-
L-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel—Min huma?It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2017 | Nru. 3
-
-
IR-RIKKIEB TAŻ-ŻIEMEL L-ABJAD
Il-viżjoni tibda hekk: “Rajt, u, ara, żiemel abjad; u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.”—Rivelazzjoni 6:2.
Min hu r-rikkieb taż-żiemel l-abjad? Il-bażi biex inkunu nafu min hu nsibuha fl-istess ktieb tal-Bibbja, ir-Rivelazzjoni, li iktar tard jidentifika lil dan ir-rikkieb tas-sema bħala “l-Kelma t’Alla.” (Rivelazzjoni 19:11-13) Dan it-titlu, Il-Kelma, hu taʼ Ġesù Kristu, għax hu jaġixxi bħala l-kelliemi t’Alla. (Ġwanni 1:1, 14) Apparti minn hekk, hu jissejjaħ “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien” u hu deskritt bħala “Leali u Veru.” (Rivelazzjoni 19:11, 16) B’mod ċar, hu għandu l-awtorità biex ikun sultan-gwerrier, u hu ma jużax il-qawwa tiegħu b’xi mod korrott jew abbużiv. Madankollu, iqumu xi mistoqsijiet.
Min tah l-awtorità lil Ġesù biex jirbaħ? (Rivelazzjoni 6:2) Il-profeta Danjel ra viżjoni fejn il-Messija, bħala “bin il-bniedem,” ingħata “ħakma, dinjità, u saltna.” Dawn ingħatawlu minn ħadd ħlief “ix-Xiħ fil-Jiem,” jiġifieri Alla Ġeħova.a (Danjel 7:13, 14) B’hekk, huwa l-Alla li Jistaʼ Kollox li lil Ġesù tah il-qawwa u d-dritt li jmexxi u jiġġudika. Minħabba li l-Iskrittura spiss tuża l-kulur abjad biex tissimbolizza ġustizzja, iż-żiemel l-abjad huwa simbolu xieraq tal-gwerra mmexxija b’mod ġust minn Iben Alla.—Rivelazzjoni 3:4; 7:9, 13, 14.
Ir-rikkieba taż-żwiemel meta bdew il-ġirja tagħhom? Innota li l-ewwel rikkieb, Ġesù, jibda l-ġirja tiegħu meta jirċievi kuruna. (Rivelazzjoni 6:2) Ġesù meta nħatar bħala Sultan fis-sema? Dan ma kienx meta mar lura fis-sema wara mewtu. Il-Bibbja turi li lura f’dak iż-żmien inbeda perijodu taʼ stennija. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù lis-segwaċi tiegħu qalilhom kif jistgħu jagħrfu t-tmiem taʼ dan il-perijodu taʼ stennija u l-bidu tat-tmexxija tiegħu fis-sema. Hu qal li fil-bidu tat-tmexxija tiegħu, il-kundizzjonijiet tad-dinja kienu se jieħdu xejra għall-agħar. Kellu jkun hemm gwerer, nuqqas t’ikel, u mard li jittieħed. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:10, 11) Ftit wara li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, sar ovvju li l-bniedem daħal f’dan il-perijodu, żmien t’inkwiet fuq l-art li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-5.
Ladarba Ġesù rċieva l-kuruna tiegħu fl-1914, għala l-kundizzjonijiet marru għall-agħar u mhux għall-aħjar? Għax f’dak iż-żmien, Ġesù beda jmexxi fis-sema, u mhux fuq l-art. F’dak iż-żmien faqqgħet gwerra fis-sema, u s-Sultan li kien għadu kif ġie maħtur, Ġesù, li jissejjaħ Mikiel, waddab fuq l-art lil Satana u d-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 12:7-9, 12) Minħabba f’hekk, Satana għadu mimli rabja għax jaf li ma fadallux ħafna żmien. Fil-fatt, Alla mhux se jdum biex iwettaq ir-rieda tiegħu kontra Satana hawn fuq l-art. (Mattew 6:10) Issa, ejjew naraw kif it-tlett iżwiemel l-oħra jgħinuna nikkonfermaw li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” t’inkwiet. Għall-kuntrarju tal-ewwel rikkieb, li b’mod ċar jagħti stampa taʼ individwu partikulari, it-tlieta taʼ warajh jirrappreżentaw il-kundizzjonijiet tad-dinja li nfirxu malajr fuq in-nies kollha.
-