KAPITLU 16
Opponi lix-Xitan u t-Tnassis Tiegħu
“Opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—ĠAKBU 4:7.
1, 2. Għal min huma taʼ ferħ l-okkażjonijiet tal-magħmudija?
JEKK ilek taqdi lil Ġeħova għal għaxriet taʼ snin, x’aktarx li smajt diversi taħditiet tal-magħmudija fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna. Però, minkejja li kont preżenti kemm-il darba f’okkażjonijiet bħal dawn, x’aktarx li għadek titqanqal kull darba li tara lil dawk bil-qiegħda fuq quddiem taʼ l-awditorju jqumu bil-wieqfa biex jippreżentaw lilhom infushom għall-magħmudija. F’dak il-ħin, tqum għagħa t’eċċitament fost l-udjenza kollha, segwita minn ċapċip qawwi u mill-qalb. Jistaʼ jkun li għajnejk jimtlew bid-dmugħ hekk kif tħares lejn grupp ieħor taʼ individwi prezzjużi li ħadu waqfa fuq in-naħa taʼ Ġeħova. X’ferħ inħossu f’okkażjonijiet bħal dawn!
2 Waqt li aħna għandna mnejn nosservaw xi magħmudija ftit drabi fis-sena fil-lokalità tagħna, l-anġli għandhom il-privileġġ li josservawhom ħafna iktar spiss. Tistaʼ timmaġina kemm ikun hemm “ferħ fis-sema” hekk kif jaraw eluf taʼ individwi madwar id-dinja jiżdiedu mal-parti viżibbli taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kull ġimgħa? (Luqa 15:7, 10) Bla dubju, l-anġli jħossuhom ferħanin ħafna li josservaw din iż-żjieda!—Ħaggaj 2:7.
IX-XITAN “IĦUF BĦAL ILJUN JGĦAJJAT”
3. Satana għala jħuf “bħal iljun jgħajjat,” u xi jrid jagħmel?
3 Madankollu, b’kuntrast qawwi hemm ħlejjaq spirti li josservaw dawn il-magħmudijiet b’korla. Satana u d-demonji jindannaw meta jaraw eluf taʼ nies jagħtu daharhom lil din id-dinja korrotta. Wara kollox, Satana ftaħar li ebda bniedem ma jaqdi lil Ġeħova bi mħabba sinċiera u li ħadd ma jibqaʼ leali taħt provi ebsin. (Ġob 2:4, 5) Kull darba li xi ħadd jitqanqal biex jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova, Satana joħroġ taʼ giddieb. Huwa bħallikieku Satana jaqlaʼ eluf taʼ daqqiet taʼ ħarta ġo wiċċu kull ġimgħa tas-sena. Mhux taʼ b’xejn “iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd”! (1 Pietru 5:8) Dan l-“iljun” jinsab ħerqan biex jiblagħna spiritwalment, billi jġegħelna nagħmlu l-ħsara lir-relazzjoni tagħna m’Alla jew saħansitra nkissruha.—Salm 7:1, 2; 2 Timotju 3:12.
Kull darba li xi ħadd jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u jitgħammed, Satana joħroġ taʼ giddieb
4, 5. (a) Ġeħova llimita l-influwenza taʼ Satana b’liema żewġ modi importanti? (b) Kristjan veru minn xiex jistaʼ jkun ċert?
4 Minkejja li niffaċċjaw għadu feroċi, m’għandniex għalfejn inħossuna maħkumin mill-biżaʼ. Għala le? Għax Ġeħova llimita l-qawwa taʼ dan l-“iljun jgħajjat” b’żewġ modi importanti. X’inhuma? L-ewwelnett, Ġeħova bassar li “folla kbira” taʼ Kristjani veri se jsalvaw mit-“tribulazzjoni l-kbira” li riesqa. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Il-profeziji t’Alla qatt ma jfallu. Għalhekk, anki Satana bilfors jaf li qatt m’hu se jirnexxilu jaqbad il-poplu t’Alla bħala grupp f’nassa.
5 It-tieni restrizzjoni nistgħu nsibuha f’verità bażika li lissen wieħed mill-irġiel leali t’Alla li għex fil-qedem. Il-profeta Għażarija qal lis-Sultan Asa: “Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tkunu miegħu.” (2 Kronaki 15:2; 1 Korintin 10:13) Diversi eżempji mniżżlin bil-miktub juru li fil-passat Satana qatt ma rnexxielu jiblaʼ lil xi ħadd mill-qaddejja t’Alla li baqaʼ qrib lejn Alla. (Ebrej 11:4-40) Illum, Kristjan li jibqaʼ qrib lejn Alla jkun kapaċi jopponi u anki jirbaħ lix-Xitan. Fil-fatt, il-Kelma t’Alla tassigurana: “Opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġakbu 4:7.
‘NISSARAW KONTRA L-FORZI TAʼ L-ISPIRTI MILL-AGĦAR’
6. Satana kif jiġġieled kontra Kristjani individwali?
6 Satana ma jistax jirbaħ il-gwerra, biex ngħidu hekk, imma hu jistaʼ jfieri lil xi wħud minna bħala individwi jekk aħna ma nibqgħux għassa. Satana jaf li hu jistaʼ jiblagħna jekk hu jdgħajjef ir-rabta tagħna maʼ Ġeħova. Satana kif jipprova jwettaq dan? Billi jattakkana b’mod qawwi, persunali, u makakk. Ejja nikkunsidraw dawn l-istrateġiji prinċipali taʼ Satana.
7. Satana għala qed jattakka n-nies taʼ Ġeħova b’mod qawwi?
7 Attakki qawwijin. L-appostlu Ġwanni qal: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dan il-kliem fih twissija għall-Kristjani veri kollha. Ladarba Satana diġà belaʼ d-dinja kollha taʼ l-umanità li ċaħdet lil Alla, hu issa jistaʼ jiffoka u jintensifika l-attakki tiegħu fuq dawk li s’issa rnexxielhom jaħarbulu—in-nies taʼ Ġeħova. (Mikea 4:1; Ġwanni 15:19; Rivelazzjoni 12:12, 17) Hu għandu rabja kbira għax jaf li ftit baqagħlu żmien. Għalhekk, żied il-pressjoni. Illum qed niffaċċjaw l-aħħar dagħdigħa tiegħu taʼ salvaġġiżmu u qerda. Minħabba f’hekk, issa iktar minn qatt qabel, għandna bżonn ‘nagħrfu ż-żminijiet ħalli nkunu nafu xi jmissna nagħmlu.’—1 Kronaki 12:32.
8. L-appostlu Pawlu xi jrid ifisser meta jgħid li għandna ‘nissaraw’ kontra l-ispirti mill-agħar?
8 L-issarâr persunali. L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani sħabu: ‘Aħna nissaraw kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.’ (Efesin 6:12) Pawlu għala uża t-terminu ‘ssarâr’? Għaliex dan jagħti l-idea taʼ ssarâr bl-idejn u ġlied frontali. Għalhekk, billi uża dan it-terminu, Pawlu enfasizza li lkoll kemm aħna għandna ġlieda persunali maʼ spirti mill-agħar. Kemm jekk ngħixu f’pajjiż fejn it-twemmin fl-ispirti mill-agħar huwa komuni u kemm jekk le, qatt m’għandna ninsew li meta ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, aħna bdejna ġlieda figurattiva. Minn taʼ l-inqas, mid-dedikazzjoni ’l quddiem, kull Kristjan ma jistax jaħrab il-fatt li qiegħed f’din il-ġlieda. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ra l-bżonn li jħeġġeġ lill-Kristjani f’Efesu għal tliet darbiet biex ‘iżommu sod’!—Efesin 6:11, 13, 14.
9. (a) Satana u d-demonji għala jużaw “tnassis” differenti? (b) Satana għala jipprova jikkorrompi l-ħsibijiet tagħna, u kif nistgħu nirreżistu l-isforzi tiegħu? (Ara l-kaxxa f’paġni 192-3.) (ċ) Liema tnassis se nikkunsidraw issa?
9 Metodi makakki. Pawlu jwissi lill-Kristjani biex iżommu sod kontra “t-tnassis” taʼ Satana. (Efesin 6:11) Innota li Pawlu juża l-plural. L-ispirti mill-agħar ma jużawx metodu makakk wieħed imma diversi metodi—u bir-raġun. Maż-żmien, xi wħud li jemmnu u li żammew sod kontra xi prova ċedew meta ffaċċjaw oħra differenti. Għalhekk, ix-Xitan u d-demonji josservaw mill-qrib l-imġiba taʼ kull wieħed minna biex jaraw fejn aħna l-iktar dgħajfin. Imbagħad jieħdu vantaġġ minn kwalunkwe dgħjufija spiritwali li jistaʼ jkollna. Però, b’ferħ aħna nistgħu nindunaw b’ħafna mill-metodi tax-Xitan, għax huma rivelati fil-Bibbja. (2 Korintin 2:11) Iktar kmieni f’din il-pubblikazzjoni, aħna ddiskutejna xi ftit minn dawn il-metodi bħall-ġibda tal-materjaliżmu, is-sħubija li tagħmel il-ħsara, u l-immoralità sesswali. Issa ejja nikkunsidraw tnassis ieħor minn taʼ Satana—l-ispiritiżmu.
L-IPPRATTIKAR TAʼ L-ISPIRITIŻMU—ATT TAʼ TRADIMENT
10. (a) X’inhu l-ispiritiżmu? (b) Ġeħova kif iqis l-ispiritiżmu, u int kif tqisu?
10 Wieħed li jipprattika l-ispiritiżmu, jew id-demoniżmu, jagħmel kuntatt dirett maʼ spirti mill-agħar. It-teħbir, il-maġija, il-magħmul, u l-komunikazzjoni mal-mejtin huma xi forom taʼ spiritiżmu. Bħalma nafu tajjeb, Ġeħova jqis l-ispiritiżmu bħala “xi ħaġa mistkerrha.” (Dewteronomju 18:10-12; Rivelazzjoni 21:8) Ladarba aħna wkoll irridu ‘nistmerru dak li hu ħażin,’ ma jgħaddilniex minn moħħna li qatt xi darba se nfittxu l-kumpanija tal-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar. (Rumani 12:9) X’att taʼ tradiment mistmerr ikun dan kontra Missierna tas-sema, Ġeħova!
11. Għala tkun rebħa kbira għal Satana jekk iħajjarna nduru għall-ispiritiżmu? Agħti tixbiha.
11 Madankollu, għall-istess raġuni li l-indħil fl-ispiritiżmu huwa tradiment moqżież kontra Ġeħova, Satana hu determinat li jdaħħal lil xi wħud minna fih. Kull darba li jħajjar Kristjan biex idur għad-demoniżmu, Satana jikseb rebħa kbira. Għala? Aħseb dwar dan ix-xebh: Jekk suldat jistaʼ jiġi perswadut biex jitlaq u jittradixxi l-armata tiegħu u jingħaqad mal-forzi taʼ l-għadu, il-kmandant taʼ l-għadu żgur li jieħu pjaċir. Għandu mnejn saħansitra jiftaħar bit-traditur bħallikieku kien xi trofew, sabiex jinsulta l-kmandat taʼ l-armata li qabel kien taħtha s-suldat. B’mod simili, jekk Kristjan idur għall-ispiritiżmu, hu bil-ħsieb ikun qed jitlaq lil Ġeħova minn jeddu u jpoġġi lilu nnifsu direttament taħt il-kmand taʼ Satana. Immaġina xi pjaċir ikun għal Satana biex jiftaħar b’dak it-traditur bħala trofew tal-gwerra! Irid xi ħadd minna jagħti lix-Xitan rebħa bħal din? Dażgur li le! Aħna m’aħniex tradituri.
IQAJJEM MISTOQSIJIET BIEX JOĦLOQ DUBJI
12. Liema metodu juża Satana biex jinfluwenza l-ħarsa tagħna lejn l-ispiritiżmu?
12 Sakemm nistmerru l-ispiritiżmu, Satana mhux se jirnexxilu jużah kontrina. Għalhekk, jaf li jrid ibiddel il-mod kif naħsbu. Kif? Hu jfittex modi kif iħawwad lill-Kristjani sal-punt li xi wħud jaħsbu li “t-tajjeb hu ħażin u l-ħażin hu tajjeb.” (Isaija 5:20) Sabiex jagħmel dan, Satana spiss juża wieħed mill-metodi li ilu juża żmien twil—iqajjem mistoqsijiet biex joħloq dubji.
13. Satana kif uża l-metodu taʼ li jqajjem mistoqsijiet biex joħloq dubji?
13 Innota kif Satana uża dan il-metodu fil-passat. Fl-Għeden hu staqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” Fi żmien Ġob, waqt laqgħa taʼ l-anġli fis-sema, Satana qajjem il-mistoqsija: “Huwa għalxejn li Ġob jibżaʼ minn Alla?” U fil-bidu tal-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, Satana sfida lil Kristu billi qal: “Jekk int bin Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż.” Immaġina—fil-każ taʼ Ġesù, Satana ssogra jwaqqaʼ għaċ-ċajt il-kliem li Ġeħova nnifsu kien uża xi sitt ġimgħat qabel: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt”!—Ġenesi 3:1; Ġob 1:9; Mattew 3:17; 4:3.
14. (a) Satana kif juża l-metodu tiegħu li joħloq inċertezzi rigward l-ispiritiżmu? (b) X’se nikkunsidraw issa?
14 Illum, ix-Xitan juża metodu simili biex jipprova joħloq inċertezzi dwar il-ħażen taʼ l-ispiritiżmu. B’sogħba, hu rnexxielu jqajjem id-dubji fl-imħuħ taʼ xi wħud minn ħutna. Huma bdew iqajmu mistoqsijiet dwar jekk ċerti forom taʼ spiritiżmu humiex verament daqshekk ħżiena. F’ċertu sens, qed jaħsbu, ‘Veru?’ (2 Korintin 11:3) Kif nistgħu ngħinu lil dawn l-uħud jaġġustaw il-ħsieb tagħhom? Kif nistgħu nkunu ċerti li l-metodi taʼ Satana ma jirnexxilhomx jinfluwenzawna? Biex inwieġbu, ejja nikkunsidraw żewġ oqsma fil-ħajja li bit-tattika Satana tebbaʼ b’elementi spiritistiċi. Dawn huma d-divertiment u l-kura tas-saħħa.
JIPPROFITTA RUĦU MIX-XEWQAT U L-BŻONNIJIET TAGĦNA
15. (a) Ħafna fid-dinja tal-Punent kif iqisuh l-ispiritiżmu? (b) Xi Kristjani kif ġew influwenzati mill-mod kif id-dinja tħares lejn l-ispiritiżmu?
15 Speċjalment fid-dinja tal-Punent, l-okkult, is-seħer, u forom oħra taʼ l-ispiritiżmu qed jittieħdu ħafif ħafif. Films, kotba, programmi tat-televixin, u logħob tal-kompjuter qed iżidu f’li jpinġu prattiki demonistiċi bħala li huma taʼ divertiment, taʼ ċerta intelliġenza, u bla ħsara. Xi films u kotba li jiffokaw l-istorja fuq l-okkult tant saru popolari li l-ammiraturi organizzaw klabbs għalihom. Biċ-ċar, id-demonji rnexxielhom iġibu l-perikli taʼ l-okkult fix-xejn. Ġew influwenzati l-Kristjani minn din it-tendenza li l-ispiritiżmu jitqies bla periklu? Il-ħsieb taʼ xi wħud ġie effettwat. B’liema mod? Biex nagħtu eżempju komuni, wara li Kristjan ra film li kien fuq l-okkult, hu qal, “Jien rajtu l-film, imma ma pprattikajtx l-ispiritiżmu.” Dan it-tip taʼ rraġunar għala huwa perikoluż?
16. Għala hu taʼ periklu li nagħżlu divertiment li jiffoka fuq prattiki taʼ l-okkult?
16 Għalkemm hemm differenza bejn li attwalment tipprattika l-ispiritiżmu u li tarah, dan żgur ma jfissirx li jekk tara prattiki taʼ l-okkult mhux se jkun hemm periklu. Għala le? Ikkunsidra dan: Il-Kelma t’Alla tindika li la Satana u lanqas id-demonji tiegħu m’għandhom l-abbiltà li jaqraw il-ħsibijiet tagħna.a B’hekk, bħalma ssemma diġà, biex isiru jafu x’aħna naħsbu u biex jaqbdu kwalunkwe dgħjufija spiritwali fina, l-ispirti mill-agħar iridu josservaw mill-qrib l-azzjonijiet tagħna—inkluż l-għażla tagħna taʼ divertiment. Meta l-imġiba taʼ Kristjan turi li hu jieħu pjaċir b’films u b’kotba li jiffokaw fuq medji taʼ l-ispirti, seħer, atti taʼ wħud maħkumin mid-demonji, jew suġġetti demonistiċi simili, dan il-Kristjan ikun qed jiftaħ il-bieb għad-demonji. F’ċertu sens, ikun qed jurihom id-dgħjufija tiegħu! Bi tweġiba, id-demonji jistgħu jintensifikaw l-issarâr tagħhom maʼ dan il-Kristjan sabiex jipprofittaw ruħhom mid-dgħjufija li hu wera sakemm isammruh maʼ l-art, biex ngħidu hekk. Fil-fatt, xi wħud li għall-ewwel interessaw ruħhom fl-ispiritiżmu għax għelbithom il-kurżità u raw divertiment li ffoka fuq l-okkult, maż-żmien involvew ruħhom attwalment fl-ipprattikar taʼ l-ispiritiżmu.—Galatin 6:7.
Ibbenefika mill-appoġġ taʼ Ġeħova fi żmien taʼ mard
17. Permezz taʼ liema tnassis jistaʼ Satana jipprofitta ruħu minn dawk l-uħud morda?
17 Satana jipprova jipprofitta ruħu mhux biss mix-xewqa tagħna għal divertiment imma wkoll mill-bżonn tagħna għall-kura tas-saħħa. Kif? Kristjan li s-saħħa tiegħu qed tonqoslu minkejja diversi attentati biex isib kura jistaʼ jħossu bla tama. (Marku 5:25, 26) Dan jistaʼ jagħti lil Satana u lid-demonji opportunità favorevoli biex jipprofittaw ruħhom minnu. Jafu tajjeb li l-Kelma t’Alla twissina kontra li nfittxu “l-għajnuna taʼ dawk li jipprattikaw il-ħsara.” (Isaija 31:2) Biex iġiegħlu lil xi Kristjan imur kontra din it-twissija, id-demonji jistgħu jħajru lil xi ħadd marid biex b’mod iddisprat idur għal kura u proċeduri li jinvolvu l-użu taʼ “qawwa maġika,” jew spiritiżmu—xi ħaġa li verament tagħmel il-ħsara. Jekk dan it-tnassis tad-demonji jirnexxi, jistaʼ jdgħajjef ir-relazzjoni tal-marid m’Alla. B’liema mod?
18. Liema tipi taʼ proċeduri għandu jirrifjuta Kristjan, u għala?
18 Ġeħova avża lill-Israelin li kienu daru għall-“qawwa maġika”: “Meta tiftħu idejkom, jien naħbi għajnejja minnkom. Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ.” (Isaija 1:13, 15) M’għandniex xi ngħidu, irridu dejjem nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tfixkel it-talb tagħna u tnaqqas l-appoġġ li nirċievu mingħand Ġeħova—u dan għandna nagħmluh saħansitra iktar matul perijodu taʼ mard. (Salm 41:3) Għalhekk, jekk hemm indikazzjonijiet li ċerta proċedura dijanjostika jew kura terapewtika jistaʼ jkun fiha xi elementi spiritistiċi, il-Kristjan veru għandu jirrifjutaha.b (Mattew 6:13) B’dan il-mod, żgur li se jibqaʼ jkollu l-appoġġ taʼ Ġeħova.—Ara l-kaxxa “Huwa Dan Tassew Spiritiżmu?” f’paġna 194.
META L-ISTEJJER DWAR ID-DEMONJI JOKTRU
19. (a) Ix-Xitan, b’mod qarrieq, x’ġiegħel lil ħafna jemmnu dwar il-qawwa tiegħu? (b) Liema stejjer għandhom jevitaw il-Kristjani veri?
19 Filwaqt li ħafna nies f’pajjiżi tal-Punent inaqqsu mill-periklu tal-qawwa taʼ Satana, f’pajjiżi oħrajn madwar id-dinja jsir l-oppost. Hemmhekk ix-Xitan qarraq b’ħafna billi ġegħelhom jemmnu li hu għandu iktar qawwa milli tassew għandu. Xi nies jgħixu, jieklu, jaħdmu, u jorqdu mbeżżgħin mill-ispirti mill-agħar. Stejjer dwar atti setgħana tad-demonji jinsabu kullimkien. In-nies jieħdu gost jirrakkontaw stejjer bħal dawn; oħrajn iħossuhom affaxxinati bihom. Għandna nieħdu sehem f’tixrid taʼ stejjer bħal dawn? Le, il-qaddejja taʼ l-Alla l-veru jevitaw li jagħmlu dan għal żewġ raġunijiet importanti.
20. Wieħed kif jistaʼ jxerred il-propaganda taʼ Satana forsi mingħajr ma jkun jaf?
20 L-ewwel, billi jxerred stejjer dwar dak li jirnexxilhom jagħmlu d-demonji, wieħed ikun qed jippromwovi l-interessi taʼ Satana. Kif? Il-Kelma t’Alla tikkonferma li Satana huwa kapaċi jwettaq għemejjel setgħana, imma twissi wkoll li hu juża “sinjali giddibin” u “qerq.” (2 Tessalonikin 2:9, 10) Ladarba Satana huwa l-qarrieq il-kbir, hu jaf kif jinfluwenza l-imħuħ taʼ dawk li huma inklinati lejn l-ispiritiżmu u kif iġegħelhom jemmnu affarijiet li m’humiex veri. Uħud bħal dawn għandhom mnejn jemmnu sinċerament li raw u semgħu ċerti affarijiet u forsi jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom bħala li huma minnhom. Maż-żmien, l-istejjer tagħhom ġew esaġerati minħabba li ntqalu darba wara l-oħra. Kieku Kristjan kellu jxerred stejjer bħal dawn, ikun f’ċertu sens qed jagħmel ir-rieda tax-Xitan—“missier il-gidba.” Ikun qed ixerred il-propaganda taʼ Satana.—Ġwanni 8:44; 2 Timotju 2:16.
21. Fuq xiex irridu niffokaw il-konversazzjonijiet tagħna?
21 It-tieni, anki jekk Kristjan verament kellu kuntatt maʼ spirti mill-agħar fil-passat, hu jżomm lura milli jirripeti dawn l-istejjer lil sħabu fit-twemmin biex jieħdu gost bihom. Għala? Aħna mwissijin: ‘Ħares fiss lejn Ġesù, l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna.’ (Ebrej 12:2) Iva, aħna rridu niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq Kristu, mhux fuq Satana. Taʼ min jinnota li waqt li kien fuq l-art, Ġesù ma qagħadx jirrakkonta stejjer lid-dixxipli tiegħu dwar l-ispirti mill-agħar għall-gost, għalkemm setaʼ jgħid ħafna dwar dak li Satana setaʼ jagħmel jew ma jagħmilx. Minflok, Ġesù ffoka fuq il-messaġġ tas-Saltna. Għalhekk, bħal Ġesù u l-appostli, irridu niffokaw il-konversazzjonijiet tagħna fuq “l-affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 2:11; Luqa 8:1; Rumani 1:11, 12.
22. Kif nistgħu nikkontribwixxu għal “ferħ fis-sema”?
22 Veru, Satana juża tnassis differenti, inkluż l-ispiritiżmu, biex jipprova jeqred ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Madankollu, billi nistmerru dak li hu mill-agħar u nżommu sod maʼ dak li hu tajjeb, ma nagħtu lix-Xitan ebda opportunità biex idgħajjef id-determinazzjoni tagħna biex niċħdu l-ispiritiżmu fil-forom kollha tiegħu. (Efesin 4:27) Immaġina “x’ferħ [kbir] fis-sema” se jkun hemm jekk inkomplu ‘nżommu sod kontra t-tnassis tax-Xitan’ sakemm ma jibqax jeżisti iktar!—Efesin 6:11.
a L-ismijiet deskrittivi li jingħataw lil Satana (Avversarju, Kalunnjatur, Qarrieq, Tentatur, Giddieb) ma jindikawx li għandu l-abbiltà li jgħarbel qalbna u moħħna. Madankollu, b’kuntrast, Ġeħova hu deskritt bħala “dak li jeżamina l-qlub,” u Ġesù, bħala l-wieħed li “jgħarbel il-kliewi u l-qlub.”—Proverbji 17:3; Rivelazzjoni 2:23.
b Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “A Health Test for You?” fil-Watchtower tal-15 taʼ Diċembru, 1994, paġni 19-22, u l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Jagħmel Differenza X’Kura Medika Tagħżel?” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Jannar, 2001.