-
“L-Iżrael t’Alla” u l-“Folla Kbira”It-Torri tal-Għassa—1995 | Lulju 1
-
-
“Saltna Taʼ Qassisin” Tipika
7, 8. Iżrael tal-qedem sa liema punt kien saltna taʼ qassisin u ġens qaddis taħt il-patt tal-Liġi?
7 Meta Jehovah għażel lil Iżrael bħala l-ġens speċjali tiegħu, għamel patt magħhom, billi qal: “Jekk strettament se tobdu leħni u tabilħaqq se żżommu l-patt tiegħi, imbagħad ċertament li se ssiru l-propjetà speċjali tiegħi minn fost il-popli l-oħrajn kollha, għaliex l-art kollha kemm hi tappartjeni lili. U intom infuskom se ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Iżrael kien il-poplu speċjali taʼ Jehovah fuq il-bażi tal-patt tal-Liġi. Kif, iżda, kienet se titwettaq il-wegħda li tinvolvi saltna taʼ qassisin u ġens qaddis?
8 Iżrael, meta kienu leali, irrikonoxxew is-sovranità taʼ Jehovah u aċċettawh bħala s-Sultan tagħhom. (Isaija 33:22) B’hekk, kienu saltna. Imma, bħalma ġie rrivelat iktar tard, il-wegħda dwar “saltna” kellha tfisser saħansitra iżjed minn dak. Jerġaʼ, meta obdew il-Liġi taʼ Jehovah, kienu ndaf, separati mill-ġnus taʼ madwarhom. Kienu ġens qaddis. (Dewteronomju 7:5, 6) Kienu huma saltna taʼ qassisin? Sewwa, f’Iżrael it-tribù taʼ Levi kien imħolli għal servizz fit-tempju, u f’dak it-tribù kien hemm is-saċerdozju Levitiku. Meta kienet inawgurata l-Liġi Mosajka, irġiel Leviti ttieħdu minflok l-ewwel imweldin taʼ kull familja li ma kenitx Levita.a (Eżodu 22:29; Numri 3:11-16, 40-51) B’hekk, kull familja f’Iżrael kienet, biex ngħidu hekk, irrappreżentata fis-servizz tat-tempju. Dan kien l-eqreb li l-ġens resaq lejn li jkun saċerdozju. Madankollu, huma rrappreżentaw lil Jehovah quddiem il-ġnus. Kwalunkwe stranġier li xtaq iqim lil dak Alla veru kellu jagħmel dan fi sħubija maʼ Iżrael.—2 Kronaki 6:32, 33; Isaija 60:10.
9. X’ġiegħel lil Jehovah jirrifjuta lis-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael ‘milli taqdi bħala qassis għalih’?
9 Wara l-mewt taʼ Salamun, il-poplu t’Alla nqasam fil-ġens tat-Tramuntana taʼ Iżrael taħt is-Sultan Ġeroboam u l-ġens tan-Nofs in-Nhar taʼ Ġuda taħt is-Sultan Reħoboam. Ladarba t-tempju, iċ-ċentru tal-qima pura, kien fit-territorju taʼ Ġuda, Ġeroboam istitwixxa għamla llegali taʼ qima billi waqqaf xbihat t’għoġġiela fit-territorju nazzjonali tiegħu stess. Jerġaʼ, “hu beda jagħmel dar taʼ postijiet għoljin u jagħmel qassisin min-nies inġenerali, li ma nzertawx li jkunu minn ulied Levi.” (1 Slaten 12:31) Il-ġens tat-Tramuntana għodos iżjed fil-fond fil-qima falza meta s-Sultan Aħab ħalla lill-mara stranġiera tiegħu, Ġeżebel, tistabbilixxi l-qima taʼ Baal fil-pajjiż. Finalment, Jehovah ippronunzja ġudizzju fuq is-saltna ribelluża. Permezz taʼ Ħosea, qal: “Il-poplu tiegħi ċertament li se jiġi msikket, għaliex m’hemm ebda għarfien. Peress li l-għarfien huwa dak li int innifsek irrifjutajt, jien ukoll se nirrifjutak milli taqdi bħala qassis għalija.” (Ħosea 4:6) Ftit wara, l-Assirjani qerdu s-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael.
10. Is-saltna tan-Nofs in-Nhar taʼ Ġuda, meta kienet leali, kif irrappreżentat lil Jehovah quddiem il-ġnus?
10 Xi ngħidu dwar il-ġens tan-Nofs in-Nhar, Ġuda? Fil-jiem taʼ Ħeżekija, Jehovah qalilhom permezz taʼ Isaija: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . saħansitra l-qaddej tiegħi li lilu jien għażilt, . . . il-poplu li lilu jien sawwart għalija nnifsi, sabiex jirrakkontaw it-tifħir tiegħi.” (Isaija 43:10, 21; 44:21) Meta kienet leali, is-saltna tan-Nofs in-Nhar serviet biex tipproklama lill-ġnus il-glorja taʼ Jehovah u biex tattira wħud taʼ qalb sinċiera biex iqimuh fit-tempju tiegħu u jkunu mministrati mis-saċerdozju leġittimu Levita.
-
-
“L-Iżrael t’Alla” u l-“Folla Kbira”It-Torri tal-Għassa—1995 | Lulju 1
-
-
Il-Ġens Spiritwali
15. X’irriżulta meta Iżrael naturali rrifjuta li jaċċetta lill-Messija?
15 Il-Liġi kienet imfassla biex iżżomm lil Iżrael indaf, separati mill-ġnus taʼ madwarhom. Imma din qdiet skop ieħor. L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-Liġi saret it-tutriċi tagħna li twassal għal Kristu, biex nistgħu niġu ddikjarati twajbin minħabba l-fidi.” (Galatin 3:24) B’sogħba, il-biċċa l-kbira taʼ l-Iżraeliti naqsu li jiġu mmexxijin lejn Kristu permezz tal-Liġi. (Mattew 23:15; Ġwann 1:11) Mela Alla Jehovah irrifjuta lil dak il-ġens u ġiegħel lill-“Iżrael t’Alla” jitwieled. Barra minn hekk, hu estenda lil nies li ma kinux Lhud l-istedina biex isiru ċittadini kompleti għalkollox f’dan l-Iżrael il-ġdid. (Galatin 3:28; 6:16) Huwa fuq dan il-ġens il-ġdid li l-wegħda taʼ Jehovah f’Eżodu 19:5, 6 dwar saċerdozju rjali għandha t-twettieq finali taʼ l-għaġeb tagħha. Kif?
16, 17. Kristjani midlukin fuq l-art f’liema sens huma ‘rjali’? “saċerdozju”?
16 Pietru kkwota Eżodu 19:6 meta kiteb lil Kristjani midlukin taʼ żmienu: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali.’” (1 Pietru 2:9) Dan x’ifisser? Huma l-Kristjani midlukin fuq l-art slaten? Le, l-istat taʼ slaten tagħhom għadu futur. (1 Korintin 4:8) Minkejja dan, huma “rjali” fis-sens li huma mmarkati għal privileġġi rjali futuri. Saħansitra issa huma ġens taħt sultan, Ġesù, maħtur mis-Sovran il-Kbir, Alla Jehovah. Pawlu kiteb: “[Jehovah] ħelisna mill-awtorità tad-dlam u ttrasferiena għal ġos-saltna taʼ l-Iben taʼ mħabbtu.”—Kolossin 1:13.
17 Huma l-Kristjani midlukin fuq l-art saċerdozju? F’ċertu sens, iva. Bħala kongregazzjoni, jaqdu funzjoni saċerdotali indisputibbli. Pietru spjega dan meta qal: “Intom infuskom . . . qegħdin tinbnew dar spiritwali bl-iskop taʼ saċerdozju qaddis.” (1 Pietru 2:5; 1 Korintin 3:16) Illum, il-fdal taʼ Kristjani midlukin bħala ġemgħa huma “l-irsir leali u diskret,” il-mezz għad-distribuzzjoni taʼ ikel spiritwali. (Mattew 24:45-47) Bħalma kien il-każ f’Iżrael tal-qedem, kulmin jixtieq iqim lil Jehovah irid jagħmel dan fi sħubija maʼ dawn il-Kristjani midlukin.
18. Bħala saċerdozju, il-kongregazzjoni Kristjana midluka fuq l-art għandha liema responsabbiltà primarja?
18 Barra minn hekk, Kristjani midlukin ħadu l-post taʼ Iżrael fil-privileġġ taʼ l-għoti taʼ xiehda dwar il-kobor taʼ Jehovah fost il-ġnus. Il-kuntest juri li meta Pietru sejjaħ lil Kristjani midlukin saċerdozju rjali, kellu x-xogħol taʼ l-ippridkar f’moħħu. Tabilħaqq, hu għaqqad fi kwotazzjoni waħda l-wegħda taʼ Jehovah f’Eżodu 19:6 mal-kliem Tiegħu lil Iżrael f’Isaija 43:21 meta qal: “Intom . . . ‘saċerdozju rjali, . . . [sa]biex tiddikjaraw barra l-pajjiż l-affarijiet eċċellenti’ tal-wieħed li sejħilkom ’il barra mid-dlam għal ġod-dawl taʼ l-għaġeb tiegħu.” (1 Pietru 2:9) F’armonija maʼ dan, Pawlu tkellem dwar id-dikjarazzjoni taʼ l-affarijiet eċċellenti taʼ Jehovah bħala sagrifiċċju tat-tempju. Kiteb: “Permezz [taʼ Ġesù] ejjew dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.”—Ebrej 13:15.
Twettieq Tas-Sema
19. Liema huwa t-twettieq finali u grandjuż tal-wegħda li Iżrael kellu jkun saltna taʼ qassisin?
19 Madankollu, Eżodu 19:5, 6 fl-aħħarnett għandu twettieq bil-wisq iżjed glorjuż. Fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, l-appostlu Ġwanni jismaʼ ħlejjaq tas-sema japplikaw din l-iskrittura hekk kif ifaħħru lil Ġesù rxoxtat: “Int kont imbiċċer u b’demmek xtrajt persuni għal Alla minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilthom biex ikunu saltna u qassisin għal Alla tagħna, u jridu jaħkmu bħala slaten għal fuq l-art.” (Rivelazzjoni 5:9, 10) Fis-sens finali tiegħu, imbagħad, is-saċerdozju rjali huwa s-Saltna tas-sema t’Alla, l-awtorità renjanti li għaliha Ġesù għallimna nitolbu. (Luqa 11:2) Il-144,000 Kristjani midlukin kollha li jissaportu leali sat-tmiem se jkollhom parti f’dak l-arranġament tas-Saltna. (Rivelazzjoni 20:4, 6) Xi twettieq taʼ l-għaġeb tal-wegħda li saret tant żmien twil ilu permezz taʼ Mosè!
-