Malakija
3 “Jien qed nibgħat il-messaġġier tiegħi, u hu se jipprepara t-triq quddiemi. U f’daqqa waħda, il-Mulej il-veru li intom qed tfittxu se jiġi fit-tempju tiegħu; u l-messaġġier tal-patt li intom qed tistennew bil-ħerqa se jasal. Iva, hu żgur se jiġi,” jgħid Ġeħova tal-armati.
2 “Imma min se jissaporti l-jum meta jiġi, u min se jirnexxilu jibqaʼ wieqaf meta jidher? Għax hu se jkun bħan-nar taʼ dak li jirfina l-metall u bħas-sapun tal-ħassiela. 3 U l-Mulej se joqgħod bilqiegħda u jnaddaf it-tfal taʼ Levi, bħal wieħed li jirfina u jnaddaf il-fidda. Se jnaddafhom* bħad-deheb u bħall-fidda, u għal Ġeħova żgur se jsiru bħal nies li qed joffru offerti waqt li jagħmlu dak li hu tajjeb. 4 U Ġeħova se jieħu pjaċir* bl-offerti taʼ Ġuda u bl-offerti taʼ Ġerusalemm bħalma kien jieħu pjaċir bihom fil-passat.
5 “Jien se niġi biex niġġudikakom u malajr se nakkuża lis-sħaħar, lil dawk li jagħmlu adulterju, lil dawk li jaħilfu falz, lil dawk li jirrifjutaw li jgħinu lill-barrani,* u lil dawk li jisirqu* lill-ħaddiem mikri, lill-armla, u lill-orfni.* Dawn ma rrispettawnix,”* jgħid Ġeħova tal-armati.
6 “Jien Ġeħova; jien ma ninbidilx.* U intom it-tfal taʼ Ġakobb; intom għadkom ma ġejtux fix-xejn. 7 Intom warrabtu r-regoli tiegħi u m’obdejtuhomx minn żmien missirijietkom. Ejjew lura għandi, u jien niġi lura għandkom,” jgħid Ġeħova tal-armati.
Imma intom tgħidu: “Għala għandna niġu lura?”
8 “Jistaʼ bniedem jisraq lil Alla? Imma intom qed tisirquni.”
U tgħidu: “Kif sraqniek?”
“Billi ma ġibtux l-għaxra fil-100 u l-kontribuzzjonijiet. 9 Intom żgur li misħutin,* għax qed tisirqu lili. Iva, il-poplu kollu qed jagħmel hekk.” 10 Ġeħova tal-armati jgħid: “Ġibu l-għaxra fil-100 kollha fil-maħżen, ħalli b’hekk ikun hemm l-ikel fit-tempju tiegħi; u jekk jogħġobkom, għadduni minn prova f’din il-ħaġa, ħalli taraw jekk niftaħx bibien is-sema u nitfaʼ fuqkom ħafna barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn.”
11 “U jien se nwaqqaf* il-ġurati, ħalli ma jagħmlux ħsara l-prodott tal-art tagħkom u d-dwieli tagħkom jagħmlu l-frott,” jgħid Ġeħova tal-armati.
12 “Il-popli kollha se jkollhom jgħidu li intom ferħanin, għax intom se tgħixu f’art mill-isbaħ,” jgħid Ġeħova tal-armati.
13 “Dak li għedtu kontrija kien aħrax,” jgħid Ġeħova.
U intom tgħidu: “Aħna x’għedna kontrik bejnietna?”
14 “Intom tgħidu, ‘X’jiswa li taqdi lil Alla? Kif ibbenefikajna billi għamilna dak li talab minna Ġeħova tal-armati u billi wrejnieh li aħna mdejqin minħabba d-dnubiet tagħna? 15 Issa ħa ngħidu li dawk li huma prużuntużi huma ferħanin. Barra minn hekk, dawk li jagħmlu l-ħażen qed jirnexxu. Huma jażżardaw jgħaddu lil Alla minn prova u jgħadduha lixxa.’”
16 F’dak iż-żmien, dawk li jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova tkellmu bejniethom, kull wieħed maʼ sieħbu, u Ġeħova qagħad attent u baqaʼ jismaʼ. U quddiemu beda jinkiteb ktieb biex jiġu mfakkra dawk li jirrispettaw lil Ġeħova u dawk li jimmeditaw fuq* ismu.
17 “Dakinhar li nagħmilhom poplu speċjali,* huma se jsiru tiegħi,” jgħid Ġeħova tal-armati. “Jien se nurihom ħniena, bħalma raġel juri ħniena mat-tifel tiegħu li jobdih. 18 U intom se terġgħu taraw id-differenza bejn persuna tajba u persuna ħażina, id-differenza bejn xi ħadd li jaqdi lil Alla u xi ħadd li ma jaqdihx.”