“Min Poġġa l-Għerf fis-Saffi tas-Sħab”?
“META taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew.” Dan il-kliem taʼ Ġesù, miktub mill-kittieb tal-Vanġelu, Luqa, huwa eżempju taʼ tbassir tat-temp kif kien isir fil-Palestina tal-qedem. (Luqa 12:54, 55) F’ċerti ċirkustanzi, in-nies tal-qedem setgħu jaqraw is-sinjali u jagħmlu taħbir eżatt għal żmien qasir.
Illum, il-meteorologi jużaw strumenti sofistikati, bħas-satelliti li jorbitaw mad-dinja, ir-radar Doppler, u kompjuters qawwijin, biex ikejlu kif se jkun it-temp għal perijodi twal. Imma t-taħbir tagħhom taʼ spiss ikun żbaljat. Għala?
Hemm ħafna fatturi li jagħmluh diffiċli t-tbassir eżatt tat-temp. Per eżempju, bidliet mhux mistennijin fit-temperatura, fl-umdità, fil-pressjoni taʼ l-arja, u fil-veloċità u d-direzzjoni tar-riħ jistgħu jikkomplikaw l-affarijiet. Iktar minn hekk, hemm l-effetti kumplessi tax-xemx, tas-sħab, u tal-baħar, li x-xjenzati għadhom ma fehmuhomx għalkollox. Għal din ir-raġuni, it-tbassir tat-temp għadu xjenza mhix eżatta.
L-għerf limitat tal-bniedem dwar it-temp ifakkarna fil-mistoqsija li staqsa Ġob: “Min welled lill-qtar tan-nida? Miż-żaqq taʼ min is-silġ attwalment joħroġ? . . . Tistaʼ int tgħolli leħnek saħansitra sas-sħaba, sabiex massa mmewġa t’ilma nfisha tistaʼ tgħattik? . . . Min poġġa l-għerf fis-saffi tas-sħab, jew min ta fehma lill-fenomenu tas-sema? Min jistaʼ jgħodd eżatt l-isħab bil-għerf, jew il-ġarar taʼ l-ilma tas-sema—min jistaʼ jaqlib[hom]?”—Ġob 38:28-37, NW.
It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha hi, Mhux il-bniedem imma Alla Jehovah. Iva, ikunu kemm ikunu għorrief il-bnedmin, l-għerf tal-Ħallieq tagħna huwa bil-wisq superjuri. Verament li juri mħabba min-naħa tiegħu meta jagħmel l-għerf tiegħu disponibbli għalina fil-paġni tal-Bibbja, sabiex jistaʼ jkollna suċċess.—Proverbji 5:1, 2.