Sofonija
2 Nies taʼ poplu li ma jafx jistħi,
Inġabru, iva, inġabru flimkien.
2 Qabel tidħol fis-seħħ il-liġi,
Qabel ma l-jum jgħaddi bħal qoxra taʼ żerriegħa li ttir fir-riħ,
Qabel Ġeħova jirrabja ħafna magħkom,
Qabel jiġi fuqkom il-jum li Ġeħova jirrabja magħkom,
3 Fittxu lil Ġeħova, intom l-umli* kollha tal-art,
Li tobdu l-liġijiet ġusti tiegħu.*
Stinkaw biex tagħmlu dak li hu tajjeb u uru li intom umli.*
Aktarx* se tiġu protetti fil-jum li Ġeħova jirrabja.
4 Gaża se ssir belt abbandunata;
Askelon se ssir ħerba.
In-nies t’Asdod se jiġu mkeċċijin fid-dawl tax-xemx,*
U Għekron se tinqered għalkollox.
5 “Ħażin għal dawk li jgħixu mal-kosta tal-baħar, il-poplu tal-Keretin!
Ġeħova kkundannakom.
‘Kangħan, l-art tal-Filistin, jien se neqirdek,
Ħalli ma jgħix ħadd iktar fik.’
6 U l-kosta tal-baħar se ssir bħal post fejn jirgħaw l-annimali,
Bi bjar għar-ragħajja u mqawel tal-ġebel għan-nagħaġ.
7 Din se terġaʼ ssir reġjun għal dawk li jifdal mill-poplu taʼ Ġuda li qishom nagħaġ;
Hemmhekk se jieklu.
Filgħaxija, huma se jimteddu fid-djar t’Askelon.
Għax Ġeħova l-Alla tagħhom se jieħu ħsiebhom*
U se jġib lura lill-ilsiera tagħhom.”
8 “Jien smajt it-tmaqdir taʼ Mowab u t-tgħajjir tal-Għammonin,
Li waqqgħu għaċ-ċajt lill-poplu tiegħi, u b’arroganza heddewhom li se jieħdu t-territorju tagħhom.
9 Għalhekk, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,” jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael,
“Li Mowab se jsir bħal Sodoma,
U Għammon bħal Gomorra,
Post fejn ikun hemm il-ħurrieq, ħofra tal-melħ, u art abbandunata għal dejjem.
Lil dawn se jisirquhom dawk li jifdal mill-poplu tiegħi,
U se jiħdulhom l-art tagħhom dawk li jifdal mill-ġens tiegħi.”
10 Hekk se jiġrilhom minħabba l-kburija tagħhom,
Peress li waqqgħu għaċ-ċajt u tkabbru kontra l-poplu taʼ Ġeħova tal-armati.
11 Ġeħova se jkun tal-biżaʼ għalihom;
Hu se jġib fix-xejn* l-allat kollha tal-art,
U l-popli li jgħixu fil-gżejjer se jmilu quddiemu,*
Kull wieħed minn fejn jgħix.
12 “Etjopjani, anki intom se tiġu maqtulin bix-xabla tiegħi.”
13 Hu se joħroġ idu lejn it-Tramuntana u jeqred lill-Assirja,
U Ninwe se jagħmilha abbandunata u niexfa bħad-deżert.
14 L-imrieħel se jimteddu fiha, kull tip t’annimal salvaġġ.*
Kemm il-pellikan u anki l-porkuspin* se jqattgħu l-lejl fost il-kaptelli tal-kolonni tagħha.
Minn tieqa se jinstemaʼ ħoss.*
Se jkun hemm ħerba kbira fl-għatba;
It-twavel taċ-ċedru se jkunu esposti għax-xemx u x-xita.
15 Din hi l-belt li n-nies tagħha kienu kburin u jgħixu b’moħħhom mistrieħ,
Huma kienu jgħidu f’qalbhom, ‘Il-belt tagħna hi unika, m’hemmx oħra bħalha.’
Issa kull min jgħaddi minn hemm jiċċassa u ma jkunx jistaʼ jemmen,
Għax saret post fejn jimteddu l-annimali slavaġ.
Kull min jgħaddi minn ħdejha se jxengel rasu* u jxejjer il-ponn.