19-25 T’OTTUBRU 2026
GĦANJA 106 Nikkultivaw il-kwalità tal-imħabba
Ittra li Tinkuraġġina Nuru l-Imħabba
“Nippreferi li ninkuraġġik tagħmel dan minħabba l-imħabba li għandek.”—FLM. 9.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Pawlu, Filemon, u Oneżimu dwar kif inżommu l-paċi maʼ ħutna fil-kongregazzjoni.
1. Kull wieħed minna x’responsabbiltà għandu?
AĦNA napprezzaw ħafna l-paċi li ngawdu fost il-poplu taʼ Ġeħova. Din il-paċi tgħinna nimmaġinaw kemm se tkun sabiħa l-ħajja fis-sistema l-ġdida. (Isa. 32:17, 18) Għalkemm Ġeħova jagħtina din il-paċi, hija r-responsabbiltà tagħna li nżommu l-paċi u nipproteġuha. (Rum. 12:18) Kif nistgħu nittrattaw lil ħaddieħor b’mod li jgħinna nżommu l-paċi fil-kongregazzjoni? Kif nistgħu nżommu l-paċi meta aħna nweġġgħu lil xi ħadd jew meta xi ħadd iweġġaʼ lilna? It-tweġibiet insibuhom f’ittra li tinkuraġġina nuru l-imħabba. F’dan ir-rakkont se nitgħallmu dwar tliet karattri mill-Bibbja: l-appostlu Pawlu, Filemon, u Oneżimu.
“NIPPREFERI LI NINKURAĠĠIK TAGĦMEL DAN”
2. X’ġara bejn Filemon u Oneżimu? (Filemon 8, 9, 17)
2 Aqra Filemon 8, 9, 17. Fl-ittra li Pawlu kiteb lil Filemon, inkuraġġieh biex juri qalb tajba mal-ilsir tiegħu Oneżimu meta jmur lura għandu. Pawlu qal lil Filemon biex jagħmel dan minħabba l-imħabba li Filemon kellu għal Kristu u għall-aħwa fil-kongregazzjoni. Inti familjari ma’ dan ir-rakkont? Filemon kien ħu fil-kongregazzjoni taʼ Kolossi li kien magħruf għall-imħabba kbira u l-fidi soda tiegħu. Hu kellu lsir jismu Oneżimu, li ma kienx Kristjan. Dan abbandunah u ħarab lejn Ruma. X’aktarx serqu qabel għamel dan. (Flm. 18; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż.) Waqt li kien Ruma, Oneżimu sar Kristjan u sar ħabib tal-qalb taʼ Pawlu. (Kol. 4:9) Però, il-Liġi Rumana kienet tgħid li l-ilsira li jaħarbu kellhom jerġgħu jmorru lura għand sidhom. Għalhekk, Pawlu obda l-Liġi u bagħat lil Oneżimu lura għand Filemon.—Flm. 12, 13; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “I am sending him back to you.”
3. Peress li Pawlu kien se jibgħat lil Oneżimu lura, dwar xiex setaʼ inkwieta? (Ara wkoll l-istampa .)
3 Pawlu setaʼ inkwieta dwar dak li kien se jagħmel Filemon meta Oneżimu jmur lura. Bil-liġi, Filemon kellu d-dritt li jikkastiga lil Oneżimu bl-aħrax. Imma kien se juża dan id-dritt? Il-kongregazzjoni kif kienet se tirreaġixxi? U xi ngħidu jekk is-sidien u l-ilsira l-oħra kienu se jżommu ma’ naħa jew oħra? Pawlu kien jaf li din is-sitwazzjoni setgħet tneħħi l-paċi u ġġib il-firda fil-kongregazzjoni. Allura kiteb ittra lil Filemon u bagħatha ma’ Tikiku. (Efes. 6:21, 22; Kol. 4:7-9; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż ma’ Kolossin 4:7.) Fl-istess ħin, Pawlu bagħat ittra wkoll lill-kongregazzjoni f’Kolossi. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu, Oneżimu, u Filemon minn dawn iż-żewġ ittri.
Filemon jaqra b’leħen għoli l-ittra taʼ Pawlu quddiem Oneżimu, Tikiku, u oħrajn (Ara paragrafu 3)
DAK LI NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJU TAʼ PAWLU
4-5. L-anzjani kif jistgħu jgħinu biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni?
4 X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu? Pawlu ttratta lill-aħwa b’mod li jkun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni. Mill-eżempju tiegħu nistgħu nitgħallmu kif aħna nistgħu nagħmlu bħalu.
5 Pawlu ttratta lil Filemon bħala ħabib. (Flm. 17) Pawlu ma ħasibx li jistaʼ jgħid lil Filemon x’għandu jagħmel bħallikieku kien is-sid tiegħu. (2 Kor. 1:24) Pawlu qies lil Filemon bħala sieħbu fix-xogħol u fakkru fil-ħbiberija tagħhom. B’dan il-mod, Pawlu ħalla eżempju tajjeb għal Filemon dwar kif għandu jittratta lil Oneżimu, li issa sar ħuh! Dan hu eżempju tajjeb għalina kollha, speċjalment għal min jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. L-anzjani li jittrattaw lill-aħwa bħala ħbieb jgħinu biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni. Minħabba li huma ragħajja li juru mħabba, huma ma ‘jiddominawx fuq il-merħla.’ (1 Pt. 5:1-3) Minflok, huma jqattgħu l-ħin man-nagħaġ t’Alla, jisimgħuhom, japprezzawhom, u jgħinuhom meta jkollhom bżonn. Bħal Pawlu, l-anzjani li jittrattaw lill-aħwa bħala l-ħbieb tagħhom, iħallu eżempju tajjeb għall-merħla u jgħinu biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni.
6. Għala hu importanti li tfaħħar lil oħrajn?
6 Pawlu faħħar lil Filemon. (Flm. 4, 5, 7) Aħna għandna bżonn li oħrajn ifaħħruna. Għala? Raġuni waħda hi għax kultant ħafna minna naħsbu li ma niswew għal xejn. Forsi ninkwetaw għall-mod kif nidhru, jekk ħaddieħor għandux grazzja magħna, jew jekk hux se nitilfu xi privileġġ li nħobbu. Hu normali li nħossuna hekk. Minħabba f’hekk, nistgħu nibdew inħossuna ansjużi, nieħdu għalina malajr, niġġustifikaw ruħna, jew saħansitra nipprovaw nuru li aħna aħjar minn ħaddieħor. Dawn l-affarijiet iżommuna lura milli jkollna l-paċi. Imma meta nfaħħru lil xi ħadd, tkun iktar faċli għalih biex iħossu apprezzat. (Prov. 12:25) B’dan naċċertawh li hemm min iħobbu u japprezzah. Tixtieq tgħin lil ħaddieħor iħossu b’dan il-mod? Jekk iva, sib opportunitajiet biex tfaħħar lil ħaddieħor b’mod sinċier. Faħħar lil oħrajn mhux meta jagħmlu xi ħaġa tajba biss, imma anki jekk tinduna li jkunu għamlu sforz. Il-punt hu li meta tinnota xi ħaġa tajba f’persuna, għidilha.
7. Għala rridu noqogħdu attenti x’ngħidu fuq oħrajn? (Filemon 10-12)
7 Pawlu qal affarijiet sbieħ fuq Oneżimu. (Aqra Filemon 10-12.) Il-fatt li Pawlu qal affarijiet sbieħ dwar Oneżimu żgur li affettwa l-mod kif Filemon ħassu dwar Oneżimu, kellmu, u ttrattah. B’mod simili, il-mod kif nitkellmu dwar ħutna se jeffettwa kif oħrajn iħossuhom dwarhom u jittrattawhom. Meta nitkellmu tajjeb dwar l-aħwa, se jgħin lil oħrajn jittrattawhom b’qalb tajba. Sfortunatament din taħdem ukoll bil-kontra. Meta nitkellmu negattiv dwar l-aħwa, oħrajn jistgħu jiġu influwenzati u jittrattawhom b’mod ħażin. Imma biex nitkellmu tajjeb fuq oħrajn, l-ewwel irridu niffokaw fuq il-kwalitajiet sbieħ li għandhom. X’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan? Nistgħu nitgħallmu minn xi ħaġa li Pawlu kien jagħmel taʼ spiss.
8. X’jistaʼ jgħinna biex naħsbu u nitkellmu tajjeb dwar ħutna? (Ara wkoll l-istampi.)
8 Pawlu spiss irringrazzja lil Ġeħova għall-kwalitajiet sbieħ taʼ Filemon. (Flm. 4, 5) Hu wkoll irringrazzja lil Ġeħova għall-kwalitajiet sbieħ taʼ ħafna oħrajn. (1 Kor. 1:4-7; Flp. 1:3-5; Kol. 1:3, 4; 1 Tes. 1:2, 3) Pawlu kien jaf bil-kwalitajiet negattivi taʼ ħutu, imma kien jagħmel sforz biex jara l-kwalitajiet sbieħ tagħhom. Kien normali għalih li jirringrazzja lil Ġeħova għall-ħbieb tiegħu. Jekk issibha diffiċli biex titkellem pożittiv dwar oħrajn ftakar dan: Jekk tipprova dejjem taħseb fuq il-kwalitajiet sbieħ taʼ ħutek u b’mod regulari titlob lil Ġeħova biex iberikhom, se jkun iktar faċli għalik biex tgħid affarijiet tajbin dwarhom.
Bħal Pawlu, ipprova aħseb u għid affarijiet tajbin dwar ħutek (Ara paragrafu 8)
9. Għala hu taʼ min jinnotah il-mod kif Pawlu kiteb b’qalb tajba lil Filemon?
9 Għalkemm Pawlu kien għaddej minn sitwazzjonijiet diffiċli, xorta ttratta lil Filemon b’qalb tajba. Ġieli tlift il-paċenzja ma’ xi ħadd meta kont għajjien jew kont stressat? Meta nkunu għaddejjin minn ċirkustanzi diffiċli, faċli nirritaw ruħna u ma nurux qalb tajba m’oħrajn. B’dan f’moħħna, ejja naraw minn xiex kien għaddej Pawlu dik il-ħabta li kiteb l-ittra lil Filemon. Ftit snin qabel, Pawlu kien ġie attakkat b’mod vjolenti u mbagħad arrestat b’mod inġust. Hu kien il-ħabs f’Ġerusalemm u f’Ċesarija. Imbagħad waqt li kien qed jittieħed Ruma, għereq il-vapur li kien fuqu. U issa waqt li kien qed jikteb lil Filemon, Pawlu kien għadu arrestat fid-dar tiegħu f’Ruma. (Flm. 1) Imma l-esperjenzi stressanti li għadda minnhom Pawlu, effettwaw il-mod kif kiteb lil Filemon? Le. Pawlu kiteb lil Filemon b’qalb tajba u bit-tattika. X’nistgħu nitgħallmu? Aħna nistgħu nżommu l-paċi billi nagħmlu l-aħjar tagħna biex nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba anki meta nkunu għajjenin, stressati, jew għaddejjin minn żmien diffiċli. Jekk ikollna l-paċi fil-kongregazzjoni, se jkun iktar faċli għalina biex inkampaw mal-problemi tagħna.
DAK LI NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJU T’ONEŻIMU
10. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’Oneżimu?
10 Kollha kemm aħna nagħmlu jew ngħidu affarijiet li jweġġgħu lil ħaddieħor. L-eżempju t’Oneżimu jgħallimna kif nistgħu nerġgħu nagħmlu paċi meta jiġri hekk. Hu għamel xi ħaġa li tidher sempliċi imma spiss hi diffiċli biex tagħmilha. Hu ammetta l-iżball tiegħu u għamel dak li setaʼ biex jerġaʼ jkollu l-paċi ma’ Filemon. Oneżimu żgur li kien jaf li skont il-liġi Rumana ried jerġaʼ jmur għand sidu. Allura, għamel dan il-vjaġġ diffiċli u li jiswa l-flus taʼ iktar minn 1,400 kilometru biex imur lura għand Filemon, distanza li kienet tieħu madwar 50 ġurnata. Hu kellu jkun lest li jerġaʼ jsir ilsir u jiġi kastigat għal dak li għamel. Din ma kinitx deċiżjoni faċli għalih. U xi ngħidu jekk Oneżimu ħaseb li kellu għal xiex jaħrab minn Filemon? Anki jekk Oneżimu ħaseb hekk, hu xorta reġaʼ mar għand is-sid tiegħu u għamel kulma setaʼ biex jerġaʼ jagħmel paċi ma’ Filemon li issa kien ħuh spiritwali.
11. X’nistgħu nagħmlu biex nerġgħu nagħmlu paċi meta nkunu weġġajna lil xi ħadd? (Ara wkoll l-istampi.)
11 Jekk weġġajt lil xi ħadd, ħu l-inizjattiva biex terġaʼ tagħmel paċi. (Mat. 5:23-25) Veru, mhux faċli tagħmel dan, imma worth it li tagħmel l-isforz. Ibda billi b’mod sinċier titlob skuża. Kun lest li tismaʼ l-persuna l-oħra u ipprova ifhem x’qed tħoss. Ammetti l-iżball tiegħek. Toqgħodx iġġib skużi jew twaħħal f’ħaddieħor għal dak li għamilt. Jekk tagħmel hekk, tkun qed titlob skuża għalxejn, tibqaʼ bin-nuqqas taʼ qbil, u s-sitwazzjoni saħansitra tistaʼ tiġi agħar. Trid tkun umli biex titlob skuża, imma normalment hu l-iktar mod malajr kif tagħmel paċi.—Rum. 14:19.
Bħal Oneżimu, kun umli u agħmel dak kollu li tistaʼ biex iżżomm il-paċi mal-aħwa (Ara paragrafu 11)
DAK LI NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJU TAʼ FILEMON
12. Pawlu għala kien ċert li Filemon kien se jaħfer lil Oneżimu?
12 Mill-eżempju taʼ Filemon nitgħallmu kif nistgħu nżommu l-paċi meta xi ħadd iweġġagħna. Ir-rakkont ma jgħidx jekk Filemon ħafirx lil Oneżimu u jekk aċċettahx lura b’qalb tajba. Imma Pawlu kien ċert li Filemon kien se jagħmel hekk. (Flm. 17, 21) Pawlu kien jaf li Filemon kellu kwalitajiet li jagħmluhielu faċli biex jaħfer. Liema kwalitajiet kienu?
13. Għala l-imħabba hi importanti biex inżommu l-paċi? (Kolossin 3:14)
13 Filemon kien iħobb lil ħutu. (Flm. 5) Isem Filemon ifisser “Wieħed li Jħobb,” u dan żgur li kien jixraqlu. Hu kien magħruf li kien iħobb ħafna, u kellu bżonn l-imħabba biex jaħfer lil Oneżimu. Fil-fatt, fl-ittra li Pawlu bagħat f’Kolossi, fil-kongregazzjoni taʼ Filemon, hu qal “l-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien.” (Aqra Kolossin 3:14.) Dan jurina li l-iktar kwalità importanti li jrid ikollna biex inżommu l-paċi u l-għaqda hi l-imħabba. Iktar kemm inħobbu lil oħrajn, iktar se jkun faċli għalina biex naħfrulhom u nuru qalb tajba magħhom. (1 Kor. 13:4-7) Ejja nitgħallmu kif l-imħabba għenet lil Filemon biex jaħfer.
14. Kif nafu li Filemon kien ospitabbli?
14 Filemon kien ospitabbli, u dan għamilha iktar faċli biex iħobb lil oħrajn. Hu kien jagħmel il-laqgħat tal-kongregazzjoni fid-dar tiegħu. (Flm. 2) Ukoll, Pawlu talab lil Filemon post fejn joqgħod. (Flm. 22) Dan jurina li Pawlu ra lil Filemon bħala persuna ospitabbli. Bla dubju, oħrajn ħassewhom inkuraġġiti u milqugħin bl-ospitalità taʼ Filemon.—Flm. 7.
15. Li nuru ospitalità kif jagħmilhielna iktar faċli biex inħobbu lil oħrajn? (Ara wkoll l-istampi.)
15 Jekk nimitaw l-ospitalità taʼ Filemon, kif se jagħmilhielna iktar faċli biex inħobbu lil oħrajn? Se nsiru nafu iktar lil ħutna meta nuru ospitalità. Meta nqattgħu ħin ma’ wħud li s-soltu ma nkunux daqshekk magħhom, anki ma’ dawk li naħsbu li ma tantx naqblu magħhom, se nifhmu iktar li kull persuna li taqdi lil Ġeħova għandha karattru differenti. U dan hu dak li jagħmel lin-nies taʼ Ġeħova iktar speċjali. Meta nsiru nafu l-backgrounds tal-aħwa, kif sabu l-verità, jew kif iffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, se nsiru nħobbuhom u nirrispettawhom iktar. Dan jgħinna nifhmu għala Ġeħova għażilhom biex ikunu parti mill-familja tiegħu. (Ġw. 6:44) Mela meta aħna nkunu ospitabbli, se nsiru nħobbu iktar lil ħutna, ma naħsbux ħażin fihom, u naħfrulhom meta jiżbaljaw.
Bħal Filemon, għin biex ikun hemm l-għaqda fil-kongregazzjoni billi tkun ospitabbli (Ara paragrafu 15)
16. Filemon kif setaʼ applika l-parir taʼ Pawlu li nsibu f’Kolossin 3:13?
16 Bħalissa qed issibha diffiċli biex taħfer lil xi ħadd? Anki jekk inħobbu lil ħutna, kultant jistaʼ jkun diffiċli li naħfrulhom. X’jistaʼ jgħinna? Aħseb dwar il-kliem li kiteb Pawlu lill-kongregazzjoni f’Kolossi, li Filemon kien fiha. Dan il-kliem insibuh f’Kolossin 3:13. (Aqra.) Kif taħseb li ħassu Filemon meta semaʼ l-ittra tinqara lill-kongregazzjoni fid-dar tiegħu stess? Dwar min setaʼ kien qed jaħseb? Forsi kien għadu rrabjat għal Oneżimu u ġieh hu f’moħħu. Jekk dan kien il-każ, issa kien jaf x’kellu jagħmel. Hu kellu jkompli jissaporti lil Oneżimu u jaħfirlu mill-qalb. Il-parir taʼ Pawlu kif jistaʼ jgħinna naħfru anki meta jkun diffiċli?
17. Kif nistgħu nibqgħu ‘nissaportu lil xulxin’?
17 Pawlu x’ried ifisser meta qal “komplu ssaportu lil xulxin”? Hu kien qed jinkuraġġina biex inkunu paċenzjużi u qalbna tajba ma’ ħutna, anki meta jdejquna jew jagħmlu xi ħaġa li jweġġgħuna biha. Fl-istess vers, Pawlu enfasizza l-eżempju taʼ Ġeħova dwar l-imħabba u l-maħfra. Ġeħova hu raġunevoli u ma jistenniex li l-qaddejja tiegħu jkunu perfetti. Hu jaf bil-limitazzjonijiet tagħna imma jiffoka fuq il-kwalitajiet sbieħ li għandna. (Slm. 103:13, 14; 130:3) Minħabba f’hekk, Ġeħova jkompli juri magħna qalb tajba u ħniena. (Lam. 3:22, 23) Jekk nagħmlu l-aħjar tagħna biex lil ħutna narawhom bħalma jarahom Ġeħova, se jkun iktar faċli għalina biex inkunu paċenzjużi magħhom meta jiżbaljaw. U se napprezzaw meta niżbaljaw u huma jkunu paċenzjużi magħna. Aħseb f’dan l-eżempju: Meta niftakru kemm tkun sabiħa pjanta meta jkollha l-fjuri, se nkunu motivati nieħdu ħsiebha anki meta tkun bla fjuri. B’mod simili, meta aħna niftakru l-kwalitajiet tajbin li għandhom l-aħwa, se nkunu motivati biex naħfrulhom u nittrattawhom b’qalb tajba anki meta jiddiżappuntawna.
18. X’int determinat li tagħmel?
18 Ġeħova japprezza dak kollu li tagħmel biex iżżomm il-paċi fil-kongregazzjoni. Fittex opportunitajiet kuljum biex tagħmel dan. Dejjem tkellem b’qalb tajba m’oħrajn u anki dwarhom. Itlob skuża. Meta tweġġaʼ lil xi ħadd, agħmel dak kollu li tistaʼ biex tirranġa l-ħbiberija tiegħek miegħu. Kabbar l-imħabba tiegħek għall-aħwa għax din se tgħinek biex taħfrilhom iktar malajr. Jekk tagħmel dawn l-affarijiet, tkun qed tgħin ħafna biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni. U int se tkun fost dawk umli li “se jirtu l-art” u li “se jħossuhom ferħanin ħafna bil-paċi kbira li se jkollhom” għal dejjem!—Slm. 37:11.
GĦANJA 154 Imħabba bla Tmiem