Mikea
Il-muntanja li fiha hemm id-dar taʼ Ġeħova
Se tkun stabbilita fis-sod u iktar għolja mill-muntanji l-oħrajn.
Din se titgħolla ’l fuq mill-għoljiet,
U l-popli se jmorru jiġru lejha.
2 Ħafna popli se jiġu u jgħidu:
“Ejja nitilgħu fuq il-muntanja taʼ Ġeħova
U lejn id-dar tal-Alla taʼ Ġakobb.
Hu se jgħallimna dwar it-triqat tiegħu,
U aħna se ngħixu skont kif irid hu.”
Għax il-liġi* se toħroġ minn Sijon,
U l-kelma taʼ Ġeħova minn Ġerusalemm.
3 Alla se jagħmel ġudizzju fost ħafna popli
U se jirranġa l-affarijiet għall-benefiċċju tal-ġnus b’saħħithom viċin u ’l bogħod.
Huma se jbiddlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet
U l-lanez tagħhom fi mqassijiet taż-żabra.
Poplu mhux se jiġġieled bix-xabla kontra poplu ieħor,
U lanqas se jitgħallem iktar jiggwerra.
4 Kull wieħed se jpoġġi bilqiegħda* taħt id-dielja u s-siġra tat-tin tiegħu,
U ma jbeżżagħhom ħadd,
Għax Ġeħova tal-armati tkellem.
5 Il-popli kollha se jobdu* l-alla tagħhom,
Imma aħna se nobdu lil* Ġeħova l-Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem.
6 Ġeħova jgħid: “Dakinhar,
Se niġbor lill-poplu tiegħi li kien qed izappap,
U lil dawk li kienu mxerrdin,
Flimkien maʼ dawk li jien ittrattajt bl-aħrax.
7 Se nħalli fdal minn dawk li kienu qed izappu,
U se nagħmel poplu b’saħħtu lil dawk li huma ’l bogħod;
U jien, Ġeħova, se mmexxi bħala re fuq il-Muntanja Sijon,
Minn issa u għal dejjem.
8 U int, torri li tipproteġi l-merħla,
L-għolja taʼ bint Sijon,
Għandek se tiġi s-saltna, iva, għandek se tiġi l-ewwel*
Is-saltna li hi taʼ bint Ġerusalemm.*
9 Issa għala qed tgħajjat?
Mela m’għandekx re,
Jew mietlek dak li jagħtik il-pariri,
Biex issa qabdek l-uġigħ bħal taʼ mara li qed twelled?
10 Bint Sijon, tgħawweġ u għajjat bl-uġigħ,
Bħal mara li qed twelled,
Għax issa se titlaq mill-belt u tgħix fil-kampanja.
Int se tmur sa Babilonja,
U minn hemm se tinħeles;
Hemmhekk jien, Ġeħova, se nsalvak* minn taħt idejn l-għedewwa tiegħek.
11 Ħafna popli se jinġabru kontrik;
Huma se jgħidu, ‘Ħa tiġi ddiżonorata,
U ħalli naraw b’għajnejna stess jiġri dan lil Sijon.’
12 Imma huma ma jafux x’inhuma l-ħsibijiet tiegħi, Ġeħova,
Huma ma jifhmux l-iskop* tiegħi;
Għax jien se niġborhom bħal ringiela qamħ li jkun għadu kif inqataʼ fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.
13 Bint Sijon, qum u idres;
Għax jien se nagħtik is-saħħa bħal taʼ barri li għandu qrun tal-ħadid
U difrejn tar-ram,
U int se ġġib trab lil ħafna popli.
Int se tagħti l-ġid li serqu u r-riżorsi tagħhom lili,
Ġeħova u l-Mulej il-veru tal-art kollha.”