-
‘Jehovah Jagħti l-Għerf’It-Torri tal-Għassa—1999 | Novembru 15
-
-
Bi kliem taʼ missier kollu mħabba, l-għaref Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u [“tmejjel lil qalbek lejn id-dixxerniment,” “NW”] . . . ; jekk issejjaħ [“għall-fehma,” “NW”] . . . , u tgħolli leħnek [“għad-dixxerniment,” “NW”] . . . ; jekk tfittex l-għerf bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla.”—Proverbji 2:1-5.
-
-
‘Jehovah Jagħti l-Għerf’It-Torri tal-Għassa—1999 | Novembru 15
-
-
Li wieħed jagħti widen għall-għerf ifisser li niksbu d-dixxerniment u l-fehma. Skond Webster’s Revised Unabridged Dictionary, id-dixxerniment huwa “l-qawwa jew il-fakultà tal-moħħ li biha dan jiddistingwi ħaġa minn oħra.” Id-dixxerniment imsejjes fuq il-prinċipji u l-liġijiet t’Alla huwa l-abbiltà li tiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u li mbagħad tagħżel il-korsa ġusta. Kif nistgħu nibqgħu fit-“triq li tieħu għall-ħajja,” jekk aħna ma ‘ninklinawx lil qalbna’ għad-dixxerniment jew jekk m’aħniex ħerqanin biex nakkwistawh? (Mattew 7:14; qabbel Dewteronomju 30:19, 20.) Id-dixxerniment jiġi bl-istudju u bl-applikazzjoni tal-Kelma t’Alla.
Kif nistgħu aħna ‘nsejħu għall-fehma’—l-abbiltà li tara kif l-aspetti taʼ suġġett huma relatati wieħed maʼ l-ieħor u mas-suġġett kollu? L-età u l-esperjenza, bla dubju, huma fatturi li jistgħu jgħinuna niżviluppaw fehma aħjar—imma mhux bilfors. (Ġob 12:12; 32:6-12) “Aktar mix-xjuħ jien [‘nifhem,’ NW],” qal is-salmista, “għax inħares il-preċetti [taʼ Jehovah].” Hu kanta wkoll: “It-tifsir taʼ kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx.” (Salm 119:100, 130) Jehovah hu x-“Xiħ fl-għomor,” u għandu fehma superjuri b’mod infinit għal dik taʼ l-umanità kollha. (Danjel 7:13) Alla jistaʼ jagħti fehma lil wieħed bla esperjenza, u jgħinu jispikka f’din il-kwalità saħansitra iktar minn dawk taʼ età akbar. B’hekk, għandna nkunu diliġenti f’li nistudjaw u napplikaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Wara l-frażi ripetuta ‘jekk int’ fil-ftuħ tat-tieni kapitlu taʼ Proverbji, niltaqgħu maʼ espressjonijiet bħal “tilqaʼ”, “taħżen”, “issejjaħ”, “tfittex”, u “tħaffer”. Il-kittieb għala juża espressjonijiet bħal dawn taʼ intensità li dejjem tikber? Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid: “L-għaref [hawn] qed jenfasizza s-serjetà fl-istinkar tagħna biex nakkwistaw l-għerf.” Iva, aħna għandna nistinkaw bis-serjetà kollha għall-għerf u l-kwalitajiet relatati miegħu—id-dixxerniment u l-fehma.
-