31 T’AWWISSU–6 TAʼ SETTEMBRU 2026
GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek
Oqgħod Attent fil-Laqgħat
“Isimgħu sew.”—LUQA 8:18.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw għala għandna noqogħdu attenti matul il-laqgħat u kif nistgħu nagħmlu dan.
1-2. (a) Ġeħova x’jagħmel għall-poplu tiegħu llum? (Slm. 23:1, 2, 5) (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
ILLUM, Ġeħova qed jagħtina ħafna ikel spiritwali. Aħna żgur li naqblu ma’ dak li qal David: “Ġeħova hu r-Ragħaj tiegħi. Mhu se jonqosni xejn.”—Aqra Salm 23:1, 2, 5.
2 Mod wieħed kif Ġeħova jipprovdi l-ikel spiritwali llum hu permezz tal-laqgħat tal-kongregazzjoni. F’dawn il-laqgħat, aħna spiss nisimgħu affarijiet li nkunu diġà tgħallimniehom qabel. Imma anki jekk aħna “konvinti sew mill-verità,” għandna bżonn dawn it-tfakkiriet. (2 Pt. 1:12) Però, meta tismaʼ xi ħaġa li tkun smajtha ħafna drabi fil-laqgħat, issibha diffiċli biex toqgħod attent? Dan l-artiklu jistaʼ jgħinek. Se nikkunsidraw għala għandna bżonn noqogħdu attenti fil-laqgħat. Se naraw ukoll kif dawk li jgħallmu fil-kongregazzjoni jistgħu jagħmluha iktar faċli għal oħrajn biex joqogħdu attenti. U se naraw ukoll xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuna biex noqogħdu iktar attenti. Imma l-ewwel ejja naraw min qed jgħallimna.
FTAKAR LI QED JGĦALLIMNA ĠEĦOVA
3. Ġeħova kif jgħallimna, u l-qaddejja tiegħu kif jużaw il-Bibbja meta jgħallmu?
3 Ġeħova jgħallimna permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (2 Tim. 3:16, 17) Ġesù kien jafu dan. Hu tant uża l-Kelma t’Alla b’mod tajjeb li dawk li semgħuh qalu: “Dan ir-raġel kif jaf daqshekk dwar l-Iskrittura la ma studjax fl-iskejjel?” (Ġw. 7:15) Dawk li kienu umli u riedu jitgħallmu dwar Ġeħova, kienu ferħanin ħafna meta semgħu lil Ġesù jispjega l-Kelma t’Alla. Il-Kristjani tal-bidu, bħall-appostlu Pawlu u Apollo, ukoll kienu jużaw spiss l-Iskrittura meta kienu jirraġunaw m’oħrajn. (Atti 17:2, 3; 18:24, 28) Aħna, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, nafu li l-artikli, il-broadcasting, l-outlines tat-taħditiet, u l-vidjows huma kollha bbażati fuq il-Bibbja. Nies li jattendu għall-ewwel darba l-laqgħat tagħna, spiss jibqgħu impressjonati minħabba li nużaw ħafna l-Bibbja. L-aħwa li jkollhom parti matul il-laqgħat jużaw il-Bibbja biex jgħallmu. Huma mhux sempliċement jaqrawha imma jgħinu lil kulħadd jifhimha u japplikaha.—Luqa 24:32.
4. Għala hu importanti ħafna li noqogħdu attenti fil-laqgħat?
4 Fil-Bibbja, il-kelma “ismaʼ” spiss tfisser li wieħed għandu jobdi. Għalhekk, meta naqraw il-Bibbja fil-laqgħat tagħna, ikun qisu Ġeħova qed ikellimna u aħna se nkunu nistgħu nifhmu dak li jridna nagħmlu u għala. B’hekk, se jkun iktar faċli għalina biex nobduh. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkun ferħan meta nisimgħu minnu u napplikaw dak li jgħidilna.—Prov. 27:11.
GĦALA GĦANDNA NOQOGĦDU ATTENTI FIL-LAQGĦAT?
5. L-imħabba tagħna għal Ġeħova, x’timmotivana nagħmlu? (Ġw. 4:23, 24; 1 Ġw. 5:3)
5 Aħna noqogħdu attenti fil-laqgħat għax inħobbu lil Ġeħova. (Mat. 22:37) Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se nsiru nħobbuh. U peress li nħobbuh, se niġu mmotivati noqogħdu attenti għal dak li jgħidilna fil-Kelma tiegħu l-Bibbja, nobduh, u nqimuh kif jixtieq hu.—Aqra Ġwanni 4:23, 24; 1 Ġwanni 5:3.
6. Fil-laqgħat tagħna, kif nitgħallmu ngħinu lil oħrajn?
6 Aħna noqogħdu attenti fil-laqgħat għax inħobbu lin-nies. (Mat. 22:39) Fil-laqgħat tagħna, Ġeħova jgħallimna kif nistgħu ngħinu lill-aħwa u lil dawk li għadhom ma jafuhx. Pereżempju, il-browxer L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli jgħinna biex niżviluppaw kwalitajiet li jgħinuna fil-ministeru. Issibha diffiċli biex tibda konversazzjoni b’mod naturali? Jekk iva, oqgħod attent għat-turijiet tal-aħwa matul il-laqgħa taʼ fost il-ġimgħa.
7. Għala hu importanti li nkomplu nobdu lil Ġeħova?
7 Aħna noqogħdu attenti fil-laqgħat għax irridu nkunu ferħanin issa u ngħixu għal dejjem. Jekk irridu nkunu ferħanin u ngħixu għal dejjem, għandna nobduh bħalma kellhom jagħmlu l-qaddejja taʼ Ġeħova fil-passat. (Dewt. 32:44-47) Meta noqogħdu attenti fil-laqgħat, aħna niġu inkuraġġiti u nitgħallmu kif nistgħu nissaportu l-problemi u nistennew bil-paċenzja d-dinja l-ġdida. (Rum. 8:25) Li nobdu lil Ġeħova hu importanti ħafna għax qed ngħixu fl-aħħar żminijiet u għandna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment.—Mat. 24:42-44; Riv. 1:3.
KIF NAGĦMLUHA FAĊLI GĦAL OĦRAJN BIEX JOQOGĦDU ATTENTI FIL-LAQGĦAT
8. L-aħwa li jgħallmu għala huwa importanti li jkomplu jtejbu l-mod kif jgħallmu?
8 L-aħwa li jgħallmu fil-laqgħat, speċjalment dawk li jagħtu t-taħditiet pubbliċi, għandhom ikomplu jtejbu l-mod kif jgħallmu. Ħu jagħmel tajjeb li jieħu l-ħin biex jipprepara sew it-taħdita tiegħu u jagħmel ċert li l-punti tat-taħdita jkunu bbażati fuq il-Bibbja. Meta jagħmel hekk, hu jkun jistaʼ jgħin lil dawk li għadhom mhumiex Xhieda jersqu qrib Ġeħova u lill-aħwa biex jibqgħu fil-verità. Meta jkollok parti fil-laqgħa, ftakar li l-parti tiegħek tistaʼ tgħin lil oħrajn iktar milli taħseb. Jekk għandek dan il-privileġġ, aħseb kif tistaʼ tapplika dawn il-punti fit-taħditiet li jkollok. Għalkemm dawn il-punti huma speċifikament għal dawk li jagħtu t-taħditiet pubbliċi, dawn jistgħu jgħinu anki lil dawk li jkollhom xi parti matul il-laqgħa.—2 Tim. 4:2; Titu 1:9.
9. X’tistaʼ tagħmel biex it-taħdita tiegħek tkun faċli biex tinftiehem?
9 Ibni l-punti tat-taħdita b’mod li jagħmlu sens. Meta tagħti taħdita, int trid li l-udjenza tifhem b’mod faċli dak li tkun qed tgħid u kif qed tgħaddi minn punt għal ieħor. Meta ssemmi ħafna punti, l-udjenza taf ma tibqax iffokata. X’tistaʼ tagħmel biex tibni t-taħdita b’mod tajjeb? Tistaʼ tipprova dawn is-suġġerimenti: (1) Fil-bidu semmi l-punti prinċipali b’mod ċar. (2) Minn punt għal ieħor, ieqaf naqra biex l-udjenza tkun taf li se timxi għal punt ieħor. (3) Fl-aħħar tat-taħdita, erġaʼ semmi l-punti prinċipali fil-qosor.
10. Għala hu importanti li jsiru jogħġbuk il-punti tat-taħdita?
10 Ara li l-punti tat-taħdita jsiru jogħġbuk. Meta titkellem dwar dak li tħobb, se titkellem b’entużjażmu. (Prov. 2:4, 5; Atti 4:20) Biex isiru jogħġbuk il-punti tat-taħdita, aħseb sew dwar l-ideat u l-iskritturi li se titkellem dwarhom. Ħu kbir fl-età li jgħix fl-Istati Uniti għadu jiftakar taħdita li semaʼ meta kien żagħżugħ. Hu jgħid: “Għadni niftakar meta l-kelliemi inkuraġġiena biex nimmeditaw sew meta naqraw il-Bibbja. Hu spjega b’mod ċar kif nistgħu nagħmlu dan, u stajt nara li għalih din kienet xi ħaġa importanti ħafna. Dik it-taħdita biddlitli ħajti għax għenitni nitgħallem iktar meta naqra l-Bibbja u nsaħħaħ il-ħbiberija tiegħi ma’ Ġeħova.”
11. Għala jkun tajjeb li tagħti suġġerimenti prattiċi u speċifiċi fit-taħdita tiegħek? (1 Timotju 4:13-16)
11 Aħseb x’għandha bżonn l-udjenza u agħti suġġerimenti prattiċi. Minflok ma ssemmi affarijiet ġenerali, uża l-vers tal-Bibbja biex tinkuraġġixxi lis-semmiegħa tiegħek u tgħinhom jaraw kif jistgħu japplikaw dak li tgħid il-Bibbja f’ħajjithom. Pereżempju, l-appostlu Pawlu ta suġġerimenti speċifiċi lil Timotju biex jibqaʼ b’saħħtu spiritwalment waqt li kien fl-inkarigu tiegħu f’Efesu. (Aqra 1 Timotju 4:13-16.) Aħseb dwar x’jistaʼ jgħin lis-semmiegħa tiegħek u għinhom jaraw x’għandhom bżonn jagħmlu biex japplikaw il-punti li qed issemmi fit-taħdita tiegħek.
12. Meta tagħti taħdita, għala huwa tajjeb li titkellem b’mod naturali?
12 Ipprattika t-taħdita tiegħek b’leħen għoli ħalli b’hekk titkellem b’mod naturali. Jekk tikteb it-taħdita kollha u taqraha, se jkun iktar diffiċli għall-udjenza biex joqogħdu attenti u jifhmu dak li qed tgħid. Il-browxer Irsisti fil-qari u t-tagħlim jgħid: “Tkellem b’mod naturali u sinċier li juri kif tħossok dwar is-suġġett u dwar is-semmiegħa tiegħek.” Meta titkellem mill-qalb, se jkun iktar faċli għall-udjenza biex joqogħdu attenti, jinteressaw ruħhom fil-punti li qed issemmi, u japplikaw dak li qed tgħallem.
13. Dawk li jgħallmu fil-kongregazzjoni, għala għandhom jitolbu parir mingħand kelliema tal-esperjenza? (Ara wkoll l-istampa.)
13 Itlob parir mingħand kelliemi tal-esperjenza. Kif tistaʼ tagħmel dan? Pereżempju, qabel tagħti t-taħdita, tistaʼ turih in-noti tiegħek u wara tipprova tuża s-suġġerimenti li jagħtik biex tagħmel it-taħdita aħjar. Barra minn hekk, għidlu biex jisimgħek tagħmel it-taħdita ħalli b’hekk ikun jistaʼ jgħidlek fejn tistaʼ tirranġa. (Prov. 1:5) Aħna mhux dejjem inkunu nafu fejn nistgħu nirranġaw. Għalhekk, il-ħu jistaʼ jgħidlek kif tagħmel it-taħdita iktar faċli biex tinftiehem u tgħin lis-semmiegħa. Aħna rridu nsiru kelliema u għalliema aħjar ħalli b’hekk inkunu nistgħu ngħinu lis-semmiegħa tagħna jibbenefikaw mill-veritajiet sbieħ li nsibu fil-Bibbja.a
Saqsi lil kelliemi tal-esperjenza biex jgħinek issir għalliem aħjar (Ara paragrafu 13)
KIF TISTAʼ TOQGĦOD IKTAR ATTENT FIL-LAQGĦAT
14. Għala għandu jkollna l-attitudni tal-kittieb taʼ Salm 119? (Salm 119:24, 111, 167)
14 Jekk niftakru li t-tfakkiriet taʼ Ġeħova huma importanti ħafna, se noqogħdu iktar attenti fil-laqgħat. Aħna għandna bżonn it-tfakkiriet mingħand Ġeħova biex inkampaw mal-isfidi li jkollna għax qed ngħixu fl-aħħar jiem fejn is-sitwazzjoni hi “diffiċli u perikoluża.” (2 Tim. 3:1) Mela anki jekk inkunu qed nitgħallmu xi ħaġa li nkunu smajnieha ħafna drabi, għandna nipprovaw ikollna l-istess attitudni dwar it-tfakkiriet taʼ Ġeħova bħalma kellu l-kittieb taʼ Salm 119.—Aqra Salm 119:24, 111, 167.
15. Kif nistgħu nibqgħu napprezzaw l-ikel spiritwali li nirċievu fil-laqgħat?
15 Bħalma l-Iżraelin messhom baqgħu japprezzaw il-manna li kien jagħtihom Ġeħova meta kienu fid-deżert, aħna rridu nibqgħu napprezzaw l-ikel spiritwali li qed nirċievu mingħandu. (Eżo. 16:15, 31) Bla dubju, għall-ewwel l-Iżraelin ħadu pjaċir bil-manna. Din kienet rigal mingħand Ġeħova, kienet tajba, u għenithom biex jibqgħu ħajjin. Imma maż-żmien, xi wħud ma baqgħux japprezzawha għax ma ridux li jieklu l-istess ikel kuljum. (Num. 21:5) X’inhi l-lezzjoni? Għalkemm nisimgħu dawn it-tfakkiriet ħafna drabi, dejjem għandna nqisu l-ikel spiritwali importanti. Minflok, irridu niftakru li dan ġej mingħand Ġeħova. Għandna nżommu f’moħħna wkoll li l-ilsir leali u għaqli joqgħod attent x’ikel spiritwali se jagħtina fil-laqgħat. Dak li nitgħallmu fihom jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u ngħixu għal dejjem.—Prov. 3:13, 16-18; Ġw. 17:3.
16. X’għen lil xi aħwa li ilhom jaqdu lil Ġeħova biex jibqgħu joqogħdu attenti waqt il-laqgħat? (Ara wkoll il-kaxxa “Suġġerimenti Biex Toqgħod Attent.”)
16 Nistgħu noqogħdu iktar attenti fil-laqgħat jekk napplikaw is-suġġerimenti li ġejjin. Ara x’għen lil xi wħud li ilhom jaqdu lil Ġeħova biex jibqgħu joqogħdu attenti matul il-laqgħat. Ashley, li ilha taqdi lil Ġeħova iktar minn 30 sena, tgħid: “Għalija hu importanti ħafna li nipprepara biex nibqaʼ attenta. Jekk ma nippreparax, insibha diffiċli biex inwieġeb u nibda naħseb fuq affarijiet oħra.” József li ilu jaqdi lil Ġeħova għal 52 sena jgħid: “Jien nieħu pjaċir nismaʼ dwar l-istess suġġetti fil-laqgħat, għax meta nismaʼ taħditiet differenti u kummenti oħrajn fuq dak is-suġġett, inħoss li nitgħallem affarijiet ġodda dwarhom.” Hu jkompli jgħid: “Jekk il-ħu ma jkunx kelliemi mill-aqwa, jien niffoka fuq il-messaġġ li jkun ġej mill-Bibbja u mhux fuq il-mod kif ikun qed jgħallem hu.”
17. X’jistaʼ jgħinek ukoll biex toqgħod attent fil-laqgħat? (Ara wkoll l-istampa.)
17 Dawn huma xi suġġerimenti li tistaʼ tapplika biex jgħinuk toqgħod attent fil-laqgħat. (1) Qabel il-laqgħa, tikolx ħafna ħalli ma jaqbdekx ngħas. (2) Mur ftit kmieni ħalli b’hekk issib post qabel tibda l-laqgħa. (3) Agħmel it-tablet u l-mowbajl silent u ara li ma jtellfukx matul il-laqgħa. (4) Aħseb dwar punti li l-kelliemi jaf jitkellem dwarhom. (5) Iffoka fuq il-kelliemi. (6) Ħu xi noti qosra jew pinġi xi ħaġa biex tiftakar il-punti importanti. (7) Oqgħod attent għall-versi tal-Bibbja u pprova aħseb kif għandhom x’jaqsmu mal-materjal. (8) Saqsi lilek innifsek, ‘Kif nistaʼ nuża dan biex ngħin lil xi ħadd fil-kongregazzjoni jew fit-territorju?’ (9) Qabel l-assembleat u l-konvenzjonijiet, ħu l-ħin biex tara l-programm u taqra t-tema taʼ kull ġurnata, it-titlu tat-taħditiet, u l-iskritturi prinċipali taʼ kull taħdita. (10) Poġġi u oqgħod ismaʼ l-mużika u ara l-vidjows ħalli meta jibda l-programm, int tkun lest biex tirċievi t-tagħlim mingħand Ġeħova.
Ibqaʼ ismaʼ t-tfakkiriet li jagħti Alla u tħallix il-mobile jew it-tablet itellfek (Ara paragrafu 17)
IBQAʼ ISMAʼ MINN ĠEĦOVA
18. Għala rridu nibqgħu noqogħdu attenti fil-laqgħat?
18 Aħna rridu nibqgħu noqogħdu attenti fil-laqgħat għax meta nagħmlu hekk, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jiggwidana “fit-triq it-tajba.” (Slm. 23:3; 31:3) Aħna għandna bżonn il-gwida taʼ Ġeħova biex b’hekk nibqgħu nagħmlu dak li hu tajjeb u ma nitbegħdux mill-verità bħal dgħajsa li tinġarr mal-kurrent. Għalhekk, ‘ismaʼ sew’ u applika l-gwida li tirċievi fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Luqa 8:18) Dawk li jisimgħu minn Ġeħova, se jkunu ferħanin issa u se jkollhom ħajja taʼ dejjem fil-futur.—Slm. 119:2, 14.
GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan
a Għal iktar suġġerimenti biex titjieb bħala kelliemi u għalliem, ara l-browxer Irsisti fil-qari u t-tagħlim u l-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.