-
IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’AllaStenbaħ!—2004 | Novembru 8
-
-
It-Tifsira Vera tad-Dixxiplina
Il-Bibbja tindika b’mod ċar x’inhu l-irwol tal-ġenituri rigward id-dixxiplina. Per eżempju, Efesin 6:4 jgħid: “Intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” Dan il-vers isemmi b’mod partikulari li l-missier għandu jkun dak li jieħu l-inizjattiva fil-ħarsien tat-tfal tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, l-omm taħdem id f’id maʼ żewġha.
Dwar dan is-suġġett The Interpreter’s Dictionary of the Bible jgħid: “Fil-Bibbja, id-dixxiplina hija assoċjata mill-qrib, fuq naħa waħda, mat-taħriġ, l-istruzzjoni, u l-għarfien, u fuq l-oħra, mat-twiddib, il-korrezzjoni, u l-kastig. Id-dixxiplina normalment tiġi applikata fit-taħriġ tat-tfal.” B’hekk, id-dixxiplina tinvolvi ferm iktar miċ-ċanfir; tinkludi t-taħriġ kollu li jinħtieġu t-tfal biex jirnexxu fil-ħajja. Iżda kif jistgħu l-ġenituri ma jkunux il-kaġun li jdejqu lil uliedhom?
Uri l-Mogħdrija
X’inhu li jdejjaq lit-tfal? Aħseb dwar din is-sitwazzjoni. Għandek lil xi ħadd jaħdem miegħek li hu nervuż u bla paċenzja. Ma jogħġbu xejn fik. Jikkritika kulma tgħid u kulma tagħmel. Spiss jirrifjuta x-xogħol li tagħmel u jġagħlek tħossok li bħala persuna ma tiswa għal xejn. Ma tkunx din sitwazzjoni li ddejqek u tiskuraġġik?
L-istess jistaʼ jiġri lit-tfal meta l-ġenituri tagħhom kontinwament igergrulhom jew jikkoreġuhom fir-rabja. Huwa veru li kultant it-tfal jeħtieġu l-korrezzjoni u li l-Bibbja tawtorizza lill-ġenituri biex jikkoreġuhom. Madankollu, li ddejjaq lit-tfal billi tittrattahom b’mod aħrax u bla mħabba jistaʼ jikkaġuna ħsara emozzjonali, spiritwali, u anki fiżika.
-
-
IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’AllaStenbaħ!—2004 | Novembru 8
-
-
[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]
IL-“GWIDA MENTALI TAʼ ĠEĦOVA”
Efesin 6:4 jsemmi “l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” It-terminu oriġinali bil-Grieg għall-espressjoni “gwida mentali” f’xi Bibbji jiġi tradott “li tkun konxju,” “pariri,” u “twiddib.” Dawn it-termini kollha jindikaw li l-familji għandhom jagħmlu iktar milli sempliċement jaqraw il-Bibbja jew jgħaddu xi materjal minn xi pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja b’mod taʼ rutina. Jeħtieġ li l-ġenituri jkunu ċerti li wliedhom jifhmu xi tfisser il-Kelma t’Alla, l-importanza taʼ l-ubbidjenza, l-imħabba li Ġeħova għandu għalihom, u l-protezzjoni li joffrilhom.
Dan kif jistaʼ jsir? Judy, omm taʼ tlett itfal ħasset il-bżonn li tagħmel iktar milli kontinwament tfakkar lil uliedha dwar prinċipji divini. “Indunajt li ma kinux jieħdu gost meta kont dejjem nirripeti l-istess affarijiet bl-istess mod. Bdejt infittex modi differenti kif ngħallimhom. Mod wieħed kien li nfittex artikli fir-rivista Stenbaħ! li kienu jippreżentaw il-punti li xtaqt ngħallimhom minn perspettiva differenti. B’hekk tgħallimt kif nagħti lit-tfal tfakkiriet meħtieġa mingħajr ma ndejjaqhom.”
Angelo, li l-familja tiegħu għaddiet minn żminijiet diffiċli, isemmi kif għallem lil uliedu bniet biex jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla: “Naqraw versi mill-Bibbja flimkien, u mbagħad nagħżel ċerti frażijiet u nispjega kif dawn japplikaw għaċ-ċirkustanzi taʼ wliedi. Iktar tard, meta kienu jkunu qed jaqraw il-Bibbja waħedhom, kont narahom miġburin fi ħsibijiethom, jimmeditaw fuq is-sinifikat li kellha għalihom.”
-