Sofonija
3 Ħażin għall-belt* ribelluża, imniġġsa, u li taħqar lin-nies tagħha!
2 In-nies tagħha ma jobdux; ma jaċċettawx dixxiplina.
Huma ma fdawx f’Ġeħova; ma resqux qrib l-Alla tagħhom.
3 Il-kapijiet tagħha huma bħal iljuni jgħajtu.
L-imħallfin tagħha huma bħal ilpup billejl;
Huma lanqas għadma ma jħallu biex igerrmuha filgħodu.
4 Il-profeti tagħha huma rġiel arroganti u qarrieqa.
Il-qassisin tagħha jniġġsu dak li hu qaddis;
Huma jiksru l-liġi.
5 Ġeħova hu ġust u hu fost in-nies tagħha; hu ma jagħmel xejn ħażin.
Bħax-xemx li titlaʼ kuljum,
Hu juri x’inhuma d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu kull filgħodu.
Imma dak li mhux ġust, ma jafx x’inhi mistħija.
6 “Jien qridt popli; it-torrijiet tagħhom fil-kantunieri tħallew ħerba.
Ħarbatt it-toroq tagħhom, ħalli ma jgħaddi ħadd minn hemm.
Il-bliet tagħhom tħallew ħerba, ma joqgħod ebda bniedem fihom.
7 Jien għedt dwar in-nies tal-belt, ‘Issa żgur li se jirrispettawni* u jaċċettaw id-dixxiplina,’*
Imma huma kienu iktar ħerqana biex jagħmlu l-korruzzjoni.
8 Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ibqgħu stennewni*
Sa dakinhar li mmur nattakka poplu u niħdilhom l-affarijiet tagħhom,*
Għax id-deċiżjoni ġudizzjali tiegħi hi li niġbor il-popli u s-saltniet
Biex nikkastigahom, għax jien irrabjat u se nurihom il-korla kollha tiegħi;
Għax ir-rabja tiegħi hi bħal nar li jaħraq l-art kollha.
9 Dak iż-żmien, se ngħallem lin-nies kollha jitkellmu l-lingwa pura,
Ħalli kollha kemm huma jkunu jistgħu jfaħħru lil ismi, Ġeħova,
U jaqduni spalla maʼ spalla.’*
10 Dawk li jitolbuni bil-ħniena, il-poplu tiegħi li hu mxerred,
Se jġibuli rigal mir-reġjun tax-xmajjar tal-Etjopja.
11 Ġerusalemm, dakinhar mhux se jkollok għalfejn tistħi
Minħabba l-affarijiet kollha li bihom irribellajt kontrija,
Għax imbagħad jien se nneħħi minn nofsok lil dawk li huma arroganti u jiftaħru;
U int qatt mhu se terġaʼ tkun arroganti fuq il-muntanja qaddisa tiegħi.
12 Jien se nħalli poplu umli u ġwejjed f’nofsok,
U huma se jduru lejn l-isem taʼ Ġeħova għall-protezzjoni.
13 Dawk li jibqgħu ħajjin minn Iżrael mhu se jagħmlu l-ebda inġustizzja;
Huma mhux se jigdbu u lanqas se jużaw ilsienhom biex iqarrqu bin-nies;
Huma se jieklu* u jimteddu bħal nagħaġ, u ma jbeżżagħhom ħadd.”
14 Poplu taʼ Sijon, għajtu bil-ferħ!
Iżrael, għajjat bil-ferħ!
Poplu taʼ Ġerusalemm, ifirħu u kunu ferħanin b’qalbkom kollha!
15 Ġeħova neħħa l-ġudizzji li kellu kontrik.
Hu keċċa lill-għadu tiegħek.
Ir-Re t’Iżrael, Ġeħova, hu miegħek.
M’intix se tibżaʼ iktar minn xi ħsara.
16 Dakinhar, lil Ġerusalemm se jintqalilha:
“Tibżax, Sijon.
Taqtax qalbek.*
17 Ġeħova l-Alla tiegħek qiegħed miegħek.
Hu b’saħħtu u jsalva.
Hu se jifraħ bik b’ferħ kbir.
Hu se joqgħod kwiet* għax iħobbok.
Hu se jifraħ bik b’għajjat taʼ ferħ.
18 Se niġbor flimkien lil dawk li huma mdejqin minħabba li ma ħadux sehem fil-festi tiegħek;
Waqt li kienu fl-eżilju, in-nies kienu jwaqqgħuhom għaċ-ċajt.
19 F’dak iż-żmien, jien se naġixxi kontra dawk kollha li jaħqruk;
U se nsalva lil min izappap,
U se niġbor flimkien lil dawk imxerrdin.
Jien se nara li jiġu mfaħħrin u jkollhom reputazzjoni tajba*
F’kull pajjiż li ġew imġiegħla jistħu.
20 F’dak iż-żmien, se nġib lura lill-poplu tiegħek,
Iva, se niġborhom flimkien.
U jien se nara li jkollok reputazzjoni tajba* u tiġi mfaħħra fost il-popli kollha tal-art,
U int se tara dan meta nġib lura lill-poplu tiegħek mill-jasar,” jgħid Ġeħova.