It-Tlieta, 8 taʼ Settembru
“Ġeħova baqaʼ jwissi lil Iżrael u lil Ġuda permezz tal-profeti kollha tiegħu.”—2 Slat. 17:13.
Ħafna drabi, meta l-Iżraelin ma kinux jobdu lil Ġeħova hu kien jibagħtilhom lill-profeti biex jgħidilhom x’kien se jiġri jekk ma jinbidlux, u biex jgħinhom. Pereżempju, Alla qal lil Ġeremija biex lill-Iżraelin jgħidilhom: “Erġaʼ lura, O Israel ir-ribelluża . . . Ma nħarisx iktar b’wiċċ irrabjat lejkom, għax jien leali . . . M’iniex se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem. Biss agħraf l-iżball tiegħek, għax int kontra Ġeħova Alla tiegħek dnibt.” (Ġer. 3:12, 13) Ġeħova qal lil Ġoel biex jgħidilhom: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha.” (Ġoel 2:12, 13) Permezz taʼ Isaija qalilhom: “Tnaddfu; neħħu l-ħażen t’għemilkom minn quddiem għajnejja; tibqgħux tagħmlu l-ħażen.” (Isa. 1:16-19) U permezz taʼ Eżekjel, Ġeħova staqsa: “Jaqaw jien nitgħaxxaq b’xi mod bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin, . . . u mhux li dan idur lura minn triqatu u jibqaʼ jgħix? Għax jien ma niħux pjaċir meta xi ħadd imut, . . . mela, duru lura u ibqgħu għixu.” (Eżek. 18:23, 32) Ġeħova jkun vera ferħan meta n-nies jindmu għax hu jixtieqhom jgħixu għal dejjem! w24.08 9 ¶5-6
L-Erbgħa, 9 taʼ Settembru
“Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla. Dan jgħin biex jgħallem lin-nies.”—2 Tim. 3:16.
Ġeħova jagħti l-ikel spiritwali, id-direzzjoni u jipproteġi lil kull wieħed minna. Mod kif Ġeħova ma jurix preferenzi hu billi għamilha possibbli għan-nies kollha biex jaqraw il-Bibbja. Fil-bidu, il-Bibbja nkitbet bi tliet lingwi: bl-Ebrajk, bl-Aramajk, u bil-Grieg. Min jaf jaqra b’dawn it-tliet lingwi għandu ħbiberija iżjed mill-qrib ma’ Ġeħova minn oħrajn? Le. (Mt. 11:25) Għal Ġeħova mhuwiex importanti kemm in-nies ikollhom skola jew jekk jafux jaqraw il-Bibbja bil-lingwi oriġinali. Hu jagħti l-għerf tiegħu lil kulħadd. Allura, il-Bibbja hi tradotta b’eluf taʼ lingwi. B’hekk, nies mid-dinja kollha jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u jsiru l-ħbieb tiegħu.—2 Tim. 3:16, 17. w24.06 6-7 ¶13-15
Il-Ħamis, 10 taʼ Settembru
“Ġerusalemm . . . dalwaqt tinqered.”—Luqa 21:20.
Il-qerda taʼ Ġerusalemm, li Ġesù kien tkellem dwarha, kienet kważi waslet. Il-Kristjani kellhom jużaw il-ħin tagħhom sew biex jippreparaw lilhom infushom billi jsaħħu l-fidi u jitgħallmu jissaportu iktar. (Lhud 10:25; 12:1, 2) Dalwaqt aħna ħa jkollna żmien taʼ tbatija kbira li ħa jkun agħar minn dak li kellhom il-Lhud. (Mat. 24:21; Riv. 16:14, 16) Ikkunsidra xi pariri li Ġeħova ta lil-Lhud għax dawn jistgħu jgħinuna ħafna. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Lhud biex jistudjaw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw dwarha. (Lhud 5:14; 6:1) Pawlu kkwota mill-Iskrittura Ebrajka u spjegalhom għala l-mod kif il-Kristjani kienu qed jaqdu lil Ġeħova kien aħjar mill-mod kif kienu qed jaqduh il-Lhud. Hu inkuraġġiehom biex jitgħallmu u jifhmu iktar il-Kelma t’Alla ħalli jagħrfu tagħlim falz u ma jaċċettawhx. w24.09 8-9 ¶2-3; 10 ¶6