LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Awwissu pp. 2-7
  • Afda lil Ġeħova u lil Ġesù u Temminx lil Satana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Afda lil Ġeħova u lil Ġesù u Temminx lil Satana
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SATANA GIDEB FUQ ĠEĦOVA U ĠESÙ
  • SATANA GĦADU JIGDEB FUQ ĠEĦOVA U ĠESÙ
  • KUN KONVINT LI ĠEĦOVA U ĠESÙ HUMA L-ĦBIEB TIEGĦEK
  • Int Tistaʼ Tirbaħ il-Ġlieda!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • L-Alla tal-Verità Dejjem Iżomm il-Wegħdi Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Afda f’Ġeħova l-Alla l-Iktar Għoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Awwissu pp. 2-7

5-11 T’OTTUBRU 2026

GĦANJA 55 Tibżgħux minnhom!

Afda lil Ġeħova u lil Ġesù u Temminx lil Satana

“Iqfulu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—ĠAK. 4:7.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw għala m’għandekx tħalli lil Satana jikkonvinċik li ma tistax tafda lil Ġeħova u lil Ġesù.

1. Satana liema tattika juża biex jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova?

MINN xħin niddeċiedu li naqdu lil Ġeħova, Satana u d-demonji tiegħu jsiru l-għedewwa tagħna u jipprovaw jagħmlu minn kollox biex iwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova. Imma Satana jaf li ma jistax jirbħilna jekk nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u jkollna l-għajnuna tiegħu. Allura, ix-Xitan jipprova jdgħajjef din l-għajnuna billi jkun iridna nagħtu daharna lil Ġeħova. Mod kif jagħmel dan hu billi jipprova jdaħħlilna dubju li Ġeħova u Ibnu mhumiex verament fuq in-naħa tagħna.—2 Kor. 11:14; Ġak. 1:6.

2. Għala hu importanti li nafdaw għalkollox lil Alla Ġeħova u lil Ġesù Kristu?

2 Meta jkunu f’battalja, is-suldati għandhom bżonn li jkollhom fiduċja fil-mexxejja tagħhom. Jekk jitilfu din il-fiduċja, huma jaf ma jibqgħux jobdu u dan jaf ikun perikoluż ħafna. Jistaʼ anki jiswielhom ħajjithom. B’mod simili, aħna qegħdin fi gwerra kontra Satana u “d-demonji.” (Efes. 6:12) Satana x-Xitan jaf li jekk aħna ma nibqgħux nafdaw f’Alla Ġeħova u f’Ġesù Kristu, x’aktarx li mhux se nibqgħu nobduhom. Allura hu jagħmel kulma jistaʼ biex idgħajjef din il-fiduċja. F’dan l-artiklu, se naraw kif hu uża din it-tattika fil-passat u kif għadu jużaha llum. Imbagħad se naraw kif nistgħu nevitaw li naqgħu fin-nassa tiegħu. Fl-artiklu li jmiss, se naraw żewġ tattiki oħra li Satana juża kontrina biex jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova.a

SATANA GIDEB FUQ ĠEĦOVA U ĠESÙ

3. Satana x’qalilha lil Eva biex idgħajjef il-fiduċja tagħha f’Ġeħova?

3 Ftit wara li Ġeħova ħalaq lil Adam u Eva, Satana prova jbegħedhom minn Ġeħova. Satana qarraq b’Eva billi ġegħelha temmen li l-Ħallieq tagħha mhux vera kien jimpurtah minnha. Satana staqsieha: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” (Ġen. 3:​1-5) Satana kkonvinċa lil Eva li Ġeħova kien qed jitlob minnha u mir-raġel tagħha affarijiet mhux raġonevoli. B’dispjaċir, Eva u iktar tard Adam għamlu dak li ried Satana, l-għadu taʼ Ġeħova. Huma taw daharhom lil Ġeħova, il-Wieħed li kien tahom kollox.—Ġen. 3:6.

4. Satana liema gideb ried li Ġob jemmen dwar Ġeħova?

4 Minn żmien Adam u Eva, Satana baqaʼ jigdeb fuq Ġeħova. Pereżempju, Satana uża tlett irġiel biex jipprova jġiegħel lil Ġob jaħseb li Ġeħova ma jħobbux u li ma tagħmillux differenza jibqax leali jew le. (Ġob 22:​1-3) Ix-Xitan assuma li Ġob kien se jwaħħal f’Ġeħova għat-tbatija li kien qed ibati u li ma kienx se jibqaʼ jaqdih. Imma għalkemm Ġob kellu pressjoni kbira minħabba l-attakki taʼ Satana, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova u baqaʼ japprezza l-ħbiberija li kellu miegħu.—Ġob 27:​1, 5.

5. Satana kif prova jżomm lin-nies milli jsiru dixxipli taʼ Ġesù? (Mattew 11:19)

5 Mijiet taʼ snin wara, meta Ġesù ġie fuq l-art, Satana prova jżomm lin-nies milli jsiru dixxipli taʼ Ġesù. Mod wieħed kif għamel dan hu billi uża l-mexxejja reliġjużi u oħrajn biex jigdbu dwar Ġesù għax kienu jobogħduh. U ħafna nies emmnu dawn il-gideb u spiċċaw qatluh bħala kriminal.—Aqra Mattew 11:19; 27:​27-31; Mrk. 14:​55, 56; Ġw. 8:​41-45.

6-7. Satana b’liema mod attakka lid-dixxipli taʼ Ġesù?

6 Wara li miet Ġesù, Satana tefaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq ix-xogħol li kienu qed jagħmlu d-dixxipli taʼ Ġesù. Għall-ewwel, hu prova jdaħħal id-dubji dwar jekk Ġesù ġiex irxoxtat. Satana uża xi nies biex ixerred storja li d-dixxipli taʼ Ġesù kienu serqu l-ġisem tiegħu. (Mat. 28:​11-15) Imbagħad fil-ġranet taʼ wara, Satana prova jbeżżaʼ lill-kongregazzjoni permezz tal-persekuzzjoni. Satana ried ibeżżagħhom u jġegħelhom jaħsbu li x-xogħol li kien tahom Ġesù kien diffiċli wisq biex jagħmluh.—Atti 7:57–8:1; 12:​1-3; 28:22.

7 Għalkemm kien hemm xi wħud li beżgħu u ma baqgħux jippritkaw, il-biċċa l-kbira tad-dixxipli taʼ Ġesù baqgħu leali u baqgħu jgħidu lil oħrajn dwar Ġesù. Huma ndunaw li Satana u d-demonji kienu dawk li qed jipprovaw iwaqqfuhom. (Atti 4:​18-20; 1 Pt. 5:8) Xi ngħidu għal-lum? Satana liema tattiki qed juża biex jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova?

SATANA GĦADU JIGDEB FUQ ĠEĦOVA U ĠESÙ

8. Satana kif juża r-reliġjon falza biex ixerred il-gideb fuq Ġeħova u Ġesù?

8 Illum, waħda mill-iktar tattiki li Satana juża hi li jaħbi l-verità dwar Ġeħova u Ġesù. Bħala “missier il-gidba,” ix-Xitan ixerred il-gideb dwarhom permezz tar-reliġjon falza. (Ġw. 8:44) Pereżempju, hu ma jħallix lin-nies jaraw min huma verament Ġeħova u Ibnu. (2 Kor. 4:​3, 4) Xi mexxejja reliġjużi jgħallmu li Ġesù u Missieru huma persuna waħda. Minħabba f’hekk, ħafna nies iqimu lill-Iben u jinjoraw lill-Missier, li lanqas biss jafu x’jismu. La Ġeħova u lanqas Ġesù ma jaċċettaw din il-qima. (Mat. 4:10; Ġw. 4:23) Meta n-nies jemmnu dawn l-affarijiet, jaf ikun diffiċli biex tirraġuna magħhom u anki jopponu l-ministeru tagħna.

9. Satana kif uża r-reliġjonijiet foloz biex iwaqqaf lin-nies milli jsiru jafu lil Ġeħova? (Ġeremija 23:​26, 27)

9 Waħda mill-ewwel affarijiet li nitgħallmu dwar xi ħadd li rridu nsiru ħbieb tiegħu hu ismu. Satana jipprova jżomm lin-nies milli jkollhom ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova billi ma jħallihomx ikunu jafu ismu. Satana ilu juża r-reliġjon falza biex iġiegħel lin-nies jinsew l-isem t’Alla. (Aqra Ġeremija 23:​26, 27.) Dan l-għadu saħansitra għamel ċert li jneħħi l-isem t’Alla minn ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja, minkejja li l-Bibbja tqabbel dan l-isem maʼ torri b’saħħtu u taʼ protezzjoni. (Prov. 18:10) Ix-Xitan ukoll hu l-wieħed li jġiegħel li n-nies jaħsbu li Ġeħova qed iġib it-tbatija. Minħabba f’hekk, nies sinċieri jsibuha diffiċli biex jaraw lil Ġeħova bħala ħabib li jistgħu jersqu qrib tiegħu. (Ġak. 4:8) Satana jipprova wkoll iwaqqaf lin-nies taʼ Ġeħova biex ma jkomplux jaqduh.

10. Kristjan għala għandu mnejn ikun irrabjat għal Ġeħova?

10 Meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli, Satana jixtieq li aħna nemmnu li Ġeħova ma jimpurtahx minna. Satana jittama li aħna nirrabjaw għal Ġeħova għax iħallina nbatu. (Prov. 19:3) Dawk li jibdew iħossuhom hekk jaf jibdew jaħsbu: ‘La Ġeħova mhux jgħinni, għala għandi nibqaʼ nobdi l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu?’ Dan it-tip taʼ raġunar jistaʼ jwassalna biex nagħmlu dak li jogħġob lil Satana u mhux lil Ġeħova.

11. Satana kif qed idaħħal id-dubji dwar il-livelli taʼ Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)

11 Satana juża affarijiet bħas-social media biex idaħħal id-dubji dwar il-livelli taʼ Ġeħova. Pereżempju, fuq l-internet, spiss ħafna nies iwaqqgħu għaċ-ċajt dak li tgħid il-Bibbja u jgħidu li n-nies m’għandhomx bżonn lil Alla biex jgħidilhom x’inhu tajjeb jew ħażin. Li nafu żgur hu, li “l-mexxej taʼ din id-dinja” jinqalaʼ ħafna biex jikkonvinċi lin-nies li dak li hu ħażin hu tajjeb.—Ġw. 14:30; Isa. 5:20; 1 Tim. 4:​1, 2.

Oħt żagħżugħa fil-kamra tas-sodda qed tqalleb fis-social media. Qed tara żewġt irġiel jiżżewġu lil xulxin, nies qed jiżfnu f’’nightclub, influencer qed tirċievi ħafna “likes” għar-ritratt tagħha li tefgħet, żewġt irġiel qed jiġġieldu f’kompetizzjoni, u mara fil-politika qed ixxejjer lil folla.

Id-dinja taʼ Satana tipprova ħafna biex iġġegħelna ma nafdawx lil Ġeħova meta jgħidilna x’inhu tajjeb u ħażin (Ara paragrafu 11)


12. Għala m’għandniex nagħtu kas x’jgħidu n-nies fid-dinja taʼ Satana dwar x’inhu tajjeb u ħażin?

12 Jekk nagħtu kas x’jgħidu n-nies fid-dinja taʼ Satana dwar x’inhu tajjeb u ħażin, nistgħu nibdew naħsbu li dak li jgħidilna Ġeħova mhux sew. Żagħżugħa li se nsemmuha Shannon tgħid: “Domt naqra biex nirrealizza li l-livelli morali li kienu qed jgħallmuni l-iskola u n-nies li kont inkun magħhom kienu qed ibiddlu xi nqis tajjeb u ħażin. Iktar ma qattajt ħin naqra x’jgħidu n-nies fuq l-internet, iktar ridt inkun bħal dawn in-nies. Bil-mod il-mod bdejt nitbiegħed minn Ġeħova, mill-familja tiegħi u mill-aħwa.” Imma maż-żmien, Shannon għamlet il-bidliet li kien hemm bżonn u reġgħet saħħet il-ħbiberija li kellha maʼ Missierha Ġeħova. B’hekk, hi ma baqgħetx tħalli lil Satana jikkontrolla kif tirraġuna. X’għenha?

13. X’tgħallimt minn dak li għaddiet minnu Shannon?

13 Shannon irrealizzat li kellha bżonn tagħmel bidliet kbar biex tibqaʼ ħbieb maʼ Ġeħova u Ġesù. Hi tgħid: “Jien tlabtu jgħinni nsib ħbieb tajbin u anki għamilt riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Il-vidjow Young People Ask—How Can I Make Real Friends? għenni ħafna.b L-oħt fil-vidjow kellha problema simili għal tiegħi. Hi kienet umli u talbet għall-għajnuna tal-ġenituri tagħha. Jien iddeċidejt li nagħmel bħalha. Il-ġenituri tiegħi, l-anzjani, u xi aħwa nisa maturi fil-kongregazzjoni għenuni nobgħod l-affarijiet li jobgħod Ġeħova u nagħżel ħbieb li jħobbuh. Tgħallimt li biex vera naqdi lil Ġeħova, kelli bżonn nagħmel iktar milli sempliċement immur il-laqgħat u nobdi l-ġenituri tiegħi. Kelli bżonn ukoll inżomm ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova u nifhem għala nemmen dak li jgħidli permezz tal-Bibbja.”

KUN KONVINT LI ĠEĦOVA U ĠESÙ HUMA L-ĦBIEB TIEGĦEK

14. Kif nistgħu ma nħallux lil Satana jdgħajjef il-fidi tagħna? (Ara wkoll l-istampa.)

14 Biex nibqgħu ħbieb maʼ Ġeħova, hemm bżonn li noqogħdu attenti maʼ min nagħmluha. (Ġak. 4:4) Irridu noqogħdu attenti wkoll li ma nemmnux kulma naqraw jew nisimgħu mingħand in-nies tad-dinja. Pereżempju, jaf naqraw jew nisimgħu xi ħaġa li jew tkun kompletament gidba jew nofs verità. Jekk inkomplu nagħtu kas din it-tip taʼ informazzjoni, jaf nibdew nemmnu dak li ma ġarax. Imma jekk nistudjaw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna u b’mod regulari nagħmluha m’aħwa maturi, mhux se nitfixklu malajr. Iktar ma nkunu nafu l-verità b’mod tajjeb, iktar hemm ċans li ma nħallux lil Satana jdgħajfilna l-fidi tagħna f’Ġeħova.—Prov. 13:20; Atti 17:11.

Grupp taʼ stampi: L-oħt mill-istampa taʼ qabel qed tagħmel studju persunali u qed timmedita dwar kif tistaʼ tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova. 1. Qed timxi bil-kelb ħdejn il-baħar. 2. Qed tieħu pjaċir f’gathering barra mal-ħbieb. 3. Qed tagħti xhieda waqt li qiegħda bit-trolley. 4. Żewġ anzjani jżuruha l-isptar u qed jinkuraġġuha.

Aħna nistgħu nibqgħu nafdaw lil Ġeħova jekk inżommu l-ħbiberija tagħna miegħu b’saħħitha billi naħsbu sew dwar dak li jgħidilna fil-Bibbja (Ara paragrafu 14)


15. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù qegħdin fuq in-naħa tagħna?

15 Meta nistudjaw il-Bibbja sew, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù qegħdin fuq in-naħa tagħna. (Prov. 22:19) Meta naħsbu fil-fond fuq rakkonti dwar kemm Ġeħova u Ġesù jimpurtahom min-nies, il-fiduċja tagħna fihom se tikber. Fil-Bibbja hemm ħafna versi li jaċċertawna li Ġeħova u Ġesù jħobbuna. Pereżempju, Ġeħova jiddeskrivi l-emozzjonijiet għan-nies tiegħu bħala li huma iktar b’saħħithom minn dawk taʼ omm li jkollha għat-tarbija tagħha. (Isa. 49:15) Hu qal ukoll li n-nies li jħobbu lil ismu tant huma speċjali għalih li huma bħal teżor. (Mal. 3:​16, 17) Fil-Bibbja nistgħu naraw kemm iħobbna Ġesù. Fil-fatt, hu kien lest li jmut għalina.—Ġw. 15:​12, 13.

16. Għala jkun tajjeb li naħsbu fuq dak li għaddejna minnu aħna u ħaddieħor? (Salm 118:​5, 6)

16 Meta naħsbu dwar l-għajnuna li Ġeħova u Ġesù jagħtuna llum, jistaʼ jgħinna wkoll inkunu ċerti minn kemm iħobbuna. Nistgħu nfakkru lilna nfusna fiż-żminijiet meta ħassejna li Ġeħova kien viċin tagħna, u b’hekk nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jibqaʼ jieħu ħsiebna. Nistgħu anki nsaqsu lil ħutna kif għenhom Ġeħova. (Prov. 22:17) Meta nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li tkun xi tkun l-isfida tagħna, Ġeħova u Ġesù se jkunu fuq in-naħa tagħna.—Aqra Salm 118:​5, 6.

17. Skont Ġwanni 10:​29, Ġesù kif jaċċerta lil dawk kollha li jibqgħu qrib tiegħu u taʼ Missieru?

17 Aħna rridu nibqgħu ħbieb mill-qrib m’Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Imma sakemm Satana u d-demonji tiegħu jiġu meqrudin għal dejjem, aħna se jkollna nibqgħu niġġildulhom u ma nħalluhomx idgħajfulna l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u Ġesù. (Riv. 20:​1-3, 10) Biex niġġieldu t-tattiki tal-għedewwa tagħna, hemm bżonn li nżommu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova u nibqgħu konvinti li hu u Ibnu l-għażiż iħobbuna u japprezzawna. Imbagħad, bħalma qal Ġesù, ħadd ma jkun jistaʼ ‘jaħtfek minn id Missieru.’—Aqra Ġwanni 10:29; Ġak. 4:7.

18. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

18 Satana juża żewġ modi oħra biex jipprova jeqred il-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Dan jagħmlu billi jipprova jkisser il-ħbiberija tajba li għandna maʼ ħutna u jinfluwenza lin-nies biex jippersegwitawna. Kif nistgħu niġġieldu kontra dawn iż-żewġ tattiki? Dan se narawh fl-artiklu li jmiss.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’inhuma xi gideb li Satana qal dwar Ġeħova u Ġesù fil-passat?

  • Illum Satana kif qed jigdeb fuq Ġeħova u Ġesù?

  • Għala int ċert li Ġeħova u Ġesù huma fuq in-naħa tiegħek?

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

a Satana ma jikkaġunax b’mod dirett kull prova li jkollna. Imma hu responsabbli għall-“ispirtu tad-dinja,” li jinfluwenza l-għedewwa ħalli jittrattaw ħażin lin-nies t’Alla. Allura, meta jkollna xi problema jew qed niġu ppersegwitati minħabba li qed naqdu lil Ġeħova, fir-realtà nkunu qed niġġieldu kontra Satana.—1 Kor. 2:12; 1 Ġw. 5:19.

b Biex issib għodod oħra li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ ikollhom ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova, idħol fil-paġna Ħbiberija m’Alla fis-sezzjoni Teenagers u Żgħażagħ fil-jw.org. Fil-JW Library®, fittex is-suġġett Ħbiberija m’Alla fis-serje t’artikli “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja