fejn il-bżonn hu akbar. Allura, għażilt kors li setaʼ jgħinni nilħaq dik il-mira. Wara li spiċċajt il-kors, użajt dak li tgħallimt biex naħdem bħala hairdresser u faddalt il-flus biex immur ngħix f’post ieħor. U meta mort ngħix fejn il-bżonn kien akbar, dak li tgħallimt għenni biex insib xogħol.” Iris, li ħadet kors ħafna itwal biex issir dentista, tgħid: “Li tkompli tistudja jistaʼ jkollu xi vantaġġi, imma qatt mhu se jtik il-ferħ u s-sodisfazzjon veru. Biex inkunu vera ferħanin irridu niftakru li rridu npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Dan għax hu se jagħmel ċert li aħna nkunu ferħanin u sodisfatti.” Iva, meta l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna, aħna se nieħdu deċiżjonijiet li se jgħinuna biex inkunu dejjem ferħanin.

AĦSEB SEW DWAR IL-VANTAĠĠI U L-IŻVANTAĠĠI

10. Il-prinċipju li nsibu f’​Dewteronomju 32:​29, kif nistgħu napplikawh meta niġu biex niddeċiedu jekk inkomplux l-iskola?

10 Forsi int diġà għandek f’moħħok liema xogħol tixtieq tagħmel. Imma jkun tajjeb ukoll li taħseb dwar xi għażliet oħra li għandek, jistaʼ jkun xogħol simili jew inkella xogħol kompletament differenti. (Ara l-prinċipju fi Proverbji 18:17.) Illum, hemm ħafna iktar possibbiltajiet kif tistaʼ tkompli tistudja. Pereżempju, tistaʼ tagħmel xi kors online. Barra minn hekk, aħseb jekk tistax tieħu ħsieb tiegħek innifsek mingħajr ma tkompli l-iskola. Pereżempju, Johanna mill-Finlandja ma komplietx skola. Hi tgħid: “Wara li spiċċajt l-iskola, jien bdejt naħdem part-time u bdejt pioneering. Ħdimt xogħlijiet differenti, u stajt nara kif Ġeħova dejjem iżomm il-wegħda tiegħu li jipprovdilna dak li jkollna bżonn.” Ftakar li d-deċiżjonijiet kollha li se tieħu dwar jekk tkomplix tistudja jew x’tip taʼ kors se tieħu, fihom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Għalhekk, saqsi lilek innifsek: ‘Hemm iktar vantaġġi milli żvantaġġi?’ (Aqra Dewteronomju 32:29; 1 Kor. 10:23) Ejja nikkunsidraw xi affarijiet importanti li se jgħinuk twieġeb din il-mistoqsija.

11. Għala hu tajjeb li taħseb kemm il-kors se jinvolvi ħin kull ġimgħa? (Ara wkoll l-istampi.)

11 Kemm se jiħodlok ħin? Aħseb kemm se jkollok bżonn ħin kull ġimgħa għal-lezzjonijiet, titgħallem kif tagħmel ix-xogħol u biex tagħmel il-homework. Se jibqagħlek ħin għall-affarijiet spiritwali u biex tgħin fl-affarijiet tad-dar? (Flp. 1:10) Dan il-kors se jġiegħlek tħossok għajjien ħafna u ma jkollokx saħħa biex tipprepara għal-laqgħat u taqra u tistudja l-Bibbja? Jeroz mill-Indja hekk ġralu. Hu jgħid: “Kien vera diffiċli għalija biex noħroġ nipprietka b’mod regulari u noqgħod attent meta nkun fil-laqgħat. Xi kultant, kont infalli l-laqgħat. Meta nħares lura, nirrealizza li l-kors li ħadt ma kienx worth it għax ħadli ħafna ħin u enerġija.” Imma hemm korsijiet li ma jiħdux ħafna ħin, hemm korsijiet part-time u oħrajn li ma jagħtux ħafna homework. Pereżempju, Rebecca mill-Mozambique hi ferħana bil-kors li ħadet. Hi tgħid: “Il-kors kien jiħodli biss sagħtejn mill-ġurnata. Għalhekk, stajt inkompli naqdi bħala pijuniera regulari.”

Grupp taʼ stampi: Ħu qed jaħseb jekk hux se jlaħħaq mar-responsabbiltajiet kollha li għandu jekk ikompli l-iskola. 1. Hu qed jieħu ħsieb il-microphone waqt il-laqgħa. 2. Hu qiegħed service. 3. Hu qed jaħdem f’kafetterija. 4. Hu qiegħed waqt lezzjoni l-iskola.

Jekk qed taħseb hux se tkompli l-iskola, kun ċert li jibqagħlek ħin għall-affarijiet importanti tiegħek (Ara paragrafu 11)


12. Liema mistoqsijiet tajjeb li ssaqsi ħalli b’hekk tkun tistaʼ tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod? (Ekkleżjasti 12:1)

12 Kemm se jdum il-kors? Xi ħaġa oħra li għandek taħseb dwarha hi kemm se ddum xhur jew snin biex tlesti l-kors li tieħu. Jekk tagħżel dan il-kors, se tkun qed tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod? (Efes. 5:​15-17) Jekk tkompli l-iskola, se tkun tistaʼ tagħti l-aħjar tiegħek lil Ġeħova waqt li għadek żgħir, forsi anki taqdih fis-servizz full-time? (Aqra Ekkleżjasti 12:1.) Hemm xi korsijiet iqsar li jistgħu jgħinuk xorta biex issib dak ix-xogħol li tixtieq? F’xi skejjel jew postijiet tax-xogħol, int tistaʼ titgħallem is-sengħa li jkollok bżonn iktar malajr u b’inqas flus milli kieku tmur xi università. Mario miċ-Ċilì jgħid: “Jien għażilt kors taʼ sentejn li kien irħas mill-kors tal-università. Kien ikolli l-lezzjonijiet erbat ijiem fil-ġimgħa, u b’hekk jien stajt naqdi bħala pijunier waqt li kont qed nieħu l-kors.”

13. X’jistaʼ jiġri jekk tagħżel li tmur tistudja ’l bogħod mid-dar tiegħek?

13 Fejn se jkun il-kors? Tistaʼ tipprova ssib kors viċin id-dar tiegħek. Imma xi ngħidu jekk tmur tagħmel kors ’il bogħod? Jew xi ngħidu jekk ikollok tgħix maʼ studenti oħra waqt li tkun qed tattendi l-iskola? Ftakar li jekk titlaq lill-familja u tmur tgħix maʼ nies li ma jaqdux lil Ġeħova, tistaʼ tagħmel ħsara l-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Prov. 22:3; 1 Kor. 15:33) Matias mill-Mozambique ħa kors taʼ sena li ma kienx jiswa ħafna flus. Però, iddispjaċieh għad-deċiżjoni li ħa. Għala? Hu jgħid: “Jien kelli ngħix fi skola ’l bogħod mid-dar tiegħi. Kont niġi ttantat kuljum biex nagħmel affarijiet ħżiena. Jien ma nissuġġerixxix li ż-żgħażagħ jieħdu kors fejn ikollhom jitilqu minn mal-familja tagħhom.” Oħt mir-Russja qalet: “Peress li bqajt id-dar mal-ġenituri tiegħi u ma mortx ngħix maʼ studenti oħrajn, jien evitajt ħafna tentazzjonijiet u problemi.” Tajjeb tkun taf li jistaʼ jkun issib kors online.

14. Il-prinċipju li nsibu f’​Luqa 14:​28, kif jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni tajba?

14 Kemm se jiswiek il-kors? Xi korsijiet ma jkunux għoljin jew inkella jkunu mħallsa mill-gvern. Għalhekk, int jistaʼ jirnexxilek titgħallem sengħa li jkollok bżonn biex issib xogħol mingħajr ma tħallas ħafna flus. Però, hemm korsijiet li huma għoljin. Jaf ikollok spejjeż oħra, bħal pereżempju li tmur il-privat biex b’hekk tkun aċċettat l-iskola. Xi korsijiet tant huma għoljin li l-istudenti jagħmlu snin biex iħallsu d-dejn li jkunu għamlu. Antoniò mill-Mozambique ddispjaċieh għad-deċiżjoni li ħa dwar l-edukazzjoni. Hu jgħid: “Il-familja tiegħi ma kinitx taffordja tixtri ċertu ikel u affarijiet oħra bażiċi biex tkun tistaʼ tħallas għall-kors t’erbaʼ snin li ħadt.” Meta tkun qed taħseb dwar xi kors, saqsi lilek innifsek: ‘Kemm se jiswieli flus? Se jkun diffiċli għalija jew għall-familja tiegħi biex tħallas għall-kors? Hemm għażla oħra li ma tiswiex ħafna?’ (Aqra Luqa 14:28.) ‘Jekk ikolli nagħmel id-dejn, kemm se ndum inħallsu? U meta nibda naħdem, se naqlaʼ biżżejjed flus biex inkun nistaʼ nieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħi u nkompli nħallas id-dejn tal-kors?’—Prov. 22:7.

15. Għala għandek taħseb liema xogħol hemm domanda għalih qabel tiddeċiedi liema kors se tieħu?

15 Kemm għandek ċans issib ix-xogħol li trid? Aħseb liema xogħol hemm domanda għalih fejn tgħix int jew fejn trid tmur tgħix. Jekk tkompli l-iskola, se tkun tistaʼ ssib xogħol? Xi korsijiet ma titgħallimx is-sengħa li jkollok bżonn biex issib xogħol. Dawn jiffokaw fuq it-teorija u l-għarfien minflok fuq il-prattika biex jgħinuk issib xogħol speċifiku. (Kol. 2:8) Oħt mill-Indja tgħid: “Il-kors li ħadt m’għennix biex nitgħallem is-sengħa li kelli bżonn biex insib ix-xogħol li ridt. Minħabba f’hekk, ma stajtx insib xogħol b’dak li studjajt.” Xi korsijiet oħra jaf jgħallmu kif isir ix-xogħol imma ma jkunx hemm domanda għalih. Pereżempju, Samuel mir-Repubblika Ċentru-Afrikana ħa kors biex jitgħallem isewwi l-air conditions. Però, hu jgħid: “Fejn ngħix jien, il-biċċa l-kbira tan-nies jirranġaw l-affarijiet huma, allura hu diffiċli biex issib xogħol.”

16. Għala hu importanti taħseb dwar liema xogħol se tagħmel wara li tispiċċa l-kors?

16 Aħseb ukoll dwar liema xogħol jaf issib. Se jkun għal qalbek? (Ekk. 3:​12, 13) Il-post tax-xogħol kif se jkun u maʼ min se taħdem? Ix-xogħol li int interessat fih hu taʼ periklu? Se tkun qed taħdem maʼ nies li l-ħin kollu jikkompetu biex ikunu l-aħjar u se jġegħluk tħossok stressjat? Dan ix-xogħol kemm normalment iħallas? Se jkun biżżejjed biex int tkun tistaʼ tieħu ħsieb tiegħek innifsek? Se jkollok bżonn tkompli tistudja biex tkun tistaʼ żżomm dan ix-xogħol? U iktar importanti minn hekk, b’dan ix-xogħol se tkun tistaʼ żżomm l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajtek? (Ekk. 12:13) Bla dubju, meta ma jkunx hemm ħafna xogħlijiet minn fejn nagħżlu, jaf ikollna nagħmlu xogħol li ma nkunux nixtiequ. Imma xorta tistaʼ tieħu deċiżjoni tajba dwar l-edukazzjoni li tagħżel biex b’hekk tkun tistaʼ ssib xogħol iktar tard. Tabitha mill-Indja għażlet kors tal-ħjata għal sitt xhur. Hi tgħid: “Bdejt ngħid li jekk naħdem bħala ħajjata se nkun nistaʼ naqdi bħala pijuniera. Dan ix-xogħol dejjem se jkun bżonjuż, nistaʼ nagħżel il-ħin meta naħdem u mhux se jiswieli ħafna flus biex nibda.” Dan il-kors għen lil Tabitha ssib xogħol biex tkun tistaʼ tibqaʼ taqdi bħala pijuniera.

17. (a) Kif tistaʼ ssib l-informazzjoni li għandek bżonn biex tieħu deċiżjoni tajba dwar l-iskola? (b) Liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjoni tajba? (Ara l-kaxxa “Prinċipji tal-Bibbja li Għandek Taħseb Dwarhom.”)

17 F’dan l-artiklu aħna tgħallimna ħafna affarijiet importanti li għandna naħsbu dwarhom jekk hux se nkomplu l-iskola. Fejn tistaʼ ssib l-informazzjoni li għandek bżonn biex tieħu deċiżjoni tajba? Sib iktar informazzjoni dwar il-kors li tixtieq tieħu billi tmur l-iskola fejn se tkompli tistudja jew tfittex online. Iċċekkja wkoll kemm hemm domanda għax-xogħol li tixtieq tagħmel. Tistaʼ titkellem ukoll maʼ dawk li ħadu xi kors simili jew qed jagħmlu x-xogħol li tixtieq int. (Prov. 13:10) Staqsihom, “X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kors jew ix-xogħol li se tagħżel?” Tajjeb ukoll li titkellem maʼ dawk li huma ferħanin jaqdu lil Ġeħova. (Prov. 15:22) Liema tip taʼ edukazzjoni jew xogħol jissuġġerixxu? Jistgħu jissuġġerulek xi xogħol li int qatt ma ħsibt dwaru.

Prinċipji tal-Bibbja li Għandek Taħseb Dwarhom

  • Għala rrid inkompli l-iskola? (Mat. 6:33; 1 Tim. 6:​8-10)

  • Kemm se nqattaʼ ħin fil-lezzjonijiet u nagħmel il-homework kull ġimgħa? (Flp. 1:10)

  • Jekk nieħu kors, kemm-il sena se jdum? (Efes. 5:​15-17)

  • Fejn se ngħix? (1 Kor. 15:33)

  • Jekk nieħu kors, kemm se jiswieli flus? (Luqa 14:28)

  • L-edukazzjoni li nagħżel, se tgħinni biex insib xogħol biex inkun nistaʼ nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u nagħti l-aħjar lil Ġeħova? (Ekk. 12:13)

18. X’se jagħmlek vera ferħan?

18 Bħalma tgħallimna f’dan l-artiklu, meta tkompli l-iskola hemm il-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Għalhekk, itlob dwar l-għażliet li għandek. Meta tkompli l-iskola, tistaʼ ssib xogħol li taqlaʼ iktar flus, imma l-uniku mod kif tkun vera ferħan hu billi jkollok ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. (Slm. 16:​9, 11) Ġeħova dejjem jieħu ħsieb lill-poplu tiegħu, hi x’inhi l-edukazzjoni li jkollhom. (Lhud 13:5) Imma xi ngħidu jekk iddeċidejt li tkompli l-iskola? X’se jgħinek tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova waqt li tkun qed tistudja? Dan se nikkunsidrawh fl-artiklu li jmiss.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Skont Galatin 6:​5, min hu responsabbli biex jiddeċiedi jekk wieħed ikomplix l-iskola jew le?

  • Bħala Kristjani, kif għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn l-iskola wara li nispiċċaw is-sekondarja?

  • Dwar liema affarijiet importanti rridu naħsbu meta niġu biex niddeċiedu jekk hux se nkomplu l-iskola jew le?

GĦANJA 45 Il-Meditazzjoni taʼ qalbi

a ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-artiklu u taʼ warajh, “li tkompli l-iskola jew li tkompli tistudja” jirreferi għal kwalunkwe edukazzjoni wara l-iskola sekondarja jew dik obbligatorja mill-gvern. Dan jinkludi korsijiet twal jew qosra, studji li toffri l-università, jew korsijiet fi skejjel jew postijiet tax-xogħol biex titgħallem xi sengħa.

b Fil-passat, il-pubblikazzjonijiet tagħna kienu jissuġġerixxu li l-Kristjani m’għandhomx ikomplu l-iskola jew jieħdu xi kors. Pereżempju, f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 t’Ottubru 2005, kien hemm l-artiklu “Ġenituri—X’Futur Tixtiequ għal Uliedkom?” Dan l-artiklu semma l-periklu li jistaʼ jkun hemm meta xi ħadd jagħżel li jkompli jistudja biex imur l-università. Għalkemm dan il-periklu għadu hemm, li wieħed jiddeċiedi jekk ikomplix jistudja hija għażla persunali. Kull adult, u fil-każ tat-tfal taħt l-età, kull kap tal-familja, għandu jitlob lil Ġeħova u jfittex sew għall-pariri fil-Bibbja. Hu għandu jara kemm jirrikjedi ħin u sforz biex ikun jistaʼ jagħmel ċertu kors. Ħadd, lanqas l-anzjani, m’għandu jiġġudika ħu jew oħt jekk tiddeċiedi li tkompli tistudja.—Ġak. 4:12.

c Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja