-
Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” TagħnaIt-Torri tal-Għassa—1999 | Marzu 1
-
-
“[I]kun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara.”—EŻEKJEL 47:9.
1, 2. (a) L-ilma kemm hu importanti? (b) L-ilma tax-xmara viżjonarja t’Eżekjel taʼ xiex jagħti stampa?
L-ILMA huwa likwidu straordinarju. Il-ħajja fiżika kollha tiddependi minnu. Ħadd minna ma jistaʼ jdum ħaj mingħajru. Aħna niddependu fuqu wkoll għall-ħasil, għar-raġuni li l-ilma jistaʼ jnaddaf u jneħħi l-impuritajiet. Għalhekk aħna ninħaslu, naħslu ħwejjiġna, u saħansitra naħslu l-ikel tagħna fih. Meta nagħmlu dan jistaʼ jsalvalna ħajjitna.
2 Il-Bibbja tuża l-ilma biex tagħti stampa tal-provvedimenti spiritwali għall-ħajja mingħand Jehovah. (Ġeremija 2:13; Ġwann 4:7-15) Dawn il-provvedimenti jinkludu t-tindif tal-poplu tiegħu permezz tas-sagrifiċċju bħala prezz tal-fidwa li ħallas Kristu u l-għarfien dwar Alla li jinstab fil-Kelma tiegħu. (Efesin 5:25-27) Fil-viżjoni t’Eżekjel dwar it-tempju, ix-xmara mirakoluża li tgelgel mit-tempju tissimbolizza dawn il-barkiet li jagħtu l-ħajja. Imma dik ix-xmara meta tgelgel, u dan x’ifisser għalina llum?
Xmara Tgelgel f’Art Irrestawrata
3. Eżekjel x’esperjenza skond dak li hemm f’Eżekjel 47:2-12?
3 Peress li kienu rsiera f’Babilonja, il-poplu t’Eżekjel verament kellhom bżonnhom il-provvedimenti taʼ Jehovah. Mela, min jaf Eżekjel kemm ħassu inkuraġġit x’ħin ra nixxiegħa taʼ ilma ħierġa mis-santwarju u tgelgel mit-tempju viżjonarju! Anġlu jkejjel ix-xmara żgħira f’intervalli taʼ 1,000 driegħ. Il-fond tagħha jibqaʼ dejjem isir iktar fond, u minn m’ogħla l-għaksa jibqaʼ tielaʼ sa l-irkobba, sal-ġenbejn, sakemm isir torrent li ma jlaħħaqlekx. Ix-xmara ġġib il-ħajja u l-fertilità. (Eżekjel 47:2-11) Lil Eżekjel jintqallu: “Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar taʼ kull ġens taʼ frott.” (Eżekjel 47:12a) Hekk kif ix-xmara tiżbokka ġol-Baħar il-Mejjet—medda taʼ ilma bla ebda ħajja ġo fih—tisponta l-ħajja! Isir miżgħud bil-ħut. Tiffjorixxi industrija tas-sajd.
4, 5. Il-profezija taʼ Ġoel rigward xmara kif inhi simili għal dik t’Eżekjel, u dan għala hu sinjifikanti?
4 Din il-profezija sabiħa għandha mnejn fakkret lill-eżiljati Lhud dwar profezija oħra ddokumentata iktar minn żewġ sekli qabel: “Minn dar il-Mulej tnixxi għajn li ssaqqi Wied Sittim.”a (Ġoel 4:18 [Ġoel 3:18, NW]) Il-profezija taʼ Ġoel, bħal dik t’Eżekjel, tbassar li xmara kellha tgelgel mid-dar t’Alla, it-tempju, u tagħti l-ħajja lil reġjun niexef.
-
-
Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” TagħnaIt-Torri tal-Għassa—1999 | Marzu 1
-
-
13. Liema fejqan twettaq fi żmienna?
13 Ix-xmara viżjonarja tiżbokka ġol-Baħar il-Mejjet bla ħajja u tfejjaq kulfejn tmiss miegħu. Dan il-baħar jagħti stampa t’ambjent mejjet spiritwalment. Imma l-ħajja tiffjorixxi “kull fejn tgħaddi dik ix-xmara.” (Eżekjel 47:9) Bl-istess mod, fl-aħħar jiem, kull fejn qiegħed jippenetra l-ilma tal-ħajja, in-nies qegħdin jieħdu l-ħajja spiritwalment. L-ewwel li ngħataw il-ħajja mill-ġdid b’dan il-mod kienu l-fdal midluk, fl-1919. Huma reġgħu lura għall-ħajja spiritwalment minn stat inattiv li fih kienu qishom mejtin. (Eżekjel 37:1-14; Apokalissi 11:3, 7-12) Minn dak iż-żmien ’l hawn dawk l-ilmijiet vitali laħqu wkoll lil oħrajn li kienu mejtin spiritwalment, u dawn ħadu l-ħajja u fformaw kotra kbira li dejjem qed tiżdied taʼ nagħaġ oħrajn, li jħobbu u jaqdu lil Jehovah. Dan il-provvediment dalwaqt se jiġi estiż għall-kotriet taʼ dawk irxoxtati.
-