LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • “Ersqu Lejn Alla”
    It-Torri tal-Għassa—2002 | Diċembru 15
    • “Ersqu Lejn Alla”

      “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”​—​ĠAKBU 4:8.

      1, 2. (a) Liema stqarrija taʼ spiss jagħmlu xi nies? (b) Ġakbu liema twissija ta, u għala kienet meħtieġa?

      “ALLA magħna.” Dan il-​kliem żejjen emblemi nazzjonali u saħansitra uniformijiet tas-​suldati. Il-​kliem “In God we trust” (F’Alla nafdaw) jidher fuq għadd taʼ muniti u karti tal-​flus fi żmienna. Taʼ spiss tismaʼ nies jistqarru li għandhom relazzjoni intima m’Alla. Iżda, ma taqbilx int li biex attwalment ikollok relazzjoni bħal din trid wisq iktar milli sempliċement titkellem dwarha jew tikteb xi frażi li tkun tistaʼ tinqara minn ħafna nies?

      2 Il-​Bibbja turi li huwa possibbli li jkollna relazzjoni m’Alla. Iżda dan jeħtieġ sforz. Anki xi Kristjani midlukin fl-​ewwel seklu kellhom bżonn isaħħu r-​relazzjoni tagħhom m’Alla Jehovah. L-​indokratur Kristjan Ġakbu kellu jwissi lil xi wħud rigward it-​tendenzi taʼ ġisimhom u l-​fatt li ma kinux baqgħu nodfa spiritwalment. Fost il-​pariri li tahom kien hemm din it-​twissija li taqtaʼ fil-​laħam il-​ħaj: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:​1-12) Ġakbu x’ried ifisser bil-​kelma “ersqu”?

      3, 4. (a) Dawk li qraw l-​ittra taʼ Ġakbu fl-​ewwel seklu, dwar liema ħaġa setgħu ġew imfakkrin mill-​espressjoni “ersqu lejn Alla”? (b) Għala nistgħu nibqgħu ċerti li huwa possibbli li nersqu lejn Alla?

      3 Ġakbu uża espressjoni li kienet familjari maʼ ħafna minn dawk li qraw l-​ittra tiegħu. Il-​Liġi Mosajka tat lill-​qassisin istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif setgħu “jersqu lejn,” jew javviċinaw lil, Jehovah għan-​nom tal-​poplu tiegħu. (Eżodu 19:22) Dawk li qraw l-​ittra taʼ Ġakbu setgħu b’hekk jiġu mfakkrin li ma kinitx xi ħaġa taċ-​ċajt li tavviċina lil Jehovah. Jehovah għandu l-​ogħla pożizzjoni taʼ dinjità fl-​univers.

      4 Mill-​banda l-​oħra, bħalma jinnota wieħed studjuż tal-​Bibbja, “din it-​twissija [f’Ġakbu 4:8] tirrivela ottimiżmu qawwi.” Ġakbu kien jaf li Jehovah dejjem stieden bl-​imħabba kollha lill-​bnedmin imperfetti biex jersqu qrib Tiegħu. (2 Kronaki 15:2) Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù fetħilna t-​triq biex inkunu nistgħu nersqu lejn Alla f’sens iktar sħiħ. (Efesin 3:​11, 12) Illum, din it-​triq infetħet għal miljuni taʼ nies biex huma wkoll ikollhom l-​opportunità li jersqu lejn Alla! Iżda, kif nistgħu aħna nieħdu vantaġġ minn din l-​opportunità meraviljuża? Issa, se nikkunsidraw fil-​qosor tliet modi li bihom nistgħu nersqu qrib lejn Alla Jehovah.

      Komplu Ħudu Għarfien dwar Alla

      5, 6. L-eżempju taż-​żagħżugħ Samwel kif juri x’hemm involut f’li nieħdu għarfien dwar Alla?

      5 Skond Ġwann 17:​3, Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” Ġesù x’ried ifisser meta tkellem dwar “li jagħrfu” lil Alla jew li jieħdu għarfien dwaru? Numru taʼ studjużi jinnotaw li s-​sens tal-​kelma użata fil-​Grieg oriġinali jinvolvi xi ħaġa iktar​—proċess kontinwu, wieħed li jistaʼ saħansitra jwassal biex tnejn isiru jafu lil xulxin b’mod intimu.

      6 L-​idea li ssir taf lil Alla b’mod intimu ma kinitx xi ħaġa ġdida fi żmien Ġesù. Per eżempju, fl-​Iskrittura Ebrajka naqraw li meta Samwel kien daqsxejn taʼ tifel, hu “kien għadu ma għarafx il-​Mulej.” (1 Samwel 3:7) Kien dan ifisser li Samwel kien jaf ftit li xejn dwar Alla tiegħu? Le. Il-​ġenituri tiegħu u l-​qassisin żgur li kienu għallmuh ħafna dwaru. Madankollu, il-​kelma Ebrajka użata f’dan il-​vers tistaʼ, skond ċertu studjuż, tiġi “użata għall-​ħbiberija mill-​iktar intima.” Samwel kien għadu ma sarx jafu b’mod intimu lil Jehovah, bħalma kien se jsir jafu iktar tard meta kien qed jaqdi bħala l-​kelliemi tiegħu. Hekk kif Samwel kompla jikber, hu sar verament jaf lil Jehovah, u b’hekk daħal f’relazzjoni persunali miegħu.​—1 Samwel 3:​19, 20.

      7, 8. (a) Għala m’għandniex inħallu t-​tagħlim iktar profond tal-​Bibbja jaqtgħalna qalbna? (b) X’inhuma xi veritajiet profondi tal-​Kelma t’Alla li nagħmlu tajjeb li nistudjawhom?

      7 Qiegħed int tieħu għarfien dwar Jehovah sabiex tkun tistaʼ ssir tafu b’mod intimu? Biex tagħmel dan, jeħtieġlek tibda ‘tixxennaq’ għall-​ikel spiritwali li jipprovdi Alla. (1 Pietru 2:2) Tkunx sodisfatt bit-​tagħlim bażiku. Qis li tieħu wkoll mit-​tagħlim iktar profond tal-​Bibbja. (Lhud 5:​12-14) Qiegħed dan it-​tagħlim jaqtagħlek qalbek għax tassumi li hu diffiċli wisq biex tifhmu? Jekk inhu hekk, ftakar li Jehovah hu l-​“Imgħallem” Grandjuż. (Isaija 30:20) Hu jaf kif ifiehem veritajiet profondi lill-​imħuħ taʼ bnedmin imperfetti. U jistaʼ jbierek l-​isforzi sinċieri tiegħek biex tifhem dak li qed jgħallmek Hu.​—Salm 25:4.

      8 Għala ma teżaminax lilek innifsek rigward xi ftit mill-​affarijiet profondi t’Alla? (1 Korintin 2:10) Dawn m’humiex xi suġġetti monotoni bħal dawk li jħobbu jiddibattu dwarhom it-​teoloġi u l-​membri tal-​kleru. Huma duttrini ħajjin li permezz tagħhom nitgħallmu ħafna affarijiet interessanti dwar x’jaħseb u xi jħoss Missierna li tant iħobbna. Per eżempju, il-​fidwa, il-​“misteru,” jew sigriet sagru, u d-​diversi pattijiet li Jehovah uża biex ibierek lill-​poplu tiegħu u jwettaq l-​iskopijiet tiegħu—dawn u ħafna oħrajn simili huma suġġetti li tibbenefika minnhom u tieħu gost tagħmel riċerka persunali dwarhom.​—1 Korintin 2:7.

      9, 10. (a) Il-kburija għala hija perikoluża, u x’se jgħinna nevitawha? (b) Meta niġu għall-​għarfien dwar Jehovah, għala għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nibqgħu umlin?

      9 Hekk kif tkompli żżid l-​għarfien tiegħek dwar veritajiet spiritwali profondi, oqgħod attent mill-​periklu li jġib miegħu l-​għarfien​—il-​kburija. (1 Korintin 8:1) Il-​kburija hija perikoluża, għax din tbiegħed lill-​bniedem minn Alla. (Proverbji 16:5; Ġakbu 4:6) Żomm dejjem f’moħħok li ebda bniedem m’għandu għalfejn jiftaħar bl-​għarfien li jkollu. Biex nagħtu eżempju, ikkunsidra dan il-​kliem meħud mill-​introduzzjoni taʼ ktieb li jitkellem dwar l-​avanzi iktar reċenti li l-​bniedem irnexxielu jagħmel fix-​xjenza: “Iktar ma nsiru nafu affarijiet, iktar nirrealizzaw kemm ma nafu xejn. . . . Kulma tgħallimna m’hu xejn meta jitqabbel maʼ dak li għad baqgħalna nitgħallmu.” Kemm hi sabiħa din l-​umiltà! Issa, meta niġu għall-​aqwa għarfien li jistaʼ jkollna​—l-​għarfien dwar Alla Jehovah​—kemm iktar għandna għalfejn nibqgħu umlin. Għala?

      10 Innota xi ftit stqarrijiet li l-​Bibbja tagħmel dwar Jehovah. “Kemm huma għolja ħsibijietek!” (Salm 92:6 [92:​5, NW]) “Bla tarf id-​dehen [taʼ Jehovah].” (Salm 147:5) “L-​għerf [taʼ Jehovah] ma ssibx tarfu.” (Isaija 40:28) “Kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal [jew l-​għarfien] taʼ Alla!” (Rumani 11:33) Jidher ċar li qatt ma nistgħu niskopru kollox dwar Jehovah. (Koħèlet 3:11) Hu għallimna ħafna affarijiet taʼ l-​għaġeb, iżda dejjem se jkollna ammont bla tarf t’għarfien li għad irridu nitgħallmu minnu. Ma ssibx int li dan il-​prospett iġagħlek tħossok eċċitat kif ukoll umli? Mela, hekk kif inkomplu nitgħallmu, ħalli dejjem nużaw l-​għarfien bħala bażi biex nersqu qrib Jehovah u ngħinu lil oħrajn jagħmlu hekk ukoll​—u qatt ma nużaw dan l-​għarfien bħala mezz biex nitgħollew fuq ħaddieħor.​—Mattew 23:12; Luqa 9:48.

      Esprimi Mħabbtek Lejn Jehovah

      11, 12. (a) Kif għandu jeffettwana l-​għarfien li nieħdu dwar Jehovah? (b) X’inhu li jiddetermina jekk l-​imħabba li xi ħadd ikollu għal Alla hijiex ġenwina jew le?

      11 B’mod xieraq, l-​appostlu Pawlu għamel konnessjoni bejn l-​għarfien u l-​imħabba. Hu kiteb: “Jien dan nitlob: li l-​imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-​għerf u b’kull dehen.” (Filippin 1:9) Minflok ma ġġagħalna nitkabbru, kull verità prezzjuża li nitgħallmu dwar Jehovah u dwar l-​iskopijiet tiegħu għandha tkabbrilna mħabbitna lejn Missierna tas-​sema.

      12 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin jgħid li jħobb lil Alla tassew iħobbu. Wieħed jistaʼ jkun sinċier u konvint minn dak li jħoss fil-​fond taʼ qalbu. Sentimenti bħal dawn huma tajbin, saħansitra taʼ min ifaħħarhom, meta jkunu fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt. Però ma jfissirx li kulmin għandu dawn is-​sentimenti għandu l-​imħabba vera għal Alla. Għala le? Innota x’tifsira tagħti l-​Kelma t’Alla taʼ din l-​imħabba: “Għax din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwann 5:3) Mela, l-​imħabba għal Jehovah hija ġenwina biss meta wieħed jesprimiha billi jaġixxi b’ubbidjenza.

      13. Il-​biżaʼ t’Alla kif se jgħinna nuru l-​imħabba tagħna lejn Jehovah?

      13 Il-​biżaʼ t’Alla se jgħinna nobdu lil Jehovah. Dan il-​biżaʼ kbir u r-​rispett profond lejn Jehovah jiġu billi nieħdu għarfien dwaru, nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet infiniti tiegħu taʼ qdusija, glorja, qawwa, ġustizzja, għerf, u mħabba. Biżaʼ bħal dan hu kruċjali biex wieħed jersaq qrib lejh. Fil-​fatt, innota x’jgħid Salm 25:14: “Midħla l-​Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.” Għalhekk, nistgħu nersqu qrib lejn Missierna tas-​sema biss jekk ikollna biżaʼ xieraq li ma nogħġbuhx. Il-​biżaʼ t’Alla se jgħinna nagħtu kas il-​parir għaqli mniżżel fi Proverbji 3:6: “Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Dan xi jfisser?

      14, 15. (a) X’inhuma xi deċiżjonijiet li aħna niffaċċjaw fil-​ħajja taʼ kuljum? (b) Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet b’mod li juri li għandna l-​biżaʼ t’Alla?

      14 Kuljum ikollna nieħdu xi deċiżjoni jew oħra, kemm jekk tkun kbira u kemm jekk tkun żgħira. Per eżempju, fuq xiex se titkellem maʼ sħabek fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, jew mal-​ġirien? (Luqa 6:45) Se tistinka fix-​xogħol li tiġi mqabbad biex tagħmel, jew se tara kif tagħmel biex kemm jistaʼ jkun ma titħabatx? (Kolossin 3:23) Se tagħmilha iktar maʼ dawk li neqsin mill-​imħabba lejn Jehovah, jew se tfittex li ssaħħaħ ir-​relazzjonijiet tiegħek maʼ wħud spiritwali? (Proverbji 13:20) X’se tagħmel, anki f’affarijiet żgħar, biex iġġib ’il quddiem l-​interessi tas-​Saltna t’Alla? (Mattew 6:33) Jekk tħalli prinċipji Skritturali, bħal dawk imsemmijin hawn, jiggwidawk f’kull deċiżjoni li tieħu kuljum, mela int qiegħed tabilħaqq tagħti kas Jehovah “f’kull ma tagħmel.”

      15 Fil-​fatt, f’kull deċiżjoni li nieħdu, għandna niġu gwidati minn dan il-​ħsieb: ‘Jehovah xi jridni nagħmel? Liema triq togħġbu l-​iktar?’ (Proverbji 27:11) Meta nuru l-​biżaʼ t’Alla b’dan il-​mod inkunu qed nesprimu l-​imħabba lejn Jehovah b’mod eċċellenti. Il-​biżaʼ t’Alla se jqanqalna wkoll nibqgħu nodfa​—spiritwalment, moralment, u fiżikament. Ftakar, fl-​istess vers li fih Ġakbu jħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jersqu lejn Alla,’ hu jwissi wkoll: “Midinbin, naddfu jdejkom; nies taʼ moħħ imħawwad, saffu qlubkom.”—Ġakbu 4:8.

      16. Billi nagħtu lil Jehovah, x’ma nistgħu qatt inwettqu, iżda x’jalla dejjem jirnexxilna nagħmlu?

      16 M’għandniex xi ngħidu, li nesprimu mħabbitna lejn Jehovah jinvolvi wisq iktar milli sempliċement ma nagħmlux dak li hu ħażin. L-​imħabba tqanqalna wkoll nagħmlu dak li hu tajjeb. Per eżempju, aħna kif nirreaġixxu għall-​ġenerożità tant kbira taʼ Jehovah? Ġakbu kiteb: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-​sema, jinżel mingħand il-​Missier, l-​għajn tad-​dawl.” (Ġakbu 1:17) Veru li meta nagħtu lil Jehovah minn dak li għandna, m’aħniex se nagħmluh iktar sinjur. L-​affarijiet u r-​riżorsi kollha li jeżistu huma diġà kollha tiegħu. (Salm 50:12) U meta lil Jehovah nagħtuh mill-​ħin u mill-​enerġija tagħna, ma nkunux qed inwettqu xi ħaġa li ma jistax iwettaqha b’mod ieħor. Anki kieku kellna nirrifjutaw li nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, hu jistaʼ jġiegħel lill-​ġebel jitkellem! Mela, għalfejn nagħtu mill-​affarijiet materjali, mill-​ħin, u mill-​enerġija tagħna lil Jehovah? Primarjament, għaliex b’hekk nesprimu mħabbitna lejh b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha.​—Mark 12:​29, 30.

      17. X’jistaʼ jqanqalna biex nagħtu bil-​ferħ lil Jehovah?

      17 Meta nagħtu lil Jehovah, għandna nagħmlu dan minn qalbna, “għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Il-​prinċipju li nsibu f’Dewteronomju 16:17 jistaʼ jgħinna nagħtu bil-​ferħ: “Kulħadd jagħti kemm jistaʼ skond il-​barka li jkun tak il-​Mulej, Alla tiegħek.” Meta nirriflettu ftit dwar kemm Jehovah hu ġeneruż magħna, inkunu nixtiequ nagħtuh kulma nistgħu minn qalbna. Dan l-​għoti jferraħlu qalbu, l-​istess bħalma rigal żgħir mingħand daqsxejn taʼ tifel iferraħ qalb il-​ġenitur tiegħu li tant iħobbu. Meta nesprimu mħabbitna b’dan il-​mod aħna se nersqu eqreb lejn Jehovah.

      Ibni l-​Intimità Permezz tat-​Talb

      18. Għala jkun siewi li nikkunsidraw kif nistgħu ntejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna?

      18 Il-​mumenti li nqattgħu f’talb privat jipprovdulna opportunità imprezzabbli​—okkażjonijiet għal diskursati intimi u kunfidenzjali maʼ Missierna tas-​sema. (Filippin 4:6) Ladarba t-​talb huwa mezz vitali kif nersqu qrib lejn Alla, nagħmlu tajjeb li nieqfu ftit u nikkunsidraw xi kwalità taʼ talb qed noffru. Dan ma jfissirx li t-​talb tagħna għandu jispikka fil-​kliem u fl-​għamla tiegħu, imma meta nitolbu għandna nesprimu ruħna b’espressjonijiet sinċieri li jiġu minn qalbna. Kif nistgħu ntejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna?

      19, 20. Għala huwa tajjeb li nimmeditaw qabel nitolbu, u x’inhuma xi suġġetti xierqa li nistgħu nimmeditaw dwarhom?

      19 Forsi nipprovaw nimmeditaw ftit qabel nitolbu. Jekk nimmeditaw qabel, it-​talb tagħna jistaʼ jsir iktar speċifiku u sinifikanti, u b’hekk ma niħduhiex drawwa li nirrepetu xi frażijiet familjari jew li jiġu malajr f’moħħna. (Proverbji 15:​28, 29) Forsi jkun t’għajnuna li nirriflettu ftit dwar xi affarijiet li Ġesù semma fit-​talba mudell tiegħu u mbagħad nikkunsidraw kif nistgħu napplikawhom fiċ-​ċirkustanzi tagħna stess. (Mattew 6:​9-13) Per eżempju, forsi nistaqsu lilna nfusna x’sehem żgħir nittamaw li jkollna fit-​twettiq tar-​rieda taʼ Jehovah hawn fuq l-​art. Nistgħu aħna nuru lil Jehovah dwar ix-​xewqa tagħna li nkunu utli għalih bl-​iktar mod possibbli u nitolbu l-​għajnuna tiegħu biex inwettqu kwalunkwe inkarigu li jistaʼ jagħtina? Inħossuna aħna mtaqqlin minħabba tħassib dwar bżonnijiet materjali? Dwar liema dnubiet jeħtieġ li nitolbu maħfra, u lejn min għandna bżonn nuru iktar maħfra? Maʼ liema tentazzjonijiet irridu nħabbtu wiċċna, u nirrealizzaw aħna kemm għandna bżonn urġenti tal-​protezzjoni taʼ Jehovah f’dan ir-​rigward?

      20 Barra minn hekk, nistgħu niftakru f’nies li nafu li għandhom bżonn partikulari taʼ l-​għajnuna taʼ Jehovah. (2 Korintin 1:11) Iżda, m’għandniex ninsew nirringrazzjaw lil Alla. Jekk nieqfu ftit u naħsbu dwar dan, żgur li se niftakru f’ħafna raġunijiet għala għandna nirringrazzjaw lil Jehovah u nfaħħruh kuljum għat-​tjubija kbira li juri magħna. (Dewteronomju 8:10; Luqa 10:21) Meta nagħmlu dan se nibbenefikaw b’mod ieħor għax dan se jgħinna biex ikollna attitudni iktar pożittiva u t’apprezzament lejn il-​ħajja.

      21. Liema huma xi eżempji Skritturali, li meta nistudjaw dwarhom, jistgħu jgħinuna meta nersqu lejn Jehovah bit-​talb?

      21 L-​istudju wkoll jistaʼ jgħin it-​talb tagħna. Fil-​Bibbja nistgħu nsibu talb impressjonanti taʼ rġiel u nisa leali. Per eżempju, jekk quddiemna titfaċċa problema diffiċli li ġġagħalna nkunu ansjużi u saħansitra nibżgħu li se jiġri xi ħaġa lilna jew lill-​għeżież tagħna, nistgħu naqraw it-​talba li qal Ġakobb qabel ma mar jiltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw li tant kien vendikattiv. (Ġenesi 32:​10-13 [32:​9-12, NW]) Jew forsi nistgħu nimmeditaw fuq it-​talba li lissen is-​Sultan Asa meta armata taʼ madwar miljun Etjopjan kienet qed thedded lill-​poplu t’Alla. (2 Kronaki 14:​10, 11 [14:​11, 12, NW]) Jekk inkunu inkwetati minħabba xi problema li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq l-​isem tajjeb taʼ Jehovah, allura nagħmlu sew li nikkunsidraw it-​talba li Elija talab quddiem l-​aduraturi taʼ Bagħal fuq il-​Muntanja tal-​Karmel, kif ukoll it-​talba taʼ Neħemija rigward l-​istat tal-​biki li Ġerusalemm kienet tinsab fih. (1 Slaten 18:​36, 37; Neħemija 1:​4-11) Meta naqraw u nimmeditaw fuq talb bħal dan, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ u dan jagħtina ideat dwar kif nistgħu nersqu lejn Jehovah b’dak kollu li jkun qed itaqqalna.

      22. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2003, u x’nistgħu nistaqsu lilna nfusna minn żmien għal żmien matul is-​sena?

      22 Jidher ċar li m’hemm ebda unur akbar, ebda mira aqwa, milli nagħtu kas il-​parir taʼ Ġakbu biex ‘nersqu lejn Alla.’ (Ġakbu 4:8) Jalla nagħmlu dan billi nkomplu nimxu ’l quddiem fl-​għarfien tagħna dwar Alla, billi nfittxu li nesprimu iktar u iktar imħabbitna lejh, u billi niżviluppaw intimità miegħu permezz tat-​talb. Matul is-​sena 2003, filwaqt li nżommu f’moħħna Ġakbu 4:8 bħala l-​iskrittura tas-​sena, ejja nkomplu neżaminaw lilna nfusna jekk aħniex tabilħaqq qed nersqu qrib lejn Jehovah. Iżda, xi ngħidu dwar l-​aħħar parti taʼ din l-​istqarrija? F’liema sens Jehovah se ‘jersaq lejna,’ u dan x’barkiet se jġibilna? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

  • “Hu Jersaq Lejkom”
    It-Torri tal-Għassa—2002 | Diċembru 15
    • “Hu Jersaq Lejkom”

      “[Alla] m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”​—ATTI 17:27.

      1, 2. (a) Meta nħarsu lejn is-​sema mimli kwiekeb, x’mistoqsija nistgħu nistaqsu dwar il-​Ħallieq? (b) Il-​Bibbja kif tiżgurana li aħna l-​bnedmin m’aħniex insinifikanti f’għajnejn Jehovah?

      QATT ħarist lejn sema mimli kwiekeb f’lejl bnazzi u bqajt imsaħħar? In-​numru bla għadd taʼ kwiekeb u l-​kobor infinit taʼ l-​ispazju jġagħluk tibqaʼ miblugħ. F’dan l-​univers immens, l-​art m’hijiex ħlief naqra taʼ tikka. Ifisser dan li l-​Ħallieq, “l-​Għoli fuq l-​art kollha,” huwa kbir wisq biex jagħti kas il-​bnedmin? Jinsab Hu daqshekk ’il bogħod li diffiċli biex insiru nafuh daqskemm hu bla tarf?​—Salm 83:19 (83:​18, NW).

      2 Il-​Bibbja tiżgurana li Jehovah ma jqisx il-​bnedmin bħala insinifikanti f’għajnejh, anzi l-​kontra. Fil-​fatt, il-​Kelma t’Alla tinkuraġġina biex infittxuh, u tgħidilna: “Hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27; 1 Kronaki 28:9) Tabilħaqq, jekk aħna nieħdu passi biex nersqu qrib lejn Alla, hu se jaġixxi għall-​isforzi tagħna. B’liema mod? Il-​kliem taʼ l-​iskrittura għas-​sena 2003 jagħti din it-​tweġiba li tqanqal il-​qalb: “Hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Ejja niddiskutu xi ftit mill-​barkiet meraviljużi li Jehovah jagħti b’mod tant ġeneruż lil dawk li huma qrib tiegħu.

      Rigal Persunali Mingħand Jehovah

      3. Jehovah liema rigal jagħti lil dawk li jersqu qrib lejh?

      3 L-​ewwelnett, il-​qaddejja taʼ Jehovah għandhom rigal prezzjuż li hu ħejja għan-​nies tiegħu. La l-​poter, la r-​rikkezzi, u lanqas l-​edukazzjoni kollha li toffri din is-​sistema t’affarijiet ma jistgħu jiggarantixxu dan ir-​rigal. Huwa rigal persunali, rigal li Jehovah jagħti biss lil dawk li huma qrib tiegħu. X’inhu? Il-​Kelma t’Alla twieġeb: “Jekk . . . tgħolli leħnek għall-​fehma t-​tajba; jekk tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif taʼ Alla. Għax il-​Mulej jagħti l-​għerf.” (Proverbji 2:​3-6) Immaġina bnedmin imperfetti li kapaċi jsibu “t-​tagħrif taʼ Alla”! Dan ir-​rigal​—it-​tagħrif, jew l-​għarfien, li jinsab fil-​Kelma t’Alla—jitqabbel maʼ “teżor moħbi.” Għala?

      4, 5. L-għarfien, jew “it-​tagħrif, taʼ Alla,” għala jistaʼ jitqabbel maʼ ‘teżori moħbijin’? Agħti eżempju.

      4 L-​ewwel ħaġa, l-​għarfien dwar Alla għandu valur kbir ferm. Waħda mill-​iktar barkiet prezzjużi li jġib miegħu hi l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Imma dan l-​għarfien itejbilna ħajjitna saħansitra minn issa. Per eżempju, bħala riżultat taʼ l-​istudju bir-​reqqa li għamilna mill-​Kelma t’Alla, aħna sirna nafu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet importanti bħal: X’inhu l-​isem t’Alla? (Salm 83:19 [83:​18, NW]) X’inhi l-​kundizzjoni vera tal-​mejtin? (Koħèlet 9:​5, 10) X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​bnedmin? (Isaija 45:18) Sirna nafu wkoll li l-​aqwa mod kif nistgħu ngħixu hu billi napplikaw il-​pariri għaqlin tal-​Bibbja. (Isaija 30:​20, 21; 48:​17, 18) B’hekk, għandna gwida soda li tgħinna nkampaw maʼ l-​ansjetajiet tal-​ħajja u nkomplu mexjin fit-​triq li ġġibilna sodisfazzjon u ferħ ġenwin. Fuq kollox, l-​istudju tagħna tal-​Kelma t’Alla għenna nsiru nafu l-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Jehovah u wriena kif nersqu qrib lejh. X’jistaʼ jkun iktar prezzjuż minn relazzjoni mill-​qrib maʼ Jehovah ibbażata fuq l-​għarfien dwar Alla?

      5 Hemm raġuni oħra għala l-​għarfien dwar Alla jistaʼ jitqabbel maʼ ‘teżori moħbijin.’ Bħal ħafna teżori, dan hu pjuttost rari f’din id-​dinja. Mis-​sitt biljun abitant taʼ dan il-​globu, xi sitt miljun aduratur taʼ Jehovah, jew madwar 1 minn kull 1,000, sabuh l-​għarfien dwar Alla. Biex nagħtu eżempju taʼ kemm hu rari t-​teżor li għandna li nafu l-​verità tal-​Kelma t’Alla, ikkunsidra sempliċement mistoqsija waħda mill-​Bibbja: X’jiġrilhom il-​bnedmin meta jmutu? Aħna nafu mill-​Iskrittura li r-​ruħ tmut u li l-​mejtin ma jafu xejn. (Eżekjel 18:​4, Karm Żammit) Madankollu, it-​twemmin falz li xi ħaġa ġewwa persuna tkompli tgħix wara l-​mewt huwa aċċettat mill-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet tad-​dinja. Huwa parti fundamentali mir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu. Dan jinsab ukoll fil-​Buddiżmu, fil-​Ġajniżmu, fil-​Ġudaiżmu, fil-​Ħinduiżmu, fl-​Islam, fis-​Sikhiżmu, fit-​Taoiżmu, u fix-​Xintù. Aħseb ftit​—biljuni taʼ nies jinsabu mqarrqin minn din id-​duttrina falza waħda.

      6, 7. (a) Min biss jistaʼ jsib l-​għarfien dwar Alla? (b) Liema eżempju juri li Jehovah berikna b’dehen li lanqas ħafna nies għorrief u intellettwali m’għandhom?

      6 Għala ma kienx hemm iżjed nies li sabu l-​għarfien dwar Alla? Għaliex aħna l-​bnedmin ma nistgħux nifhmu kompletament it-​tifsir tal-​Kelma t’Alla mingħajr l-​għajnuna Tiegħu. Ftakar li dan l-​għarfien huwa rigal. Jehovah jagħtih biss lil dawk li huma lesti li jfittxu fil-​Kelma tiegħu bl-​onestà u bl-​umiltà. Dawn forsi ma jkunux “għorrief skond il-​qjies tad-​dinja.” (1 Korintin 1:26) Skond il-​livelli tad-​dinja, ħafna minnhom jistgħu saħansitra jitqiesu bħala nies “sempliċi u bla tagħlim.” (Atti 4:13) Imma dan mhux importanti. Jehovah jippremjana bl-​għarfien dwaru minħabba l-​kwalitajiet li hu jara f’qalbna.

      7 Ikkunsidra eżempju. Ħafna studjużi fil-​Kristjaneżmu pproduċew kummentarji estensivi dwar il-​Bibbja. Dawn ix-​xogħlijiet taʼ referenza forsi jispjegaw l-​isfond storiku, it-​tifsir taʼ kliem bl-​Ebrajk u bil-​Grieg, u ħafna affarijiet oħra. Bl-​istudju kollu tagħhom, irnexxielhom dawn l-​istudjużi verament isibu l-​għarfien dwar Alla? Sewwa, jifhmu huma b’mod ċar x’inhi t-​tema tal-​Bibbja​—l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tas-​Saltna tiegħu tas-​sema? Jafu li Alla Jehovah m’huwiex parti minn Trinità? Imma aħna differenti minnhom għax nistgħu nifhmu eżatt dawn l-​affarijiet. Għala? Għax Jehovah berikna b’dehen biex nifhmu veritajiet spiritwali li n-​nies għorrief u intellettwali ma jistgħux jifhmuhom. (Mattew 11:25) Kemm iberikhom Jehovah lil dawk li huma qrib tiegħu!

      “Iħares il-​Mulej    lil Ħbiebu Kollha”

      8, 9. (a) David kif iddeskriva barka oħra għal dawk li huma qrib Jehovah? (b) Il-​Kristjani veri għala jeħtiġuha l-​protezzjoni divina?

      8 Dawk li huma qrib Jehovah igawdu barka oħra​—il-​protezzjoni divina. Is-​salmista David, li għadda minn ħafna diffikultajiet u problemi, kiteb: “Qrib il-​Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-​sewwa. Jaqtgħalhom xewqathom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-​għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-​Mulej lil ħbiebu kollha.” (Salm 145:​18-20) Iva, Jehovah hu qrib dawk li jħobbuh, u għalhekk ikun pront iwieġeb it-​talb tagħhom għall-​għajnuna.

      9 Għala neħtiġuha l-​protezzjoni divina? Minbarra li qed iħossu l-​effetti taʼ dan iż-​“żmien iebes” li mhux faċli ssib tarfu, il-​Kristjani veri huma l-​mira prinċipali taʼ l-​avversarju ewlieni taʼ Jehovah, Satana x-​Xitan. (2 Timotju 3:1) Dan l-​għadu makakk hu determinat li ‘jiblagħna.’ (1 Pietru 5:8) Satana jagħmlilna persekuzzjonijiet, pressjonijiet, u tentazzjonijiet. Hu jfittex biex jara jistax jipprofitta ruħu minn attitudnijiet kemm tal-​moħħ kif ukoll tal-​qalb. F’moħħu għandu objettiv wieħed: li jdgħajfilna l-​fidi tagħna u jeqridna spiritwalment. (Apokalissi 12:​12, 17) Ladarba rridu niffaċċjaw għadu daqshekk qawwi, ma jqawwilniex qalbna li nkunu nafu li Jehovah ‘iħares lil ħbiebu kollha’?

      10. (a) Jehovah kif iħares lin-​nies tiegħu? (b) Liema xorta taʼ protezzjoni hija l-​iktar importanti, u għala?

      10 Iżda, Jehovah kif iħarishom lin-​nies tiegħu? Il-​wegħda tiegħu li jipproteġina m’hijiex garanzija taʼ ħajja mingħajr problemi f’din is-​sistema; lanqas ma tfisser li hu obbligat jagħmel xi mirakli minħabba fina. Minkejja dan, Jehovah jipproteġi fiżikament lin-​nies tiegħu bħala grupp. Wara kollox, hu qatt ma se jħalli lix-​Xitan jeqred lill-​aduraturi veri minn fuq wiċċ l-​art! (2 Pietru 2:9) Fuq kollox, Jehovah jipproteġina spiritwalment. Hu jarmana b’dak li għandna bżonn biex inkunu nistgħu nissaportu l-​provi u nipproteġu r-​relazzjoni tagħna miegħu. Fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​protezzjoni spiritwali hija l-​iktar xorta taʼ protezzjoni importanti. Għala? Għaliex sakemm għandna din ir-​relazzjoni tajba maʼ Jehovah, xejn​—lanqas il-​mewt​—ma jistaʼ jagħmlilna ħsara li ma tistax tissewwa.​—Mattew 10:28.

      11. Jehovah liema provvedimenti għamel għall-​protezzjoni spiritwali tan-​nies tiegħu?

      11 Jehovah għamel abbundanza taʼ provvedimenti għall-​protezzjoni taʼ dawk li huma qrib tiegħu. Permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, hu jagħtina l-​għerf biex inkunu nistgħu nkampaw maʼ diversi provi. (Ġakbu 1:​2-5) Tagħmel differenza kbira meta aħna napplikaw il-​pariri prattiċi li nsibu fl-​Iskrittura. Barra minn hekk, Jehovah jagħti “spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13) Dak l-​ispirtu huwa l-​iktar forza qawwija fl-​univers, u għalhekk żgur li jistaʼ jarmana biex niffaċċjaw kwalunkwe prova jew tentazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ. Permezz taʼ Kristu, Jehovah jipprovdi “għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:​8, NW) Meta jgħinu lill-​aduraturi sħabhom, dawn l-​irġiel kwalifikati spiritwalment jistinkaw biex jimitaw il-​mogħdrija kbira li juri Jehovah innifsu.​—Ġakbu 5:​14, 15.

      12, 13. (a) Jehovah liema mezz juża biex jipprovdilna l-​ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq? (b) Kif tħossok dwar il-​provvedimenti li Jehovah jagħmel għall-​ġid spiritwali tagħna?

      12 Jehovah jipprovdi xi ħaġa oħra biex iħarisna: ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. (Mattew 24:45) Jehovah jipprovdilna dak li għandna bżonn f’waqtu permezz taʼ pubblikazzjonijiet stampati, inkluż ir-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, kif ukoll il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet. Tiftakar xi okkażjoni meta smajt xi ħaġa f’xi laqgħa, assemblea, jew konvenzjoni Kristjana li messitlek qalbek u saħħitek jew kienet taʼ faraġ għalik? Qatt qrajt xi artiklu f’waħda mir-​rivisti li semmejna hawn fuq u ħassejt li kien miktub għalik?

      13 Waħda mill-​iktar armi effettivi taʼ Satana hija l-​iskuraġġiment, u aħna wkoll niġu effettwati minn dan. Hu jaf tajjeb li iktar ma nħallu d-​disprament jirkibna, iktar se nitilfu s-​saħħa, u saħansitra niddgħajfu. (Proverbji 24:10) Peress li Satana qed jipprova jipprofitta ruħu minn sentimenti negattivi, aħna għandna bżonn l-​għajnuna. Fir-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! kultant jidhru xi artikli li jgħinuna nikkumbattu l-​iskuraġġiment. Dwar artiklu minnhom, oħt Kristjana kitbet: “Jien naqra l-​artiklu kważi kuljum, u dejjem jaqbiżli d-​dmugħ. Inżommu ħdejn is-​sodda tiegħi sabiex inkun nistaʼ nsibu meta nħossni skuraġġita. Permezz t’artikli bħal dawn, jien inħoss lil Jehovah bħallikieku jdawwar dirgħajh madwari biex jipproteġini.”a M’aħniex grati li Jehovah jipprovdilna tant ikel spiritwali f’waqtu? Ftakar, il-​provvedimenti tiegħu għall-​ġid spiritwali tagħna huma evidenza li hu qrib tagħna u li jinsab għal-​lest biex jipproteġina.

      Nistgħu Nersqu Lejn Semmiegħ it-​Talb

      14, 15. (a) Jehovah liema barka persunali jitfaʼ fuq dawk li huma qrib tiegħu? (b) Il-​fatt li aħna nistgħu nersqu bil-​libertà lejn Jehovah permezz tat-​talb għala hu privileġġ taʼ l-​għaġeb?

      14 Qatt innotajt li malli xi ħadd jikseb il-​poter u l-​awtorità, spiss dawk taʼ taħtu ma jkunux jistgħu javviċinawh? Iżda, xi ngħidu dwar Alla Jehovah? Jinsab hu ’l bogħod wisq biex ikun interessat fl-​espressjonijiet li jsirulu minn sempliċi bnedmin? Għall-​kuntrarju! Ir-​rigal tat-​talb hu jerġaʼ barka oħra li Jehovah jagħti lil dawk li huma qrib tiegħu. Il-​fatt li nistgħu nersqu bil-​libertà lejn Semmiegħ it-​talb huwa verament privileġġ taʼ l-​għaġeb. (Salm 65:3 [65:​2, NW]) Għala?

      15 Biex nagħtu eżempju: Prinċipal taʼ kumpanija kbira għandu ħafna responsabbiltajiet. Dan jiddeċiedi liema affarijiet għandu jieħu ħsiebhom hu personalment u liema affarijiet jafda f’idejn ħaddieħor. Bl-​istess mod, il-​Ħakkiem Sovran taʼ l-​univers għandu l-​għażla li jiddetermina liema affarijiet se jinvolvi ruħu direttament fihom u liema affarijiet se jafda f’idejn ħaddieħor. Ikkunsidra dak kollu li Jehovah fada f’idejn Ibnu l-​maħbub, Ġesù. L-​iben ngħata “s-​setgħa li jagħmel ħaqq.” (Ġwann 5:27) L-​anġli ‘tqiegħdu taħtu.’ (1 Pietru 3:22) Jehovah poġġa l-​ispirtu qaddis tiegħu, li hu tant qawwi, għad-​dispożizzjoni taʼ Ġesù biex permezz taʼ dan l-​ispirtu jkun jistaʼ jmexxi lid-​dixxipli tiegħu fuq l-​art. (Ġwann 15:26; 16:7) Minħabba f’hekk, Ġesù setaʼ jgħid: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18) Madankollu, fejn jidħol it-​talb tagħna, Jehovah għażel li jinvolvi ruħu personalment. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tgħidilna biex nindirizzaw it-​talb tagħna lil Jehovah biss, u biex dan nagħmluh f’isem Ġesù.—Salm 69:14 (69:​13, NW); Ġwann 14:​6, 13.

      16. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah tassew jismaʼ talbna?

      16 Jehovah tassew jismaʼ talbna? Li kieku kien indifferenti jew ma jimpurtahx, ma kienx se jħeġġiġna biex ‘nitolbu bla waqfien’ jew biex nitfgħu t-​tagħbijiet u t-​tħassib tagħna fuqu. (Rumani 12:12; Salm 55:​22, KŻ; 1 Pietru 5:7) Qaddejja leali fi żminijiet Bibliċi kellhom fiduċja sħiħa li Jehovah jismaʼ t-​talb. (1 Ġwann 5:14) B’hekk, is-​salmista David stqarr: “[Jehovah] jismaʼ l-​leħen tiegħi.” (Salm 55:18 [55:​17, NW]) Aħna wkoll għandna għalfejn inkunu fiduċjużi li Jehovah jinsab qrib, lest li jismaʼ dwar kull tħassib u ansjetà li jistaʼ jkollna.

      Jehovah Jippremja lill-​Qaddejja Tiegħu

      17, 18. (a) Jehovah kif iħossu dwar is-​servizz leali tal-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu? (b) Spjega kif Proverbji 19:17 juri li l-​għemejjel taʼ ħniena li nagħmlu kollha jiġu notati minn Jehovah.

      17 Il-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala s-​Sovran Universali ma tiġix effettwata minn dak li jagħmlu jew ma jagħmlux il-​bnedmin tad-​demm u l-​laħam. Madankollu, Jehovah hu Alla li dejjem lest juri apprezzament. Għalih hu prezzjuż​—fil-​fatt, għażiż​—is-​servizz leali tal-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu. (Salm 147:11) Dan, mela, hu benefiċċju ieħor li jgawdu dawk li huma qrib Jehovah: Hu jippremja lill-​qaddejja tiegħu.​—Lhud 11:6.

      18 Il-​Bibbja turi ċar li dak li jagħmlu l-​aduraturi taʼ Jehovah huwa prezzjuż ferm f’għajnejh. Per eżempju, naqraw: “Min iħenn għall-​fqir ikun qed jislef lill-​Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) Il-​konsiderazzjoni mimlija ħniena li Jehovah juri lill-​fqajrin kienet riflessa fil-​Liġi Mosajka. (Levitiku 14:21; 19:15) Jehovah kif iħossu meta nimitaw il-​ħniena tiegħu fil-​mod kif nittrattaw lill-​fqajrin? Meta nagħtu lill-​fqar, u ma nippretendux li jpattuhulna, Jehovah iqis dan bħallikieku qed nisilfu Lilu. Jehovah iwiegħed li jħallas lura dan id-​dejn permezz t’appoġġ u barkiet. (Proverbji 10:22; Mattew 6:​3, 4; Luqa 14:​12-14) Iva, Jehovah iħoss qalbu titqanqal meta nuru mogħdrija lejn wieħed minn sħabna l-​Kristjani li jkun fil-​bżonn. Kemm aħna grati li nafu li Missierna tas-​sema jinnota l-​għemejjel taʼ ħniena li nagħmlu!—Mattew 5:7.

      19. (a) Għala nistgħu nkunu żguri li Jehovah japprezza dak li aħna nagħmlu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u f’li nagħmlu dixxipli? (b) Jehovah kif jippremja l-​atti taʼ servizz li jsiru b’appoġġ għas-​Saltna tiegħu?

      19 Jehovah japprezza speċjalment ix-​xogħol tagħna f’konnessjoni mas-​Saltna. Meta nersqu qrib lejn Jehovah, hija ħaġa naturali li nkunu rridu nużaw il-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tagħna biex ikollna sehem sħiħ fix-​xandir tas-​Saltna u f’li nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:​19, 20) Kultant, nistgħu nħossu li ma tantx qed ikollna suċċess. Taʼ bnedmin imperfetti li aħna, qalbna tistaʼ saħansitra ġġagħalna niddubitaw jekk Jehovah huwiex qed jieħu pjaċir bl-​isforzi li qed nagħmlu. (1 Ġwann 3:​19, 20) Imma Jehovah jgħożż kull għotja​—tkun kemm tkun żgħira—basta tiġi minn qalb imqanqla mill-​imħabba. (Mark 12:​41-44) Il-​Bibbja tiżgurana: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Tabilħaqq, Jehovah jiftakar u jippremja saħansitra l-​iċken att taʼ servizz li nagħmlu b’appoġġ għas-​Saltna tiegħu. Minbarra l-​barkiet spiritwali kbar li jkollna issa, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-​ferħ taʼ ħajja fid-​dinja l-​ġdida li ġejja, meta Jehovah, b’mod ġeneruż, se jiftaħ idu u jissodisfa x-​xewqat tajbin taʼ kulmin ikun qrib tiegħu!​—Salm 145:16; 2 Pietru 3:13.

      20. Matul is-​sena 2003, kif nistgħu nżommu f’moħħna l-​kliem taʼ l-​iskrittura tas-​sena, u b’liema riżultat?

      20 Matul is-​sena 2003, ejja nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nagħmlu sforz kontinwu biex nersqu qrib Missierna tas-​sema. Jekk qed nagħmlu hekk, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jaġixxi skond ma wiegħed. Wara kollox, Alla ma jistax jigdeb. (Titu 1:2) Jekk tersaq lejh, hu jersaq lejk. (Ġakbu 4:8) U xi jkun ir-​riżultat? Barkiet kbar issa u l-​prospett li nersqu dejjem eqreb lejn Jehovah għall-​eternità kollha!

      [Nota taʼ taħt]

      a Kumment li sar minn qarrejja dwar l-​artiklu “Jehovah Hu Akbar minn Qlubna,” fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 2000, paġni 28-31.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja