Għamos
2 “Hekk jgħid Ġeħova,
‘“Peress li Mowab irribella għal darba wara l-oħra,* m’iniex se nbiddel fehmti,
Għax hu ħaraq l-għadam tar-re t’Edom u għamlu rmied.*
2 Għalhekk, se nibgħat nar f’Mowab,
U se jaħraq it-torrijiet iffortifikati taʼ Kerjot;
Mowab se jmut fl-istorbju,
Bl-għajjat tal-gwerra u bil-ħoss tal-qarn.
4 Hekk jgħid Ġeħova,
‘Peress li Ġuda rribella għal darba wara l-oħra,* m’iniex se nbiddel fehmti,
Għax huma warrbu l-liġi* taʼ Ġeħova
U ma żammewx mar-regoli tiegħu;
Imma tqarrqu bħalma tqarrqu missirijiethom.
5 Għalhekk, se nibgħat nar f’Ġuda,
U se jaħraq it-torrijiet iffortifikati taʼ Ġerusalemm.’
6 Hekk jgħid Ġeħova,
‘Peress li Iżrael irribella għal darba wara l-oħra,* m’iniex se nbiddel fehmti,
Għax huma jbigħu lill-ġust għall-fidda,
U l-fqir għal sandli.
7 Huma jgħaffġu taħt saqajhom lill-batuti,
U jwaqqfu lill-umli milli jkollu ġustizzja.
Missier u t-tifel tiegħu jkollhom relazzjoni mal-istess tfajla,
U b’hekk jiddiżonoraw l-isem qaddis tiegħi.
8 Huma jimteddu ħdejn kull artal fuq ħwejjeġ li jkunu ħatfu bħala garanzija taʼ self;
U l-inbid li jixorbu fit-tempju* tal-allat tagħhom jixtruh bil-multi li jkunu taw.’
9 ‘Imma kont jien li qridt għalkollox lill-Amurrin minn quddiemhom,
Li kienu twal bħas-siġar taċ-ċedri u b’saħħithom bħas-siġar tal-ballut;
Jien qridthom kollha bħal meta tinqered siġra bil-frott u l-għeruq tagħha.
10 Jien ħriġtkom mill-art tal-Eġittu
U mexxejtkom fid-deżert għal 40 sena,
Biex tieħdu f’idejkom l-art tal-Amurrin.
11 Jien inkarigajt lil xi wħud mit-tfal tagħkom bħala profeti
U lil xi wħud mill-irġiel żgħażagħ bħala Nażiriti.
Hux hekk, poplu t’Iżrael?’ jgħid Ġeħova.
12 ‘Imma intom bqajtu tagħtu l-inbid lin-Nażiriti,
U kkmandajtu lill-profeti biex ma jipprofetizzawx.
13 Għalhekk, jien se nfarrakkom fejn tkunu,
Bħalma karru mgħobbi bil-qatet tal-qamħ ifarrak dak li jkun hemm taħtu.
14 Il-ħafif mhux se jkollu fejn jaħrab,
Il-wieħed b’saħħtu se jitlef is-saħħa tiegħu,
U l-ebda gwerrier mhu se jeħlisha.*