LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
    • 5. Ġeħova għala bassar il-​patt il-​ġdid?

      5 B’hekk, nistgħu nibdew naraw għala Alla nebbaħ lil Ġeremija biex jipprofetizza dwar patt ieħor, il-​patt il-​ġdid, anke waqt li l-​patt tal-​Liġi kien għadu validu. Sforz imħabbtu u l-​qalb tajba tiegħu, Ġeħova ried jagħmel disponibbli għajnuna permanenti għal iktar minn ġens wieħed. Permezz taʼ Ġeremija, Alla qal dan dwar dawk fil-​patt li kien ġej: “Naħfrilhom l-​iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) Għalkemm dik il-​wegħda ngħatat fi żmien Ġeremija, hi toffri tama meraviljuża għall-​bnedmin kollha. Kif?

      6, 7. (a) Xi wħud kif iħossuhom dwar il-​fatt li jidinbu? (b) Għala tistaʼ tiġi inkuraġġit jekk tikkunsidra l-​patt il-​ġdid?

      6 Aħna għadna imperfetti u spiss insiru konxji taʼ dan il-​fatt. Dan ġie muri minn ħu li kien qed jissielet maʼ problema persunali kbira. Hu jgħid: “Meta rġajt waqajt, ħassejtni veru ħażin. Ħassejt li qatt ma se nkun nistaʼ npatti għal dak li għamilt. Sibtha bi tqila biex nitlob. Kont nibda billi ngħid, ‘Ġeħova, ma nafx jekk intix se tismaʼ din it-​talba, imma . . . ’” Xi wħud li bl-​istess mod reġgħu waqgħu fid-​dnub jew ikkommettew dnub ħassew li bħallikieku “ħafna sħab” kien qed iwaqqaf it-​talb tagħhom milli jasal għand Alla. (Lam. 3:44) Oħrajn ġew turmentati b’memorji t’għemejjel midinba, saħansitra snin wara li kienu għamluhom. Anke Kristjani li huma eżemplari jistgħu jgħidu xi affarijiet u mbagħad jiddispjaċihom.—Ġak. 3:5-​10.

      7 Ħadd minna m’għandu jaħseb li qatt mhu se jieħu sehem f’kondotta mhix xierqa. (1 Kor. 10:12) Anke l-​appostlu Pawlu ammetta li żbalja. (Aqra Rumani 7:21-​25.) F’dan ir-​rigward, il-​patt il-​ġdid għandu jiġi f’moħħna. Alla wiegħed li aspett fundamentali tal-​patt il-​ġdid kien se jkun li ma jiftakarx id-​dnub iżjed. X’benefiċċju tal-​għaġeb! Żgur li Ġeremija ħassu mqanqal meta bassar dan, u bl-​istess mod aħna nistgħu nitqanqlu meta nitgħallmu iktar dwar il-​patt il-​ġdid u meta naraw kif nistgħu nibbenefikaw minnu.

  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
    • 8, 9. Xi swielu lil Ġeħova biex jagħmel il-​maħfra tad-​dnub possibbli?

      8 Hekk kif issir taf lil Ġeħova aħjar, int se tirrealizza iktar u iktar kemm hu qalbu tajba u ħanin mal-​bnedmin imperfetti. (Salm 103:13, 14) Meta Ġeremija bassar il-​patt il-​ġdid, hu enfasizza li Ġeħova kien se ‘jaħfrilhom l-​iżball tagħhom’ u ma jiftakarx fi dnubhom iktar. (Ġer. 31:34) Int tistaʼ timmaġina li Ġeremija setaʼ ħaseb dwar kif Alla kien se jwettaq din il-​maħfra. Għall-​inqas setaʼ jifhem li billi Alla tkellem dwar patt ġdid, kien se jkun hemm fehma, jew kuntratt, bejn Alla u l-​bnedmin. B’xi mod, permezz taʼ dak il-​patt, Ġeħova kien se jwettaq dak li nebbaħ lil Ġeremija jgħid b’mod ġenerali, inkluż il-​maħfra. Iktar dettalji kellhom jistennew sakemm Alla jikxef iktar mill-​iskop tiegħu, inkluż dak li kien se jagħmel il-​Messija.

      9 Għandek mnejn ġieli rajt ġenituri li jfissdu lil uliedhom, u ma jiddixxiplinawhomx. Taħseb li Ġeħova jagħmel dan? Lanqas xejn! Dan jidher ċar mill-​mod kif il-​patt beda jaħdem. Minflok ma sempliċement ikkanċella d-​dnub, Alla b’mod kuxjenzjuż aġixxa fi qbil mal-​livell tal-​ġustizzja tiegħu stess billi pprovda l-​mezz legali għall-​maħfra tad-​dnub avolja dan swielu ħafna. Inti tistaʼ tikseb dehen f’dan billi tinnota dak li kiteb Pawlu meta kien qed jiddiskuti l-​patt il-​ġdid. (Aqra Ebrej 9:15, 22, 28.) Pawlu semma ‘ħelsien b’fidwa’ u qal li “jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” Fil-​każ tal-​patt il-​ġdid, dan ma fissirx id-​demm taʼ barrin u mogħoż sagrifikati kif kien isir taħt il-​Liġi. Le, il-​patt il-​ġdid beda jaħdem permezz tad-​demm taʼ Ġesù. Permezz taʼ dan is-​sagrifiċċju perfett, Ġeħova setaʼ ‘jaħfer l-​iżball u d-​dnub’ b’mod permanenti. (Atti 2:38; 3:19) Imma min kien se jkun f’dan il-​patt il-​ġdid u jikseb il-​maħfra? Ma kienx il-​ġens Lhudi. Ġesù qal li Alla kien se jiċħad lil-​Lhud, dawk li offrew sagrifiċċji tal-​annimali skont il-​Liġi, u li Hu kien se jdur lejn ġens ieħor. (Mt. 21:43; Atti 3:13-​15) Dan wera li kien “l-​Israel t’Alla,” magħmul minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu qaddis. Fi kliem ieħor, il-​patt tal-​Liġi kien bejn Alla u Iżrael naturali, filwaqt li l-​patt il-​ġdid hu bejn Alla Ġeħova u Iżrael spiritwali, b’Ġesù bħala l-​Medjatur tiegħu.—Gal. 6:16; Rum. 9:6.

      Stampa f’paġna 172

      10. (a) Min hu “r-​rimja” taʼ David? (b) Il-​bnedmin kif jistgħu jibbenefikaw mir-​“rimja”?

      10 Ġeremija ddeskriva lil Dak li kien ġej, il-​Messija, bħala “r-​rimja” taʼ David. Dan hu xieraq. Anke waqt li Ġeremija kien qed jaqdi bħala profeta, l-​arblu tar-​razza rjali taʼ David kien bħal siġra li tqaċċtet. Imma dak li kien fadal miz-​zokk ma kienx mejjet. Maż-​żmien, Ġesù twieled fil-​linja tas-​Sultan David. Hu setaʼ jissejjaħ “Ġeħova Hu s-​Sewwa Tagħna,” u b’hekk jenfasizza l-​fatt li Alla tassew jimpurtah minn din il-​kwalità. (Aqra Ġeremija 23:5, 6.) Ġeħova ħalla lill-​Iben uniġenitu tiegħu jesperjenza t-​tbatija fuq l-​art u jmut. Imbagħad Ġeħova—fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu—setaʼ japplika l-​valur tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa tar-​“rimja” taʼ David bħala l-​bażi għall-​maħfra. (Ġer. 33:15) Dan fetaħ it-​triq biex xi bnedmin jiġu dikjarati “ġusti għall-​ħajja” u jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk isiru werrieta tal-​patt il-​ġdid. Bħala turija oħra li Alla jimpurtah mis-​sewwa, oħrajn li mhumiex direttament fil-​patt jistgħu u qegħdin jibbenefikaw minnu, kif se naraw.—Rum. 5:18.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja